Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Talbiet żgħar

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Hemm żewġ proċeduri speċifiċi fil-liġi nazzjonali għat-talbiet iż-żgħar (previsti fid-Digriet Amministrattiv Nru 269/98):

  • azzjoni speċjali għall-konformità mal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratt, li tikkonsisti minn proċedura ta’ dikjarazzjoni rapida u simplifikata;
  • ordni għal ħlas, li hija miżura li tattribwixxi s-setgħa ta’ titolu eżekuttiv lil talba relatata man-nonkonformità ma’ djun li jinvolvu ammonti żgħar.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Iż-żewġ proċeduri speċjali msemmija hawn fuq japplikaw meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti li ġejjin:

  • ikun involut obbligu finanzjarju (obbligu ta’ ħlas bi flus kontanti)
  • dan l-obbligu jkun oriġina f’kuntratt
  • is-somma ma taqbiżx il-EUR 15 000.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

L-ilmentatur jista’ jagħżel mill-proċeduri msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija 1.

1.3 Formoli

Fl-azzjoni speċjali għall-konformità mal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratt, it-talba u n-nota tal-eċċezzjonijiet ma hemmx għalfejn jiġu ppreżentati f’dokumenti proċedurali, fi kliem ieħor, is-sottomissjonijiet ma hemmx għalfejn jiġu nnumerati skont l-artikolu. Meta jiġu ppreżentati permezz tar-rappreżentanza legali, dawn iridu jintbagħtu b’mod elettroniku bl-użu ta’ formoli speċifiċi pprovduti apposta mis-sistema ta’ appoġġ tal-kompjuter għall-qrati, sakemm ir-rappreżentant ma jinvokax raġunijiet leġittimi biex din is-sistema ma tintużax. Meta jiġu ppreżentati mill-partijiet stess, il-formola speċjali ma tkunx meħtieġa u dawn jistgħu jintbagħtu lill-qorti bil-posta rreġistrata jew bil-faks.

Ordni għal ħlas trid tiġi ppreżentata fuq formola speċifika meħuda minn https://www.citius.mj.pt/Portal/consultas/Injuncoes/Injuncoes.aspx. L-użu ta’ din il-formola huwa obbligatorju, irrispettivament minn jekk jiġux ippreżentati mill-parti direttament jew permezz ta’ rappreżentant.

Meta tiġi ppreżentata minn rappreżentant legali, il-formola tal-ordni għal ħlas trid tintbagħat b’mod elettroniku permezz tas-sistema ta’ appoġġ tal-kompjuter għall-qrati (sakemm ir-rappreżentant ma jinvokax raġunijiet leġittimi biex din is-sistema ma tintużax). Meta jiġu ppreżentati direttament mill-parti, il-formola tal-ordni għal ħlas tista’ tingħata fuq karta.

1.4 Assistenza

L-iskema ta’ għajnuna legali tapplika għaż-żewġ proċeduri (eż. il-ħatra ta’ rappreżentant legali, il-ħlas tad-drittijiet tar-rappreżentant legali, il-ħlas tat-tariffi ġudizzjarji u ħlasijiet relatati oħrajn).

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Fl-azzjoni speċjali għall-konformità mal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratt, il-preżentazzjoni tal-provi tkun kif ġej:

  • il-provi jiġu ppreżentati waqt is-seduta;
  • jekk it-talba ma tkunx taqbeż il-EUR 5 000, kull parti tista’ ttella’ sa tliet xhieda. Fil-każijiet l-oħra kollha, jistgħu jittellgħu sa ħames xhieda. Fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet ta’ hawn fuq, parti ma tistax tippreżenta aktar minn tliet xhieda għal kull wieħed mill-fatti inkwistjoni;
  • f’talbiet li ma jaqbżux il-EUR 5 000 meta l-partijiet ma jkollhomx rappreżentazzjoni legali jew ir-rappreżentant legali ma jidhirx, ix-xhieda jiġu interrogati mill-imħallef;
  • provi esperti jiġu pprovduti dejjem minn espert wieħed;
  • l-imħallef jista’ jitlob aktar provi li jqis li jkunu indispensabbli għal deċiżjoni xierqa. F’każijiet bħal dawn, is-smigħ jista’ jiġi sospiż fil-ħin li l-imħallef iħoss li jkun konvenjenti u tiġi ffissata data għall-kontinwazzjoni. Is-sentenza trid tingħalaq fi żmien 30 jum.

Ordnijiet għal ħlas:

  • jekk konvenut innotifikat ma jikkontestax ordni għal ħlas, ma jkunx hemm bżonn li jiġu ppreżentati provi u l-iskrivan tal-qorti kompetenti jehmeż dan li ġej mal-ordni għal ħlas – “Dan id-dokument għandu forza legali”;
  • jekk ordni għal ħlas tiġi kkontestata, issegwi l-forma ta’ azzjoni speċjali għall-konformità mal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt u tapplika l-proċedura assoċjata għall-preżentazzjoni tal-provi;
  • jekk ikun impossibbli li l-konvenut jiġi nnotifikat, l-ordni għal ħlas tiġi ttrattata bħala każ ordinarju jekk l-attur ikun esprima din ix-xewqa; inkella, l-iskrivan jirritorna l-ordni għal ħlas lill-attur.

1.6 Proċedura bil-miktub

Jekk il-konvenut ikun ġie nnotifikat u ma jikkontestax ordni għal ħlas, il-proċedura kollha tkun bil-miktub.

Fil-każ ta’ azzjoni speċjali għall-konformità mal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratt, meta x-xhieda jkollhom jippreżentaw provi, dan jistgħu jagħmluh bil-miktub jekk l-għarfien tal-fatti tagħhom kien miksub b’riżultat tat-twettiq ta’ dmirijiethom.

F’dawn il-każijiet, it-testimonjanza tkun bil-miktub, iddatata u ffirmata mix-xhud, b’indikazzjoni tal-azzjoni li tirreferi għaliha, il-fatti kif inhuma magħrufa u r-raġunijiet għaliex ix-xhud għandu dan l-għarfien.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

F’azzjoni speċjali għall-konformità mal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratt fejn ikun hemm smigħ, is-sentenza tingħata bil-fomm u tiġi ddettata għat-traskrizzjoni, b’raġunijiet li jiġu pprovduti b’mod konċiż.

Meta ordni għal ħlas tiġi milqugħa, fir-realtà ma jkun hemm l-ebda deċiżjoni, iżda sempliċement li l-iskrivan tal-qorti jehmeż it-titolu eżekuttiv magħha.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

L-ispejjeż legali tal-parti rebbieħa jitħallsu mill-parti telliefa, fuq skala dixxendenti bbażata fuq il-piż tat-telfa. Il-parti rebbieħa tista’ tikseb rimborż totali jew parzjali tal-ispejjeż li ġejjin: it-tariffi tal-qorti li jkunu diġà tħallsu; l-ispejjeż imġarrba mill-parti fil-produzzjoni tal-provi meta ma kinitx dik il-parti li talbet dawk il-provi jew dawk il-provi ma ntużawx; ir-rimunerazzjoni mħallsa lill-uffiċjal tal-eżekuzzjoni u n-nefqa mġarrba mill-uffiċjal tal-eżekuzzjoni (eż. biex tiġi nnotifikata ċ-ċitazzjoni lill-konvenut minn uffiċjal tal-eżekuzzjoni); id-drittijiet tal-avukat u l-ispejjeż imġarrba minn dak l-avukat.

L-ammonti li jridu jiġu rimborżati jridu jiġu indikati f’nota ta’ spjegazzjoni. Din in-nota trid tintbagħat mill-parti intitolata għar-rimborż lill-qorti, lill-parti telliefa u lill-uffiċjal tal-eżekuzzjoni, meta jkun applikabbli, fi żmien ħamest ijiem wara li d-deċiżjoni ssir finali.

In-nota ta’ spjegazzjoni jrid ikun fiha l-informazzjoni li ġejja:

  • isem il-parti, in-numru tal-kawża u isem ir-rappreżentanza legali jew l-uffiċjal tal-eżekuzzjoni;
  • indikazzjoni tal-ammonti mħallsin mill-parti għat-tariffi tal-qorti;
  • indikazzjoni tal-ammonti mħallsin mill-parti għan-nefqa diġà mġarrba mill-uffiċjal tal-eżekuzzjoni;
  • indikazzjoni tal-ammonti mħallsin għad-drittijiet tar-rappreżentant legali jew tal-uffiċjal tal-eżekuzzjoni;
  • indikazzjoni tal-ammont li jrid jiġi rċevut.

Bħala regola ġenerali, l-ispejjeż tal-parti rebbieħa jitħallsu direttament mill-parti telliefa, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Id-deċiżjonijiet mogħtija f’azzjoni speċjali għall-konformità mal-obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratt jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appell ippreżentat quddiem qorti tal-appell, sakemm is-somma inkwistjoni taqbeż il-EUR 5 000 u d-deċiżjoni kkontestata tkun sfavorevoli għall-attur b’valur ogħla minn EUR 2 500.

Din tkun fil-forma ta’ appell ordinarju. Minbarra dawn, jeżistu u japplikaw ukoll regoli relatati ma’ appelli straordinarji previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

B’ordni għal ħlas, l-ilmenti jridu jiġu ppreżentati lill-imħallef fir-rigward ta’ ċaħda ta’ ordni ta’ talba għal ħlas u ċaħda ta’ tgħaqqid magħha ta’ titolu eżekuttiv imwettqa mill-iskrivan tal-qorti.

Ħoloq utli:

Id-Digriet Amministrattiv Nru 269/98 tal-1 ta’ Settembru 1998 jista’ jiġi kkonsultat fuq http://www.pgdlisboa.pt/leis/lei_mostra_articulado.php?nid=574&tabela=leis

Il-portal tal-Ministeru tal-Ġustizzja Citius jista’ jiġi kkonsultat fuq https://www.citius.mj.pt/.

Twissija

Il-punt ta’ Kuntatt Ċivili tan-NĠE, il-qrati jew entitajiet u awtoritajiet oħrajn mhumiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. It-testi legali rilevanti fis-seħħ iridu jinqraw bis-sħiħ ukoll peress li jkunu setgħu saru xi bidliet li jkunu għadhom ma ġewx inklużi f’din l-iskeda informattiva.

L-aħħar aġġornament: 05/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.