

In-Network Ġudizzjarju Ewropew f'Materji Ċivili u Kummerċjali
Il-qafas ġuridiku tan-Network Ġudizzjarju Nazzjonali f'Materji Ċivili u Kummerċjali fir-Repubblika tal-Bulgarija (in-Network Nazzjonali) huwa stabbilit fir-Regoli Operazzjonali tiegħu (Pravila za deynostta), adottati mill-Kunsill Ġudizzjarju Suprem (Vissh sadeben savet, VSS) b’deċiżjoni tat-13 ta’ Marzu 2018, li ssostitwixxew ir-regoli adottati b’deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2014 u emendati b’deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2015.
L-iskop tan-Network Nazzjonali huwa li jipprovdi l-assistenza meħtieġa lill-awtoritajiet ġudizzjarji fit-tfassil, fit-trażmissjoni u fl-eżekuzzjoni effettivi tat-talbiet għall-assistenza ġudizzjarja, il-ġbir u l-ħżin tal-istatistika dwar il-kooperazzjoni legali internazzjonali segwita mill-qrati fil-Bulgarija, u li jikkoopera mal-punti ta’ kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew u istituzzjonijiet simili oħra.
L-Awla tal-Imħallfin (Sadiyska kolegiya) tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem hija responsabbli għall-funzjonament tan-Network Nazzjonali, għall-parteċipazzjoni tiegħu fi proġetti nazzjonali u internazzjonali, u għall-kooperazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet, mal-organizzazzjonijiet u mal-entitajiet kollha, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, li jwettqu funzjonijiet fil-qasam tal-assistenza ġudizzjarja internazzjonali. Id-Direttorat għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Protokoll (Direktsiya Mezhdunarodna deynost i protokol) tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem jassisti u jikkoordina l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-membri tan-Network, il-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-Awla tal-Imħallfin. Il-gwida u l-koordinazzjoni metodoloġika tal-operat tan-Network Nazzjonali huma pprovduti mill-Awla tal-Imħallfin permezz tal-Kumitat għall-Evalwazzjonijiet u għall-Kompetizzjonijiet (Komisiya po atestiraneto i konkursite).
Komplement
L-applikanti għall-membri tan-Network Nazzjonali jridu jkunu mħallfin ta’ qorti distrettwali u provinċjali jew ta’ qorti tal-appell li tissodisfa kriterji partikolari f’termini ta’ mertu professjonali u integrità morali, ħiliet ta’ lingwi barranin, eċċ. Wara kompetizzjoni ta’ reklutaġġ, l-imħallfin tan-Network Nazzjonali jiġu nnominati b’deċiżjoni tal-Awla tal-Imħallfin tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem għal perjodu ta’ ħames snin. In-Network Nazzjonali jinkludi sa seba’ imħallfin ta’ kull distrett tal-appell u sa 15-il imħallef tad-Distrett tal-Appell ta’ Sofia. F’każijiet espressament previsti, is-sħubija tan-Network tintemm b’deċiżjoni motivata tal-Awla tal-Imħallfin tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem, proposta mill-Kumitat għall-Evalwazzjonijiet u għall-Kompetizzjonijiet.
Punti ta’ kuntatt
L-Awla tal-Imħallfin tal-Kunsill Ġudizzjarju Suprem, li taġixxi fuq proposta tal-Kumitat għall-Evalwazzjonijiet u għall-Kompetizzjonijiet, taħtar punti ta’ kuntatt minn fost il-membri tan-Network: punt ta’ kuntatt wieħed f'Materji Ċivili u punt ta’ kuntatt wieħed fil-materji kummerċjali, għal perjodu ta’ ħames snin.
Funzjonijiet
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.