Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Dwar in-Networks

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Il-Punti ta’ Kuntatt

Hemm punt ta’ kuntatt wieħed għal kull waħda mill-erba’ ġuriżdizzjonijiet legali tar-Renju Unit. Billi kull ġuriżdizzjoni hija separata, ma hemm l-ebda trikkib bejn il-ħidma ta’ dawn il-punti ta’ kuntatt, li kull wieħed minnhom għandu responsabbiltà unika għan-Network fil-ġuriżdizzjoni tiegħu. Il-mistoqsijiet li jsiru permezz tan-NĠE għandhom jintbagħtu lill-punt ta’ kuntatt rilevanti għall-ġuriżdizzjoni kkonċernata.

Il-punt ta’ kuntatt għall-Iskozja jaħdem fl-uffiċċju tal-UE tal-Gvern Skoċċiż fi Brussell. Dan jista’ jirreferi għal għadd ta’ kollegi meta jittratta xogħol tan-Network. Ix-xogħol tan-Network huwa kkombinat ma’ kompiti oħrajn.

Il-funzjonament tal-NĠE fl-Iskozja

Ma jeżisti ebda network nazzjonali formali fl-Iskozja. Madankollu, fi ħdan id-Direttorat tal-Ġustizzja (Justice Directorate), ġie żviluppat network ta’ persuni li huma esperti f’oqsma ta’ politika partikolari. Il-punt ta’ kuntatt jista’ jirreferi għal dawn il-kollegi għal tweġibiet għal mistoqsijiet speċifiċi.

Kuntatti ġew żviluppati wkoll f’partijiet oħrajn fil-Gvern Skoċċiż. Il-punt ta’ kuntatt jirreferi għal dawn l-individwi għal pariri jew tweġibiet għal mistoqsijiet relatati max-xogħol tagħhom. Il-punt ta’ kuntatt jaħdem ukoll ma’ oħrajn minbarra l-gvern, meta jkun rilevanti. Eżempji jinkludu l-Għaqda tal-Liġi tal-Iskozja (Law Society of Scotland) u l-Fakultà tal-Avukati (Faculty of Advocates), il-korpi professjonali li jirrappreżentaw rispettivament lill-konsulenti legali (solicitors) u lill-avukati. Il-punt ta’ kuntatt stabbilixxa wkoll konnessjonijiet mal-korp rappreżentattiv tal-uffiċjali ta’ eżekuzzjoni, l-Għaqda tal-Uffiċjali Ġudizzjarji u l-Uffiċjali tax-Xeriff (Society of Messengers at Arms and Sheriff Officers – SMASO).

L-aktar mod komuni li bih wieħed jista’ jaċċessa u jiskambja l-informazzjoni huwa bil-posta elettronika. Il-punt ta’ kuntatt attenda wkoll laqgħat fiżikament.

Il-punt ta’ kuntatt jiżgura li jiġu kkonsultati l-esperti politiċi, dawk amministrattivi jew esperti oħrajn qabel il-laqgħat rilevanti tan-Network. In-noti tal-laqgħat u l-punti ta’ azzjoni rilevanti jiġu disseminati kif xieraq.

L-għoti ta’ informazzjoni

Ma jeżisti ebda sit nazzjonali għall-NĠE fl-Iskozja. L-informazzjoni tingħata permezz ta’ siti eżistenti oħra. Qed issir dejjem aktar referenza għall-Portal Ewropew tal-e-Ġustizzja. Il-punt ta’ kuntatt ħadem ma’ oħrajn li jipprovdu sorsi ta’ informazzjoni, inkluż is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service – SCTS). Is-sit tal-SCTS jipprovdi gwida liċ-ċittadini dwar it-talbiet transfruntiera, b’mod partikolari dawk relatati mar-Regolamenti dwar l-Ordni Ewropew ta’ Infurzar, l-Ordni ta’ Ħlas Ewropea u l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar. Jittieħdu opportunitajiet biex titqajjem kuxjenza dwar l-NĠE u l-paġni tal-Portal tal-e-Ġustizzja f’laqgħat u konferenzi xierqa u f’pubblikazzjonijiet rilevanti.

L-aħħar aġġornament: 25/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.