Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Talbiet żgħar

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Iva, talbiet sa EUR 6 000 jeħtieġu smigħ orali, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal ammonti li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tiegħu.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Talbiet sa EUR 6 000 jeħtieġu smigħ orali.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Permezz ta’ applikazzjoni bil-miktub.

1.3 Formoli

Ma hemm l-ebda formola standard obbligatorja. Madankollu, l-Uffiċċji tal-Imħallfin Anzjani (Decanatos) jipprovdu formoli standard li jistgħu jintużaw għal talbiet sa EUR 2 000 mir-rikorrent biex jippreżenta rikors u mill-intimat biex jikkontestaha.

Dawn il-formoli jistgħu jitniżżlu mis-sit web tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial).

Jekk it-talba taqbeż l-EUR 2 000, l-involviment ta’ avukat (abogado) u rappreżentant tal-qorti (procurador) huwa obbligatorju; it-talba ma tistax tiġi eżegwita jew ikkontestata mingħajr tali rappreżentazzjoni legali.

Jekk it-talba ma tiġix ikkontestata mill-intimat, dan ma jfissirx li l-ammont tat-talba se jintlaqa’ iżda sempliċement li l-intimat kien kontumaċi u l-proċeduri jkomplu.

1.4 Assistenza

Ir-rikorrenti jistgħu jidhru fis-seduta orali personalment, imma jekk l-ammont tat-talba jaqbeż EUR 2 000, l-involviment ta’ avukat u rappreżentant tal-qorti huwa obbligatorju.

Jekk ir-rikorrent ma jidhirx fis-seduta, jew irrappreżentat minn avukat u rappreżentant tal-qorti jew personalment jekk l-involviment ta’ rappreżentant legali mhuwiex meħtieġ, jiġi kkunsidrat li t-talba ġiet irtirata, sakemm l-intimat ma jkollux interess leġittimu fit-talba u jitlob li l-proċeduri jitkomplew biex tingħata sentenza finali dwar il-merti.

Jekk l-intimat ma jidhirx personalment, il-proċeduri jkomplu.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Ir-regoli ġenerali dwar il-provi japplikaw: kull tip ta’ prova hija ammissibbli, u huwa possibbli li jintalbu u jiġu ppreżentati provi qabel is-seduta nfisha.

1.6 Proċedura bil-miktub

Kemm it-talba kif ukoll id-difiża jsiru bil-miktub. Il-kwistjonijiet proċedurali jiġu solvuti waqt is-seduta. Bl-istess mod, il-provi jingħataw oralment u primarjament matul is-seduta.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Is-sentenza hija motivata u mogħtija bil-miktub bħal fi kwalunkwe proċedura oħra.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Jekk avukat u rappreżentant tal-qorti huma obbligatorji, u hemm ordni biex jitħallsu l-ispejjeż, il-parti li favur tagħha huma ordnati l-ispejjeż tista’ tirkupra l-ispejjeż tal-proċeduri, wara li dawn ikunu ġew evalwati u sakemm dawn ma jaqbżux terz tal-ammont tal-proċeduri għal kull wieħed mil-litiganti inklużi fl-ordni.

Jekk il-litigant li ngħata l-ispejjeż ma joqgħodx fil-post fejn ikun sar is-smigħ, l-ispejjeż tar-rappreżentant tal-qorti jistgħu jiġu rimborżati, anke jekk l-involviment tagħhom ma jkunx obbligatorju.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Jista’ jitressaq appell kontra s-sentenza jekk l-ammont tal-każ jaqbeż EUR 3 000. L-appell jitressaq quddiem l-istess qorti, bil-miktub u fi żmien perjodu massimu ta’ 20 jum.

Il-ġuriżdizzjoni biex jinstema’ l-appell hija tal-Qorti Provinċjali (Audiencia Provincial), li tkun kostitwita minn imħallef wieħed, u l-ebda appell ieħor kontra s-sentenza ta’ dan tal-aħħar ma huwa possibbli, għalkemm appell fuq punt ta’ liġi kontra dawk is-sentenzi ġie permess f’xi Komunitajiet Awtonomi bil-liġi ċivili tagħhom stess.

L-aħħar aġġornament: 10/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.