Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar
L-Artikoli 1026-1033 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid li daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Frar 2013, jirregolaw b’mod speċifiku din il-proċedura ta’ talbiet żgħar.
1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu
L-Artikolu 1026 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jistipula li l-valur tat-talba, mingħajr interessi, spejjeż tal-kawża u dħul anċillari ieħor, ma għandux jaqbeż RON 10 000 dakinhar tal-preżentata l-qorti.
F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 220/2022 tal-15 ta’ Lulju 2022 dwar l-adattament ta’ ċerti miżuri li rriżultaw ta’ benefiċċju għall-istituzzjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja matul l-istat ta’ emerġenza ddikjarat sabiex jiġu evitati u miġġielda l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, it-Titolu X Proċedura għal Talbiet Żgħar tal-Ktieb VI tal-Liġi Nru 134/2010, ippubblikat mill-ġdid, għandu japplika meta l-valur tat-talba, mingħajr imgħax, spejjeż legali u dħul anċillari ieħor, ma jaqbiżx RON 50 000 fid-data tar-rinviju lill-qorti. F’konformità mal-Artikolu 20 tal-Liġi Nru 220/2022, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha għandhom japplikaw għal perjodu ta’ sena mit-22 ta’ Lulju 2022 (id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi).
1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura
Fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid, il-proċedura għal talbiet żgħar għandha alternattiva. Ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn il-proċedura għal talbiet żgħar u l-proċedura ordinarja tal-qorti. Jekk ir-rikorrent ikun deher quddiem il-qorti biex jippreżenta t-talba tiegħu, din tiġi solvuta skont il-proċedura ordinarja, sakemm, mhux aktar tard mill-ewwel seduta ta’ smigħ, ma jkunux talab b’mod ċar għall-applikazzjoni tal-proċedura speċjali. Meta’ talba ma tistax tiġi solvuta skont il- proċedura għal talbiet żgħar, il-qorti tista’ tinnotifika lir-rikorrent b’dan u jekk huwa ma jirtirax it-talba tiegħu, din tiġi solvuta skont liġi ordinarja. Il-qorti kompetenti tal-ewwel istanza li ssolvi l-każ hija l-qorti distrettwali. Il-kompetenza territorjali hija stabbilita skont il-liġi ordinarja.
1.3 Formoli
L-ordni Nru 359/C tad-29 ta’ Jannar 2013 tal-Ministeru tal-Ġustizzja li japprova l-formoli użati fil-proċedura għal talbiet żgħar pprovduti mill-Artikoli 1025-1032 tal-Liġi Nru 134/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi formola standard obbligatorja għall-proċedura għal talbiet żgħar. Il-formoli standard huma: il-formola tat-talba, il-formola li temenda u / jew tikkoreġi l-formola tat-talba, u l-formola tat-tweġiba.
1.4 Assistenza
Din tingħata fil-limiti tar-rwol attiv eżerċitat mill-imħallef, mhux speċifikament għal dan it-tip ta’ każ.
1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi
Il-qorti tista’ taċċetta wkoll forom oħra ta’ provi minbarra s-sottomissjonijiet tal-partijiet. Madankollu, il-provi l-oħra li huma għaljin wisq biex jiġu ġestiti meta mqabbla mal-valur tat-talba jew tal-kontrotalba ma jiġux aċċettati.
1.6 Proċedura bil-miktub
L-Artikolu 1029 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jgħid illi r-rikorrent jibda proċedura għal talbiet żgħar meta’ jimla l-formola tat-talba u jissottomettiha jew jibgħata lill-qorti kompetenti bil-posta jew b’mezzi oħra li jassiguraw it-trażmissjoni u r-rikonoxximent tal-irċevuta. Il-kopji tas-sottomissjonijiet illi r-rikorrent beħsiebu juża wkoll jiġu sottomessi jew mibgħuta mal-formola tat-talba. Jekk l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrent mhix ċara jew xierqa biżżejjed, jew jekk il-formola tat-talba ma ġietx mimlija kif suppost, il-qorti toffri lir-rikorrent il-possibiltà li jimliha jew jikkoreġiha jew li jissottometti informazzjoni jew dokumenti addizzjonali, ħlief f’każijiet fejn it-talba hija ċarament infondata jew inammissibbli. Talba tiġi miċħuda jekk hija ċarament infondata jew inammissibbli. Jekk ir-rikkorent ma jimlix jew ma jikkoreġix il-formola ta’ applikazzjoni fiż-żmien indikat mill-qorti, it-talba tiġi miċħuda.
Il-proċedura għal talbiet żgħar hija proċedura bil-miktub u sseħħ kollha hemm hi fl-awla tal-qorti. Il-qorti tista’ tordna lill-partijiet biex jidhru l-qorti jekk hija tqis illi l-preżenza tagħhom hija meħtieġa jew fuq talba ta’ kull waħda mill-partijiet. Il-qorti tista’ tirrifjuta din it-talba meta tqis illi ma hemmx bżonn ta’ seduti orali minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ. Ir-raġunijiet għar-rifjut jingħataw bil-miktub u ma jistgħux jiġu appellati.
Wara li tkun irċeviet formola tat-talba mimlija korrettament, il-qorti tibgħat il-formola għar-risposta lill-intimat, flimkien ma’ kopja tal-formola tat-talba u tas-sottomissjonijiet tar-rikorrent. L-intimat irid jissottometti l-formola għar-risposta mimlija fi żmien 30 ġurnata min-notifika tad-dokumenti, kif ukoll kopji tad-dokumenti li beħsiebu juża. L-intimat jista’ jwieġeb b’kull mezz xieraq ieħor, mingħajr ma juża l-formola għar-risposta. Il-qorti immedjatament tinnotifika lir-rikorrent bil-kopji tar-risposta tal-intimat, bil-kontrotalba, jekk tapplika, u bis-sottomissjonijiet tal-intimat. Jekk l-intimat ippreżenta kontrotalba, ir-rikorrent irid jissottometti l-formola għar-risposta mimlija kif suppost jew iwieġeb b’kull mezz ieħor fi żmien 30 ġurnata mid-data tan-notifika. Kontrotalba, li ma tistax tiġi kkunsidrata f’din il-proċedura, titneħħa mill-bqija tad-dokumenti u tiġi trattata skont il-liġi ordinarja. Il-qorti tista’ titlob lill-partijiet biex jipprovdu aktar informazzjoni matul iż-żmien iffissat għal dan il-għan, li ma jistax jaqbeż 30 ġurnata mid-data tal-wasla tar-risposta tal-intimat jew fejn applikabbli, tar-rikorrent. Jekk il-qorti tkun iffissat perjodu ta’ żmien għall-partijiet biex jidhru quddiem il-qorti, huma jridu jiġu nnotifikati b’ċitazzjoni. Meta l-qorti tkun iffissat perjodu ta’ żmien għat-tlestija ta’ pass proċedurali, hija tinnotifika lill-parti interessata bil-konsegwenzi jekk ma tosservax dak il-perjodu.
Il-qorti tagħti s-sentenza tagħha fi żmien 30 ġurnata minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha meħtieġa jew, fejn applikabbli, mis-seduta ta’ smigħ. Jekk ma tirċevix l-ebda risposta mill-parti interessata fil-perjodu ta’ żmien indikat, hija tagħti s-sentenza fuq it-talba prinċipali jew fuq il-kontrotalba b’rabta mal-atti mehmuża fl-atti tal-kawża. Is-sentenza mogħtija mill-qorti tal-prim'istanza ssir eżekuttiva mid-data tal-għoti tagħha u tiġi nnotifikata lill-partijiet.
1.7 Il-kontenut tas-sentenza
Le.
1.8 Rimbors tal-ispejjeż
L-Artikolu 1032 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jgħid illi l-parti t-telliefa hija responsabbli mill-ispejjeż legali fuq talba tal-parti l-oħra. Madankollu, il-qorti ma tordnax il-ħlas ta’ spejjeż mhux meħtieġa lill-parti r-rebbieħa jew spejjeż li huma sproporzjonati meta’ mqabbla mal-valur tat-talba.
1.9 Il-possibilità ta’ appell
L-Artikolu 1033 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili l-ġdid jipprovdi illi s-sentenza tal-qorti hija soġġetta għal appell quddiem it-tribunal fi żmien 30 ġurnata min-notifika tagħha biss. Jekk ikun hemm raġunijiet, il-qorti tal-appell tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni jekk titħallas garanzija ta’ 10 % tal-valur kontestat. Id-deċiżjoni tal-qorti tal-appell tiġi nnotifikata lill-partijiet u hija finali.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.