

Fl-Irlanda ta’ Fuq hemm Proċedura għal Talbiet Żgħar. Il-qrati għal talbiet żgħar (small claims courts) huma mfassla sabiex jippermettu li ċerti tipi ta’ talbiet żgħar jiġu deċiżi b’mod informali fil-qorti tal-kontea (county court), normalment mingħajr il-ħtieġa ta’ rappreżentanza legali.
B’mod ġenerali, il-proċedura għal talbiet żgħar tista’ tintuża meta l-ammont ta’ flus jew il-valur tal-beni involuti ma jkunx ta’ aktar minn £3000. Madankollu, xi tipi ta’ talbiet huma esklużi, pereżempju, talbiet li jinvolvu korrimenti personali, libell jew inġurja, legat jew annwalità, sjieda ta’ art, proprjetà ta’ żwieġ u inċidenti tat-traffiku.
Il-proċedura hija fakultattiva u, f’ċerti ċirkustanzi, l-imħallef għandu s-setgħa li jittrasferixxi rikors lill-qorti tal-kontea (county court).
Ir-Regoli tal-1981 dwar il-Qorti tal-Kontea tal-Irlanda ta’ Fuq [County Court Rules (Northern Ireland) 1981] [S.R.1981 Nru 225] fihom formoli li jenħtieġ li jintużaw matul il-proċedura għal talbiet żgħar. Il-formoli huma stabbiliti għall-bidu tal-proċedimenti, għall-kontestazzjoni tat-talba u għall-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà. Hemm ukoll formola sabiex isir rikors għal sentenza fil-kontumaċja kif ukoll formola sabiex is-sentenza tiġi annullata.
Il-proċedura għal talbiet żgħar hija mfassla sabiex tkun informali. Il-persunal tal-Qorti jkun jista’ jgħin fil-mili tal-formoli meħtieġa u fl-ispjegazzjoni tal-proċess. Madankollu, ma jistax joffri pariri legali.
L-Uffiċċju ta’ Pariri għaċ-Ċittadini (Citizens’ Advice Bureau) jew ċentri ta’ pariri għall-konsumaturi jistgħu wkoll ikunu ta’ għajnuna għal-litiganti.
Jekk litigant ikollu diżabilità li tagħmilha diffiċli li jitla’ l-qorti jew li jikkomunika, jenħtieġ li jikkuntattja lill-Uffiċjal tas-Servizz tal-Klijenti (Customer Service Officer) tal-qorti kkonċernata li jaf ikun jista’ jipprovdi assistenza ulterjuri.
Il-qorti għal talbiet żgħar (small claims court) hija informali u ma japplikawx regoli stretti tal-provi. Għaldaqstant, il-qorti tista’ tadotta kwalunkwe metodu ta’ proċediment f’seduta li hija tqis li jkun ġust. Il-partijiet kollha, soġġetti għal kull oġġezzjoni legali, iridu jaqblu li jiġu eżaminati mill-imħallef b’ġurament.
Jekk il-kawża ma tkunx ikkontestata u tkun għal ammont stabbilit, it-talba tista’ tiġi ttrattata mingħajr seduta ta’ smigħ billi tintuża biss ix-xhieda bil-miktub. Din hija magħrufa bħala sentenza fil-kontumaċja.
Normalment l-imħallef jagħti deċiżjoni verbali filwaqt li jispjega r-raġunijiet tiegħu. Madankollu, huwa jista’ jagħżel li jagħti sentenza bil-miktub.
Hemm restrizzjonijiet fuq ir-rimborż tal-ispejjeż. Bħalissa, l-imħallef jista’ jordna li jitħallsu l-ispejjeż li ġejjin:
Jekk ikun hemm imġiba mhux raġonevoli minn xi waħda mill-partijiet, l-imħallef jista’ jordna l-ħlas tal-ispejjeż kontra dik il-parti. Jekk il-proċedimenti jinfetħu kif suppost fil-qorti tal-kontea (county court), l-imħallef jista’ jordna l-ħlas tal-ispejjeż xierqa.
Meta l-parti li titlef kienet preżenti jew rappreżentata fis-seduta, jista’ jiġi ppreżentat appell biss billi l-imħallef jintalab jiddikjara r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u b’rikors quddiem il-Qorti Għolja (High Court) għal determinazzjoni dwar jekk id-deċiżjoni tal-imħallef kinitx korretta fil-liġi.
Meta l-parti li titlef la kienet preżenti u lanqas rappreżentata fis-seduta u l-parti li titlef tikkuntattja lill-uffiċċju għal talbiet żgħar, wara li jkunu ħarġu kwalunkwe digriet jew sentenza, filwaqt li tiddikjara li ma rċivitx ir-rikors jew ma rċivitux minn qabel biżżejjed sabiex tkun tista’ twieġeb, jew għal kwalunkwe raġuni oħra hija ma tkunx wieġbet fil-ħin, tingħata l-parir li tippreżenta rikors fejn titlob l-annullament tad-digriet. Il-parti li tirbaħ tintbagħtilha kopja tar-rikors u tiġi mistiedna tippreżenta risposta bil-miktub fi żmien 14-il jum. L-Imħallef, wara li jkun ikkunsidra t-talba u kull risposta, jista’ jew:
Bl-istess mod, jekk id-dokumentazzjoni tal-parti li titlef tiġi rritornata lill-uffiċċju għal talbiet żgħar mill-uffiċċju tal-posta u jkun ċar li ma kinitx taf li saret it-talba, l-uffiċċju tal-qorti jitlob lill-Imħallef jirrevoka kwalunkwe digriet li jkun sar u jikkuntattja lill-parti li tirbaħ sabiex tipprovdi informazzjoni addizzjonali, eż. indirizz ġdid għall-intimat.
Aktar informazzjoni dwar il-proċeduri tista’ tinkiseb mis-sit web tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Courts and Tribunals Service).
Assistenza għal-Litiganti b’Diżabilità
Xi uffiċċji tal-qorti ħatru Uffiċjali tas-Servizz għall-Klijenti li jaf ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna. Jekk ma jkunux jistgħu jgħinu, il-litigant b’diżabilità jista’ jikkuntattja liċ-Ċentru ta’ Informazzjoni dwar is-Servizz tal-Qorti (Court Service Information Centre) fuq +44 300 200 7812.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.