Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Talbiet żgħar

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Fil-liġi Pollakka teżisti proċedura simplifikata. Hija regolata mill-Artikolu 5051 sa 50514 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

Il-proċedura simplifikata tinvolvi simplifikazzjoni u titjib tal-proċedimenti marbuta mal-provi u fl-appell billi jiġu mħaffa u ssimplifikati l-proċeduri tal-qorti u bl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti formali aktar stretti għall-partijiet sabiex jaġixxu b’mod aktar dixxiplinat meta jieħdu xi azzjoni.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Pollakk jinkorpora l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Il-Proċedura ġiet stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar bl-għan illi jiġu simplifikati l-proċedimenti ċivili u kummerċjali. Ir-Regolament jiġi applikat fl-Istati Membri kollha tal-UE minbarra d-Danimarka. Huwa kien traspost fil-liġi Pollakka mill-Artikolu 50521 sa 50527a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Il-proċedura simplifikata tintuża fil-każijiet li ġejjin li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati distrettwali (sądy rejonowe):

  • talbiet kuntrattwali, jekk il-valur tat-talba ma jaqbiżx PLN 20,000 u, għal talbiet taħt garanzija jew garanziji ta’ kwalità jew talbiet minħabba l-inkompatibilità tal-oġġetti tal-konsum ma’ kuntratt ta’ bejgħ lil konsumatur, jekk il-valur tas-suġġett tal-kuntratt ma jaqbiżx dak l-ammont;
  • talbiet għall-ħlas tal-kera ta’ postijiet ta’ abitazzjoni u t-tariffi pagabbli mill-kerrejja kif ukoll it-tariffi għall-użu ta’ abitazzjoni f’kooperattiva tad-djar, irrispettivament mill-valur tat-talba.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema (Sąd Najwyższy), it-talbiet għall-inadempjenza jew prestazzjoni inadegwata ta’ obbligu għandhom jiġu kkunsidrati skont il-proċedura simplifikata jekk il-valur tat-talba ma jaqbiżx PLN 20,000. Jekk ir-rikorrent qiegħed jitlob ammont inqas minn PLN 20,000 illi jikkostitwixxi il-fdal ta’ talba li diġà ġiet sodisfatta b’ammont ta’ aktar minn PLN 20,000, din it-talba wkoll tiġi kkunsidrata skont il-proċedura simplifikata. Il-frażi “skont il-kuntratti” tfisser illi t-talbiet minħabba atti illegali, arrikkiment indebitu u l-eżistenza ta’ sjieda ta’ propjetà, koproprjetà jew il-komunità tad-drittijiet jew l-eżistenza ta’ drittijiet ta’ propjetà oħra li l-akkwist jew eżerċizzju tagħhom jagħti lok għal obbligu ta’ ħlas ma jistgħux jinstemgħu skont il-proċedura simplifikata. Lanqas it-talbiet minħabba atti illegali minbarra l-kuntratti ma jistgħu jinstemgħu skont din il-proċedura: atti illegali unilaterali, aġenzija mingħajr awtorizzazzjoni, il-legitima portio u l-obbligi ġejjin minn deċiżjoni amministrattiva jew direttament mid-dispożizzjonijiet tal-liġi.

Il-proċedura simplifikata tista’ tiġi applikata f’każijiet li jinvolvu persuni fiżiċi u ġuridiċi jew negozji, impjegati u impjegaturi. L-applikazzjoni tal-proċedura mhix limitata mit-tip ta’ entità. Dan ifisser illi l-kwistjonijiet ekonomiċi jew dwar il-persunal jistgħu jiġu kkunsidrati skont il-proċedura simplifikata.

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati distrettwali u reġjonali (‘sądy okręgowe’) u l-uffiċjali tal-ġustizzja skont il-ġuriżdizzjoni territorjali kif speċifikat fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (l-Artikolu 16 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) moqri flimkien mal-Artikoli 17 u 505 (22) tiegħu).

Skont id-Direttiva msemmija hawn fuq, it-talbiet żgħar huma talbiet f’materji ċivili u kummerċjali (inklużi kwistjonijiet tal-konsumatur) u każijiet fejn il-valur tat-talba, minbarra l-interessi u l-ispejjeż, ma jaqbżux EUR 5,000 (meta tasal il-formola tat-talba mill-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni).

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Skont l-Artikolu 5053, kwalunkwe proċediment skont il-proċedura simplifikata jista’ jikkonċerna biss talba waħda. Diversi talbiet jistgħu jingħaqdu f’talba waħda biss jekk jirriżultaw mill-istess kuntratt jew kuntratti tal-istess tip. Jekk diversi talbiet jingħaqdu illegalment f’talba waħda, l-imħallef presedenti jordna illi t-talba tintbagħat lura skont l-Artikolu 1301 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Jekk ir-rikorrent qiegħed jitlob biss parti mit-talba, il-każ jiġi kkunsidrat skont il-proċedura simplifikata jekk din il-proċedura tkun xierqa għat-talba kollha li tirriżulta mill-fatti invokati mir-rikorrent. It-talbiet ma jistgħux jinbidlu skont il-proċedura simplifikata. Il-kontrotalbiet u t-tpaċijijiet huma permessi jekk it-talbiet jikkwalifikaw għall-proċedura simplifikata. Intervent primarju, sekondarju, avviżi lil partijiet terzi u tibdiliet tal-partijiet mhumiex permessi.

Il-kawżi jinstemgħu skont il-proċedura simplifikata irrispettivament mix-xewqat tal-partijiet, li jfisser illi din il-proċedura hija obbligatorja.

1.3 Formoli

Skont il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, (l-Artikolu 5052 moqri flimkien mal-Artikolu 125(2)), it-talbiet kollha, inklużi l-pretensjonijiet, ir-risposti, ir-rikorsi għall-oppożizzjoni ta’ sentenzi mogħtija b’kontumaċja jew ta’ talbiet li fihom provi matul il-proċedura simplifikata, għandhom jiġu ppreżentati fuq formoli uffiċjali.

Il-formoli uffiċjali huma disponibbli mill-uffiċji muniċipali, mir-reġistru tal-qrati u mis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja (http://bip.ms.gov.pl/pl/formularze ). In-nuqqas ta’ użu tal-formola rikjesta jikkostitwixxi irregolarità formali.

Skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (l-Artikolu 130 tiegħu), jekk talba li kellha tiġi ppreżentata fuq formola uffiċjali ġiet ippreżentata mod ieħor jew ma tistax tiġi pproċessata għaliex ma ġewx issodisfati kundizzjonijiet formali oħra, l-imħallef presedenti jitlob lil dik il-parti biex tikkoreġi l-irregolaritajiet fi żmien ġimgħa u tibagħtilha t-talbiet. Rikjesta għall-korrezzjoni tal-irregolaritajiet għandha tispeċifika l-irregolaritajiet kollha fit-talba. Jekk il-parti mitluba tagħmel dan tonqos u jiskadi ż-żmien jew terġa' tippreżenta talba irregolari, l-imħallef presedenti jordna r-ritorn tat-talba.

Skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, hemm erba’ formoli standard, mehmuża bħala annessi mar-Regolament msemmija hawn fuq. Dawn huma: formola għat-talba, formola għal rikjesta mill-qorti jew tribunal biex timtela jew tiġi korretta l-formola tat-talba, formola għar-risposta u ċertifikat li jikkonċerna s-sentenzi mogħtija skont il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.

1.4 Assistenza

Il-prinċipju tal-konċentrazzjoni tal-provi japplika fil-proċedura simplifikata. Il-qorti ma tikkunsidrax id-dikjarazzjonijiet u l-allegazzjonijiet magħmula mill-partijiet u tordna l-provi ppreżentati minnhom wara li tiġi ppreżentata talba, kontrotalba jew rikors għat-tħassir ta’ sentenza mogħtija b’kontumaċja jew wara l-konklużjoni tal-ewwel seduta ta’ smigħ (sistema ta’ preklużjoni), sakemm il-parti ma turix illi ma setgħetx jew ma kellhiex għalfejn tippreżentahom aktar kmieni (diskrezzjoni tal-imħallef). Dan jista’ jkun dovut għall-ħeffa tal-proċedura simplifikata. Jekk il-qorti tikkonkludi illi huwa impossibbli jew diffiċli ħafna li jiġi ppruvat l-ammont ta’ talba, hija tista’ tispeċifika ammont xieraq fis-sentenza fid-diskrezzjoni tagħha, wara li tkun ikkunsidrat il-fatti kollha tal-każ. Jekk il-qorti tikkonkludi illi l-każ huwa partikolarment kumpless jew għandha bżonn għarfien speċifiku biex issolvih, il-każ jiġi eżaminat skont il-proċedura tas-soltu. Il-qorti tista’ ssejjaħ għax-xhieda u persuni oħra bil-mod li hija tikkunsidra l-aktar effiċjenti biex tnaqqas l-ispejjeż tal-proċedura simplifikata. Sabiex tħaffef il-proċedura simplifikata, l-opinjoni tal-esperti ma jitqisux ammissibbli (l-Artikolu 5056). Sabiex tħaffef il-proċedura simplifikata, l-opinjoni tal-esperti ma jitqisux ammissibbli (l-Artikolu 5056 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Il-prinċipju tal-konċentrazzjoni tal-provi japplika fil-proċedura simplifikata. Il-qorti ma tikkunsidrax id-dikjarazzjonijiet u l-allegazzjonijiet magħmula mill-partijiet u tordna l-provi ppreżentati minnhom wara li tiġi ppreżentata talba, kontrotalba jew rikors għat-tħassir ta’ sentenza mogħtija b’kontumaċja jew wara l-konklużjoni tal-ewwel seduta ta’ smigħ (sistema ta’ preklużjoni), sakemm il-parti ma turix illi ma setgħetx jew ma kellhiex għalfejn tippreżentahom aktar kmieni (diskrezzjoni tal-imħallef). Dan jista’ jkun dovut għall-ħeffa tal-proċedura simplifikata. Jekk il-qorti tikkonkludi illi huwa impossibbli jew diffiċli ħafna li jiġi ppruvat l-ammont ta’ talba, hija tista’ tispeċifika ammont xieraq fis-sentenza fid-diskrezzjoni tagħha, wara li tkun ikkunsidrat il-fatti kollha tal-każ. Jekk il-qorti tikkonkludi illi l-każ huwa partikolarment kumpless jew għandha bżonn għarfien speċifiku biex issolvih, il-każ jiġi eżaminat skont il-proċedura tas-soltu. Il-qorti tista’ ssejjaħ għax-xhieda u persuni oħra bil-mod li hija tikkunsidra l-aktar effiċjenti biex tnaqqas l-ispejjeż tal-proċedura simplifikata. Sabiex tħaffef il-proċedura simplifikata, l-opinjoni tal-esperti ma jitqisux ammissibbli (l-Artikolu 5056).

1.6 Proċedura bil-miktub

Bħala regola ġenerali, il-proċedura simplifikata hija proċedura bil-miktub. Il-maġġoranza tar-rikorsi mill-partijiet għandhom jiġu ppreżentati fuq formoli speċjali uffiċjali. Madankollu, ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat ukoll oralment skont il-proċedura simplifikata. Parti għall-kawża tista’ titlob sabiex ir-raġunijiet ta’ sentenza jingħataw eżatt wara li tingħata s-sentenza (l-Artikolu 5058). Parti għall-kawża li tkun preżenti għas-seduta li fiha tingħata s-sentenza tista’ tirrinunzja għad-dritt ta’ appell tagħha permezz ta’ dikjarazzjoni mogħtija wara li tingħata s-sentenza. Jekk il-partijiet eliġibbli kollha jirrinunzjaw għad-dritt ta’ appell, is-sentenza ssir finali u vinkolanti.

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar hija proċedura bil-miktub (l-Artikolu 125(2), moqri flimkien mal-Artikolu 505(21) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Jekk il-qorti tikkonkludi illi l-kawża hija partikolarment kumplessa jew li għandha bżonn għarfien speċifiku biex issolviha, imbagħad, skont l-Artikolu 5057 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-każ jista’ jiġi eżaminat minn dik il-qorti skont il-proċedura tas-soltu. F’dak il-każ, ma titħallas l-ebda tariffa addizzjonali. Il-kawża tiġi eżaminata mill-qorti li semgħetha l-ewwel, skont proċedura xierqa li mhix il-proċedura simplifikata. Deċiżjoni tal-qorti skont l-Artikolu 5057 għandha tingħata matul is-seduta ta’ smigħ bħala deċiżjoni li ma hemmx appell minnha.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Ir-rikorrenti jridu jħallsu tariffa biex jippreżentaw talba skont il-proċedura simplifikata, kif inhu l-każ skont il-proċedura tas-soltu. Madankollu, it-tariffi għal talbiet skont il-proċedura simplifikata huma regolati minn regoli differenti, prinċipalment l-Artikolu 28 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Kawżi Ċivili) tat-28 ta’ Lulju 2005. L-Artikolu jipprevedi tariffa b’rata unika, skont l-ammont tat-talba jew tas-suġġett tal-kuntratt. It-tariffi li ġejjin iridu jitħallsu għall-ammonti li ġejjin:

  • sa massimu ta’ PLN 2 000: tariffa ta’ PLN 30;
  • bejn PLN 2 000 u PLN 5 000: tariffa ta’ PLN 100;
  • bejn PLN 5 000 u PLN 7 500: tariffa ta’ PLN 250;
  • aktar minn PLN 7 500: tariffa ta’ PLN 300.

Skont il-proċedura simplifikata, l-ispejjeż jitqassmu bejn il-partijiet skont ir-regoli ġenerali previsti fl-Artikoli 98 sa 110 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Skont l-Artikolu 98 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-parti telliefa trid tħallas l-ispejjeż assoċjati mas-segwitu tad-drittijiet u tad-difiża lill-parti l-oħra. Il-qorti talloka l-ispejjeż f’kull sentenza li tikkonkludi każ f'istanza partikolari.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Is-sentenzi mogħtija skont ir-Regolament jistgħu jiġu appellati fil-qorti tal-appell. Jekk is-sentenza tingħata mill-qorti distrettwali, l-appell jiġi ppreżentat permezz ta’ dik il-qorti quddiem il-qorti reġjonali, u jekk is-sentenza tingħata mill-qorti reġjonali, l-appell jiġi ppreżentat permezz ta’ dik il-qorti lill-qorti tal-appell (‘sąd apelacyjny’) (l-Artikoli 367 u 369 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, moqrija flimkien mal-Artikoli 505(26) u (27) tiegħu).

Jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament, il-qorti tagħti sentenza b’kontumaċja. L-intimat jista’ jappella s-sentenza mogħtija b’kontumaċja quddiem il-qorti li tat dik is-sentenza. Jekk l-eżitu tal-kawża ma jkunx pożittiv, ir-rikorrent jista’ jappella skont ir-regoli ġenerali (l-Artikoli 339(1), 342 u 344(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

L-aħħar aġġornament: 11/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.