Il-funzjonament tan-NĠE fi Spanja
Fi Spanja, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi 16/2015 tas-7 ta’ Lulju 2015 dwar l-istatus tal-membru nazzjonali ta’ Spanja fil-Eurojust, il-kunflitti dwar il-ġuriżdizzjoni, in-networks ta’ kooperazzjoni internazzjonali ġudizzjarja u l-persunal tal-Ministeru tal-Ġustizzja assenjat barra l-pajjiż, il-ħatra u t-tneħħija tal-punti ta’ kuntatt Spanjoli għan-networks internazzjonali ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja, skont it-termini tar-regoli li jistabbilixxuhom, jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Il-ħatra trid issir minn fost persuni li għandhom esperjenza ppruvata fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali u għarfien tajjeb tal-Ingliż jew tal-Franċiż, kif applikabbli, u trid tiżgura, tal-inqas, rappreżentanza tal-ġudikatura, tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministerio Fiscal) u tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Għal dak il-għan, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial) u tal-Prosekutur Ġenerali (Fiscal General del Estado) sabiex jipproponu lill-Ministru tal-Ġustizzja l-ħatra u t-tneħħija tal-punti ta’ kuntatt għall-professjonijiet rilevanti. L-istatus tal-punt ta’ kuntatt jintemm hekk kif il-persuna kkonċernata tieqaf taħdem għall-istituzzjoni li tkun ipproponiet il-ħatra tagħha. Dan irid jiġi nnotifikat lill-Ministeru tal-Ġustizzja, li jkun jeħtieġlu javża lis-Segretarjat tan-Network.
Il-punti ta’ kuntatt Spanjoli għan-networks tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali huma intermedjarji attivi bil-kompitu li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati differenti. Huma disponibbli għall-awtoritajiet Spanjoli rilevanti, kif ukoll għall-punti ta’ kuntatt l-oħrajn kollha, fejn jipprovdulhom informazzjoni legali u prattika meħtieġa għat-titjib tal-kooperazzjoni ġudizzjarja. Kull sena l-punti ta’ kuntatt Spanjoli jkun jeħtiġilhom jippreżentaw id-data statistika tagħhom dwar l-attività tagħhom lill-istituzzjoni li jappartjenu għaliha.
Il-Punti ta’ Kuntatt
Fi Spanja, il-punti ta’ kuntatt tan-Network jinsabu fil-Ministeru tal-Ġustizzja, fil-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura u fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Fiscalía General del Estado). Attwalment hemm tmien punti ta’ kuntatt, imqassma kif ġej:
- Sitt punti ta’ kuntatt maħtura mill-Ministeru tal-Ġustizzja – tnejn fis-Subdirettorat-Ġenerali għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (Subdirección General de Cooperación Jurídica Internacional) u erba’ reġistraturi tal-qorti (Letrados de la Administración de la Justicia);
- punt ta’ kuntatt wieħed maħtur mill-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura;
- punt ta’ kuntatt wieħed maħtur mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali.
Awtorità ċentrali
Fi Spanja, id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali u d-Drittijiet tal-Bniedem (Dirección General de Cooperación Jurídica Internacional y Derechos Humanos) tal-Ministeru tal-Ġustizzja huwa l-awtorità ċentrali fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji ċivili u kummerċjali.
Il-Maġistrati ta’ kollegament
Spanja diġà għandha dispożizzjoni fil-liġi li teħtieġ li maġistrati prominenti ta’ kollegament ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jsiru punti ta’ kuntatt tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew u jservu ta’ punti ta’ kuntatt skont l-Artikolu 34 tal-Liġi 16/2015 tas-7 ta’ Lulju 2015. Dan l-istatus jintemm malli jintemm l-istatus tagħhom bħala maġistrati ta’ kollegament. Spanja ħatret Maġistrat ta’ Kollegament fil-pajjiżi li ġejjin: ir-Renju Unit u l-Irlanda, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Kanada, il-Marokk, il-Belġju, in-Netherlands u l-Lussemburgu.
Awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi oħra b’responsabbiltà għall-kooperazzjoni ġudizzjarja
Fi Spanja hemm fis-seħħ dawn il-mekkaniżmi interni b’responsabbiltà għall-kooperazzjoni ġudizzjarja legali:
- In-Network Ġudizzjarju Spanjol għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (Red Española de Cooperación Judicial Internacional, REJUE), li jaqa’ taħt il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura, li għandu l-għan li jassisti lill-korpi ġudizzjarji Spanjoli li jitolbu l-għajnuna fir-rigward ta’ talbiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja maħruġa jew riċevuti minnhom fit-twettiq tal-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom, u biex jgħin lil membri oħra tan-networks ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja. Il-membri tan-Netwerk Ġudizzjarju Spanjol għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali jistgħu jirrendu s-sħubija tagħhom f’dan in-network kumpatibbli mal-isħubija tagħhom fin-Netwerks Ewropej ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja. Għalhekk, il-Maġistrati Spanjoli tan-Network Ġudizzjarju Spanjol għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (it-Taqsima Ċivili) huma membri tan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, fejn jiffaċilitaw il-kuntatti mal-isħab tagħhom f’pajjiżi oħra tan-network fil-qadi ta’ dmirijiethom.
- In-Network tal-Prosekuturi għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali (Red de Fiscales de Cooperación Jurídica Internacional), imwaqqaf fl-2002 sabiex jipprovdi servizz li jispeċjalizza f’materji ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’kull uffiċċju ta’ Prosekutur Pubbliku.
- Il-prosekuturi f’dan in-Network li huma esperti fil-kooperazzjoni internazzjonali jgħinu biex jiffokaw, jiggwidaw u jagħtu assistenza ġudizzjarja internazzjonali malajr u b’mod effettiv.
- In-Network ta’ Reġistraturi tal-Qorti (Red de Letrados de la Administración de Justicia, RECILAJ) huwa struttura ta’ koordinazzjoni fuq livell nazzjonali mwaqqaf mill-Ministeru tal-Ġustizzja fl-2010. Huwa ffurmat minn reġistraturi tal-qorti li jispeċjalizzaw fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali u jgħinu lid-diversi Uffiċċji Ġudizzjarji (Oficinas Judiciales) biex isolvu problemi u jwieġbu mistoqsijiet marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.
Assoċjazzjonijiet professjonali
Fi Spanja dawn l-assoċjazzjonijiet professjonali li ġejjin jirrappreżentaw lill-professjonisti legali li jikkontribwixxu b’mod dirett fl-applikazzjoni tal-atti tal-Unjoni u ta’ strumenti legali internazzjonali rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali:
- il-Kunsill Ġenerali tan-Nutara (Consejo General del Notariado);
- il-Kunsill Ġenerali tal-Avukati Spanjoli (Consejo General de la Abogacía Española);
- l-Assoċjazzjoni tar-Reġistraturi tal-Proprjetà u Kummerċjali fi Spanja (Colegio de Registradores de la Propiedad y Mercantiles de España);
- il-Kunsill Ġenerali ta’ Rappreżentanti Legali fi Spanja (Consejo General de Procuradores de España).
Informazzjoni dwar in-Network
Il-Ministeru Spanjol tal-Ġustizzja, li jagħti informazzjoni dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali u l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali, jipprovdi link fuq is-sit tiegħu għan-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, disponibbli fuq: Cooperación jurídica Internacional (mjusticia.gob.es)
Il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura fi Spanja jagħti informazzjoni dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali fuq is-sit web tiegħu https://www.poderjudicial.es/cgpj/es/Temas/Redes-Judiciales/Otras-redes-judiciales/Red-Judicial-Europea-Civil-y-Mercantil/ , fejn hemm ukoll links għall-Atlas Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali, kif ukoll għall-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jipprovdi informazzjoni dwar in-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali fis-sit web tiegħu.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.