Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Isvediż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Talbiet żgħar

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Iva, hemm proċedura speċifika għat-talbiet żgħar.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Il-proċedura speċifika għat-talbiet żgħar tiġi segwita mill-qorti ordinarja tal-prim’istanza (il-qorti distrettwali, tingsrätt) meta t-talba tal-attura taqa’ taħt ċertu valur ta’ limitu. Il-livell limitu attwalment (sa mill-2019) huwa ta’ SEK 23,250. Il-valur ta’ limitu ma huwiex ammont stabbilit mil-liġi, iżda huwa marbut ma’ dak magħruf bħala l-ammont tal-prezz bażi, u dan ifisser li l-lvalur ta’ limitu huwa kkalkulat b’riferiment għax-xejriet fil-prezz.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

L-aċċess għal din il-proċedura ma huwiex ristrett għal ċerti tipi ta’ każijiet, bħat-tilwim tal-konsumaturi. Il-kriterji applikabbli huma li l-każ irid ikun kawża ċivili, u li l-valur tat-tilwima jrid ikun taħt il-valur ta’ limitu. Il-proċedura ma tistax tintuża f’kawżi tal-familja.

1.3 Formoli

Il-formola tal-applikazzjoni għall-bidu ta’ Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar hija disponibbli fuq is-sit web tal-Amministrazzjoni tal-Qrati Nazzjonali Żvediża (Dompolsveret).

1.4 Assistenza

L-għajnuna biex tinbeda proċedura hija disponibbli f’qorti distrettwali. L-awtoritajiet tal-Istat għandhom obbligu ta’ servizz ġenerali li huma sanċit fil-liġi. Dan l-obbligu jfisser li l-persuni jistgħu jċemplu lil jew iżuru qorti distrettwali, pereżempju, u jirċievu pariri ġenerali dwar il-proċedura u r-regoli li japplikaw għaliha. L-imħallef presedenti wkoll għandu obbligu biex jiżgura li l-kwistjonijiet kontenzjużi inkwistjoni jiġu ċċarati, u li l-partijiet jispeċifikaw x’qegħdin jippjanaw li jinvokaw fil-kawża, matul il-preparamenti għal kawża u skont in-natura tagħha. Fil-prattika, l-imħallef iwettaq dmirijietu permezz ta’ mistoqsijiet u rimarki addizzjonali.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Ma jeżistux regoli speċjali għal każijiet li jikkonċernaw tilwim li jinvolvi ammonti żgħar. Fi kliem ieħor, jistgħu jiġu ppreżentati kemm provi orali kif ukoll bil-miktub. Id-dikjarazzjonijiet bil-miktub tax-xhieda huma permessi biss f’ċerti sitwazzjonijiet speċjali. Tista’ tinkiseb aktar informazzjoni dwar ir-regoli dwar il-ġbir tal-provi f’kawżi ċivili skont il-liġi Żvediża hawnhekk here.

1.6 Proċedura bil-miktub

Qorti tista’ tagħti sentenza purament abbażi ta’ proċedimenti bil-miktub. Din l-opportunità tintuża meta l-proċedimenti orali la huma meħtieġa b’referiment għall-investigazzjoni tal-każ u lanqas ma huma mitluba mill-partijiet.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Ma jeżistux regoli speċjali li jirregolaw il-formulazzjoni ta’ sentenza f’każijiet li jinvolvu ammonti żgħar. Dan li ġej japplika għall-kawżi ċivili kollha, inklużi s-sentenzi f’kawżi li jinvolvu ammonti żgħar. Is-sentenza trid tingħata bil-miktub u għandha tinkludi din l-informazzjoni li ġejja f’taqsimiet differenti: l-isem tal-qorti u d-data u l-post tal-għoti tas-sentenza, il-partijiet u r-rappreżentanti jew konsulenti tagħhom, il-parti operattiva tas-sentenza, it-talbiet u s-sottomissjonijiet tal-partijiet rispettivi u ċ-ċirkostanzi li fuqhom huma bbażati, u l-motivazzjoni tas-sentenza, inkluża l-informazzjoni dwar dak li ġie ppruvat fil-kawża.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Ir-regoli speċjali dwar l-ispejjeż huma l-aktar fattur speċjali importanti tal-każijiet li jinvolvu ammonti żgħar. Il-parti rebbieħa tal-kawża għandha biss dritt għal kumpens għal konsulenza legali ta’ siegħa f’okkażjoni waħda quddiem kull qorti, kif ukoll għat-tariffa tar-rikors, l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza b’rabta mas-seduta tal-qorti, il-kostijiet tal-provi li nkisbu mix-xhieda u l-kostijiet tat-traduzzjoni tad-dokumenti. Il-kumpens jingħata biss jekk l-ispejjeż intalbu b’mod raġonevoli sabiex il-parti rebbieħa tkun tista’ teżegwixxi d-drittijiet tagħha. Għaldaqstant, ir-remunerazzjoni tar-rappreżentanti ma hijiex ikkumpensata, lil hinn mill-ammont korrispondenti għal siegħa konsulenza legali.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Sentenza mogħtija minn qorti inferjuri tista’ tiġi appellata quddiem qorti superjuri.

Irid jinkiseb permess għal appell sabiex il-qorti tal-appell (hovrätt) tkun tista’ teżamina s-sentenza mill-qorti distrettwali. Il-permess għall-appell jista’ jingħata biss jekk ikun importanti għall-applikazzjoni tal-liġi li l-appell jinstema’ minn qorti ta’ istanza ogħla, jekk ikun hemm raġunijiet biex tiġi emendata l-konklużjoni milħuqa mill-qorti distrettwali jew jekk ikun hemm raġunijiet speċjali oħra għal appell. Parti li tixtieq tappella minn sentenza tal-qorti distrettwali jeħtiġilha tagħmel dan bil-miktub, u l-appell irid jasal quddiem il-qorti distrettwali fi żmien tliet ġimgħat mid-data meta ngħatat is-sentenza.

L-aħħar aġġornament: 22/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.