Punti ta’ kuntatt u membri Belġjani tan-network
Il-Belġju nnomina żewġ punti ta’ kuntatt. Wieħed minn dawn huwa maġistrat tal-Qorti tal-Kassazzjoni li jikkoordina r-relazzjonijiet tan-network mal-membri maġistrati; l-ieħor huwa uffiċjal fis-Servizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja u jaħdem speċifikament fis-servizz għall-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet ċivili.
Barra minn hekk, in-network Belġjan bħalissa huwa ffurmat minn 15-il maġistrat, li huma membri skont l-Artikolu 2.1(d) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE. Għal kull sentenza mill-qorti tal-appell jinħatru tlieta jew erba’ maġistrati; kull wieħed minnhom huwa speċjalizzat fil-liġi tal-familja, fil-liġi kummerċjali u fil-liġi tal-proċedura. Dawn il-maġistrati ġejjin minn qrati ta’ diversi livelli (Qorti tal-Appell, Tribunali tal-Prim’Istanza, Tribunali tal-Kummerċ u Kummissarji tal-Ġustizzja).
Rappreżentant tal-Kunsill nazzjonali tar-reġistraturi superjuri huwa wkoll membru tan-network Belġjan skont l-Artikolu 2.19d) tad-Deċiżjoni msemmija hawn qabel.
Erba’ rappreżentanti ta’ professjonijiet legali ġew innominati wkoll mill-Belġju bħala membri tan-Network skont l-Artikolu 2.1(e): rappreżentant għan-nutara, rappreżentant għall-marixxalli tal-qorti u żewġ rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-avukati (rappreżentant tal-assoċjazzjonijiet li jitkellmu bil-Franċiż u l-Ġermaniż u rappreżentant tal-assoċjazzjonijiet li jitkellmu bil-Fjamming).
Il-koordinazzjoni hija assigurata wkoll flimkien mad-diversi awtoritajiet ċentrali deżinjati fil-kuntest ta’ diversi regolamenti (ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003, ir-Regolament (KE) Nru 4/2009, ir-Regolament (KE) Nru 1393/2001,...).
Ġew stabbiliti wkoll kuntatti mat-taqsima Belġjana taċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur.
Il-mod tal-operat tan-network
Il-biċċa l-kbira tal-komunikazzjonijiet issir bil-posta elettronika. L-informazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea u b’mod partikolari mis-Segretarjat tintbagħat prinċipalment minn wieħed mill-punti ta’ kuntatt mill-membri. Il-membri jieħdu sehem fil-laqgħat tan-Network skont it-temi tagħha. Barra minn hekk, issir laqgħa darba fis-sena tal-membri Belġjani maġistrati.
Il-membri huma regolarment mistiedna jagħtu bl-aktar mod wiesgħa possibbli informazzjoni dwar il-liġijiet ġodda jew iqassmu kwestjonarji mal-kollegi tagħhom. B’mod iktar ġenerali, id-dokumentazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll il-ħoloq utli tal-internet huma disponibbli fil-qrati. Ċerti membri tan-network huma wkoll involuti fil-pubblikazzjoni ta’ bulettin iddedikat lil-leġiżlazzjoni Ewropea (Eur-alert!).
Ġiet stabbilita wkoll kollaborazzjoni mal-Istitut tat-Taħriġ Ġudizzjarju li tippermeti li l-punti ta’ kuntatt u l-membri jkunu involuti, bħala kelliema waqt it-taħriġ li jorganizzaw dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea reċenti u b’mod partikolari fuq il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja Ewropea u internazzjonali fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.
Fil-kuntest tat-trattament ta’ kwistjonijiet partikolari rigward pereżempju l-kontenut ta’ liġi barranija jew dwar il-proċess ta’ proċedura li jkollha inċidenza transfruntiera, il-kuntatti jsiru permezz tal-posta elettronika minn naħa bejn il-punt ta’ kuntatt tal-Belġju u l-maġistrat Belġjan li jkun għamillu d-domandi fil-kuntest ta’ proċedura pendenti u min-naħa l-oħra bejn il-punti ta’ kuntatt tal-Istati Membri kkonċernati.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.