Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Insolvenza/falliment

L-Ingilterra u Wales
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

  • Proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu kontra individwi, kumpaniji u diversi entitajiet korporattivi, u soċjetajiet.
  • Jistgħu jitressqu proċedimenti kontra kwalunkwe individwu li għandu dejn u li jew jgħix l-Ingilterra u Wales, li fl-aħħar tliet snin għex jew wettaq negozju l-Ingilterra u Wales, jew ikun jinsab l-Ingilterra u Wales fil-jum li tiġi ppreżentata petizzjoni dwar falliment. M’hemmx età minima. Ħlief meta l-ewwel tkun inkisbet sentenza tal-qorti fir-rigward tad-dejn, il-livelli minimi tad-dejn japplikaw għall-kredituri li jixtiequ l-istralċ ta’ kumpanija (£750) jew li jixtiequ dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ persuna fiżika (£5,000).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

  • It-tipi ta’ insolvenza korporattiva jinkludu stralċ (volontarju jew permezz ta’ ordni tal-qorti), amministrazzjoni (li tista’ twassal għal salvataġġ/riorganizzazzjoni jew għal stralċ), rimedju amministrattiv, jew arranġament volontarju.
  • It-tipi ta’ insolvenza personali jinkludu l-falliment (kemm jekk imwettaq wara l-petizzjoni ta’ kreditur jew fuq rikors ta’ individwu), ordnijiet ta’ serħan mid-dejn, jew arranġament volontarju.
  • Kwalunkwe kreditur mhux garantit, inklużi kredituri governattivi, jista’ jippreżenta petizzjoni quddiem il-qorti sabiex kumpanija tiġi stralċata (likwidazzjoni obbligatorja) jew titqiegħed taħt amministrazzjoni.
  • Il-kumpanija debitriċi nnifisha tista’ tirriżolvi favur stralċ (likwidazzjoni volontarja). Kumpanija debitriċi tista’ wkoll tippreżenta petizzjoni quddiem il-qorti sabiex tiġi stralċata.
  • Fi kwalunkwe waqt wara li petizzjoni għal stralċ tkun ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti, il-qorti tista’ taħtar likwidatur proviżorju. Dawn il-ħatriet ġeneralment isiru sabiex jipproteġu l-assi tal-kumpanija qabel is-seduta ta’ stralċ. Is-setgħat tal-likwidatur proviżorju jkunu stabbiliti fl-ordni tal-qorti li taħtru.
  • Il-kumpanija jew id-diretturi tagħha, kif ukoll detentur ta’ garanzija varjabbli (floating chargeholder) jistgħu jaħtru amministratur. Dawn il-ħatriet isiru barra mill-qorti.
  • Sabiex kumpanija tidħol taħt amministrazzjoni, trid tkun insolventi jew ikollha probabbiltà li ssir hekk.
  • Il-likwidazzjoni obbligatorja tista’ tkun fuq il-bażi li l-kumpanija ma tistax tħallas id-djun tagħha, sitwazzjoni pprovata permezz ta’ talba statutorja mhux sodisfatta għall-ħlas jew sentenza mhux rispettata. Il-qorti tista’ tintalab ukoll tordna li kumpanija tiġi stralċata minħabba li jkun ġust u ekwitabbli li tagħmel dan.
  • Ir-riċevituri amministrattivi jistgħu jinħatru mid-detenturi ta’ garanziji varjabbli (floating charge holders) sabiex jirkupraw il-flus dovuti lilhom.
  • Ladarba jinħatar, id-detentur ta’ kariga jrid jinnotifika lill-kredituri kollha dwar l-insolvenza. Fl-insolvenza korporattiva, ir-reġistratur tal-kumpaniji jrid jiġi informat, u mbagħad dan tal-aħħar jaġġorna r-rekord tal-kumpanija, li jista’ jitfittex online mingħajr ħlas.
  • Arranġament volontarju tal-kumpanija jista’ jiġi propost minn kumpanija jew mid-detentur ta’ kariga f’likwidazzjoni jew taħt amministrazzjoni jekk xi waħda minn dawk il-proċeduri tkun diġà bdiet. Arranġamenti volontarji individwali jistgħu jiġu proposti minn persuna fiżika, u huma permissibbli kemm qabel kif ukoll wara li jkunu bdew il-proċedimenti ta’ falliment.
  • L-arranġamenti volontarji kollha huma miftiehma mill-kredituri permezz ta’ vot li fih 75% ta’ dawk li jivvotaw iridu jagħtu l-approvazzjoni tagħhom. Ma japplika l-ebda livell minimu ta’ dejn u ma hemm l-ebda test ta’ insolvenza. Il-proposta lill-kredituri trid issir permezz ta’ persuna nominata, li ssir superviżur jekk il-proposta tiġi approvata. Il-persuna nominata tista’ taġixxi meta l-proposta tiġi ppreżentata lilhom mid-debitur.
  • Normalment l-ordnijiet ta’ falliment isiru wara l-petizzjoni ta’ kreditur jew tad-debitur innifsu. Fiduċjarju jinħatar permezz ta’ ordni, u jkun jista’ jaġixxi immedjatament.
  • Fil-każ ta’ petizzjoni ta’ kreditur, il-petizzjoni tiġi ppreżentata quddiem il-qorti u tkun soġġetta għal dejn minimu ta’ £5,000 għalkemm tista’ tiġi ppreżentata petizzjoni konġunta minn żewġ kredituri jew aktar f’liema każ id-djun dovuti lil kull wieħed minnhom jiġu aggregati. Id-dejn irid ikun mhux garantit. Il-petizzjoni trid turi li d-debitur ma jkunx jista’ jħallas id-dejn, li jrid jintwera permezz ta’ talba statutorja mhux sodisfatta għall-ħlas, jew permezz ta’ sentenza mhux irrispettata.
  • Fil-każ ta’ rikors tad-debitur, ir-rikors jiġi ppreżentat lil aġġudikatur, li jkun persuna maħtura mill-Gvern. L-ebda livell minimu ta’ dejn ma japplika iżda d-debitur irid ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu. Ma hemm l-ebda involviment tal-qorti fir-rikors, u ma jistax ikun hemm xi petizzjoni pendenti oħra dwar falliment. L-aġġudikatur irid jiddetermina r-rikors u jagħmel ordni jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet. Fiduċjarju jinħatar bil-ħruġ tal-ordni ta’ falliment, u jkun jista’ jaġixxi immedjatament.
  • Meta kreditur ikun ippreżenta petizzjoni dwar falliment, qabel is-smigħ ta’ dik il-petizzjoni l-qorti tista’ taħtar riċevitur interim sabiex jipproteġi l-assi tad-debitur li jkunu ġew identifikati bħala potenzjalment f’riskju. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-qorti tagħti struzzjonijiet speċifiċi dwar il-mandat ta’ riċevitur interim, iżda tista’ tagħti wkoll setgħa aktar ġenerali sabiex jieħu pussess immedjat tal-proprjetà tad-debitur.
  • Individwu jista’ jagħmel rikors għal ordni ta’ serħan mid-dejn permezz ta’ intermedjarju awtorizzat jekk ma jkunx jista’ jħallas id-djun tiegħu, ikollu dejn ta’ £20,000 jew anqas mal-kredituri tiegħu, ikollu assi stmati għal mhux aktar minn £1,000 (mhux inkluża karozza raġonevoli) u jkollu introjtu żejjed ta’ anqas minn £50 fix-xahar. Ir-riċevitur uffiċjali jiddetermina jekk għandhiex issir ordni ta’ serħan mid-dejn, u jekk dan ikun il-każ jiġi ffissat perjodu ta’ moratorju (normalment 12-il xahar) fuq id-djun tal-persuna, li matulu l-kredituri ma jkunux jistgħu jieħdu azzjoni sabiex jinfurzawhom jew jirkuprawhom. Fi tmiem il-moratorju, id-djun, b’xi eċċezzjonijiet, jiġu rilaxxati.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

  • F’insolvenza korporattiva, il-proprjetà kollha tal-kumpanija, tkun fejn tkun fid-dinja, tkun soġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza. “Proprjetà” hija ddefinita b’mod wiesa’ ħafna fil-liġi.
  • Fl-amministrazzjoni, kull finanzjament miġbur għall-finanzjament tal-proċedura jkollu prijorità bħala spiża.
  • F’arranġamenti volontarji, il-proposta tad-debitur tistabbilixxi kif għandhom jiġu ttrattati l-assi, u l-kredituri jkollhom l-opportunità li jikkunsidraw dan qabel ma jivvotaw dwar jekk jaċċettawx il-proposta.
  • F’falliment, il-proprjetà kollha tal-individwu fallut, tkun fejn tkun fid-dinja, tiġi vestita fit-trustee, b’xi eċċezzjonijiet. Kwalunkwe proprjetà li tkun meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet domestiċi tal-individwu jew sabiex tippermettilu jwettaq l-impjieg jew in-negozju tiegħu, ma tkunx tifforma parti mill-patrimonju tal-falliment. Dan jista’ jinkludi vettura bil-mutur. Jekk proprjetà bħal din titqies mit-trustee bħala li tiswa aktar mill-ispiża ta’ sostituzzjoni raġonevoli, allura t-trustee jista’ jirrealizza l-proprjetà u jipprovdi tali sostituzzjoni. Barra minn hekk, kwalunkwe proprjetà li l-individwu fallut iżomm fi trust għal xi ħadd ieħor ma tkunx inkluża fil-proprjetà tal-falliment.
  • L-introjtu ta’ individwu fallut ma jifformax parti mill-patrimonju, iżda t-trustee jista’ jasal għal ftehim mal-individwu li proporzjon ta’ kwalunkwe introjtu żejjed li jkollu wara li jitqiesu r-rekwiżiti domestiċi raġonevoli tiegħu jiddaħħal fil-patrimonju ta’ falliment għall-benefiċċju tal-kredituri. It-trustee jista’ jagħmel rikors quddiem il-qorti għal ordni sabiex dan iseħħ jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq ftehim mal-individwu.
  • Kwalunkwe proprjetà li tiġi fil-pussess tal-individwu waqt li ma jkunx rilaxxat mill-proċedimenti ta’ falliment tista’ tintalab mit-trustee għall-proprjetà ta’ falliment.
  • Huwa reat kriminali li individwu fallut jonqos milli jinnotifika lit-trustee tiegħu dwar proprjetà li tkun inkluża fil-patrimonju ta’ falliment, jew li jissellef il-flus jew b’xi mod ieħor jikseb kreditu ta’ aktar minn £500 mingħajr ma jiżvela l-proċedimenti ta’ falliment lis-sellief.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

  • Id-detenturi ta’ kariga tal-insolvenza jridu jkunu prattikanti tal-insolvenza jew riċevituri uffiċjali (ara aktar ’il quddiem). Il-liċenzji jistgħu jinħarġu biss minn korp professjonali li l-gvern jawtorizzah joħroġhom. Xi ħadd li jaġixxi bħala prattikant tal-insolvenza meta ma jkunx liċenzjat sabiex jagħmel hekk iwettaq reat kriminali u jista’ jiġi soġġett għal multa jew għal priġunerija.
  • Sabiex jikseb liċenzja, l-applikant irid jgħaddi minn eżamijiet u jrid ikollu ċertu numru ta’ sigħat ta’ esperjenza prattika fl-insolvenza.
  • Prattikant tal-insolvenza jrid ikun persuna fiżika.
  • Ir-rimunerazzjoni ta’ prattikant tal-insolvenza li jaġixxi bħala detentur ta’ kariga hija stabbilita bi ftehim mal-kredituri. Il-prattikant tal-insolvenza jista’ jippreżenta talba lill-qorti jekk ma jkunx jista’ jaqbel dwar xi jqis li hija rata raġonevoli ta’ rimunerazzjoni mal-kredituri. Il-kredituri jistgħu jagħmlu talba lill-qorti wkoll jekk iqisu li r-rimunerazzjoni tkun eċċessiva.
  • Assi f’likwidazzjoni jew taħt amministrazzjoni huma taħt il-kontroll tad-detentur ta’ kariga tal-insolvenza.
  • Il-kawżi kollha ta’ insolvenza huma taħt il-kontroll ġenerali tal-qorti u l-partijiet affettwati, inkluż id-detentur ta’ kariga tal-insolvenza, jistgħu jippreżentaw talba lill-qorti jekk jaħsbu li jkunu ġarrbu dannu inġust għall-interessi tagħhom.
  • F’arranġament volontarju, debitur ikun liberu li jittratta l-assi tiegħu, sakemm dan ma jwassalx sabiex jikser it-termini tal-ftehim tiegħu mal-kredituri.
  • L-assi f’falliment ikunu vestiti fit-trustee u ma jistgħux jiġu trattati mill-individwu fallut. Dan ma japplikax għal assi li jkunu esklużi mill-patrimonju ta’ falliment jew għal assi li jiġu fil-pussess tal-individwu wara l-bidu tal-proċedimenti, sakemm dawk l-assi ma jiġux fil-pussess tal-individwu qabel ir-rilaxx tagħhom mill-proċedimenti ta’ falliment u jintalbu mit-trustee. Minbarra l-kapaċità tat-trustee li jitlob assi akkwistati, l-amministrazzjoni mit-trustee tal-patrimonju ma tkunx affettwata mir-rilaxx tal-individwu mill-proċedimenti ta’ falliment.
  • Riċevitur uffiċjali huwa detentur ta’ kariga statutorju maħtur mis-Segretarju tal-Istat. Dan jista’ jaġixxi bħala detentur ta’ kariga f’likwidazzjoni obbligatorja jew f’falliment. Ir-rimunerazzjoni tar-riċevituri uffiċjali mhijiex stabbilita mill-kredituri iżda permezz ta’ statut.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

  • It-tpaċija tista’ sseħħ f’likwidazzjoni, taħt amministrazzjoni u f’falliment.
  • Il-kont ta’ tpaċija jinkludi negozjar reċiproku fid-data tal-insolvenza.
  • L-ammont nett huwa jew assi tal-insolvenza, jew dejn dovut lill-kreditur, skont il-każ.
  • Il-partijiet ma jistgħux jidħlu f’kuntratti ta’ esklużjoni tar-rikors ta’ tpaċija.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

  • Likwidatur jew trustee jista’ jirrinunzja talba għal kuntratt mhux profittabbli, u jtemm l-interess tal-insolventi jew ir-responsabbiltà għalih (il-kontroparti tista’ titlob l-insolvenza għal telf/danni b’riżultat tal-insolvenza). Inkella, meta l-kuntratt ma jintemmx malli tibda l-insolvenza, il-qorti tista’ tagħmel ordni li tirrilaxxa l-obbligi tal-kuntratt.
  • Il-provvista ssoktata ta’ ċerti provvisti bħal utilitajiet u komunikazzjoni u servizzi tal-IT meqjusa “essenzjali” tista’ titkompla fl-insolvenza mingħajr il-ħtieġa li jitħallas kwalunkwe arretrati pendenti mad-dħul f’insolvenza.
  • Minbarra dawk il-provvisti essenzjali, il-fornituri jistgħu jtemmu l-kuntratti malli tibda l-insolvenza jekk il-kuntratt tagħhom jippermetti li jsir hekk. Kwalunkwe oġġett jew servizz mhux imħallas iwassal għal talba fl-insolvenza.
  • Kuntratti kurrenti ma jkunux affettwati direttament minn arranġament volontarju għalkemm ikollhom jitqiesu bħala parti mill-proposta.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

  • Il-likwidazzjoni u l-amministrazzjoni joħolqu moratorju. Ma tistax tittieħed azzjoni legali kontra l-kumpanija wara l-bidu mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ kariga jew il-permess tal-qorti.
  • F’arranġament volontarju, kwalunkwe kreditur marbut bil-ftehim ma jistax jieħu azzjoni legali biex jitlob il-ħlas tad-dejn għax ikun marbut bil-ftehim aċċettat. Kreditur ta’ wara l-approvazzjoni jista’ jieħu azzjoni bħal din jekk ma jitħallasx.
  • Il-kredituri garantiti mhumiex awtomatikament marbuta b’arranġamenti volontarji.
  • Jekk tkun ġiet ippreżentata petizzjoni dwar falliment jew jiġi ppreżentat rikors ta’ falliment mid-debitur innifsu, il-qorti tista’ tissospendi kull proċediment legali li jkun għaddej kontra l-persuna jew il-proprjetà tad-debitur jew tħallih ikompli skont termini li l-qorti tqis xierqa. L-ebda kreditur tal-individwu fallut ma jista’ jiftaħ xi azzjoni kontra l-persuna jew il-proprjetà tagħha mingħajr il-permess tal-qorti filwaqt li l-individwu jkun għadu soġġett għall-proċedimenti ta’ falliment.
  • Meta debitur ikollu l-intenzjoni li jagħmel proposta lill-kredituri tiegħu għal arranġament volontarju individwali, huwa, jew jekk ikun soġġetti għal proċeduri ta’ falliment, it-trustee jew ir-riċevitur uffiċjali, jista’ jippreżenta talba quddiem il-qorti għal ordni interim. Din għandha l-effett li tippermetti li l-qorti tissospendi kwalunkwe proċediment kontra l-persuna jew il-proprjetà tad-debitur u tipprevjeni li jinbdew proċedimenti bħal dawn. L-ordni interim tipprevjeni wkoll il-preżentazzjoni ta’ ordni ta’ falliment kontra debitur.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

  • Il-likwidazzjoni u l-amministrazzjoni joħolqu moratorju. L-azzjonijiet pendenti fid-data tal-insolvenza ma jistgħux jitkomplew mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ kariga jew il-permess tal-qorti.
  • Kreditur mhux garantit f’azzjoni pendenti bl-approvazzjoni ta’ arranġament volontarju ma jistax ikompli tali azzjoni, peress li jkun marbut bit-termini tal-arranġament volontarju, kemm jekk ikun ivvota sabiex japprovah kif ukoll jekk le. Il-kredituri garantiti mhumiex marbutin bit-termini ta’ arranġament volontarju sakemm ma jagħżlux li jkunu.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

  • Il-kredituri jipparteċipaw fi proċedimenti ta’ insolvenza permezz ta’ laqgħat tal-kredituri u proċessi oħra ta’ deċiżjoni. Huma jistgħu jifformaw kumitat u jeleġġu l-membri tiegħu wkoll. Id-detenturi ta’ kariga minbarra r-riċevituri uffiċjali jridu jaġġornaw lill-kredituri bil-progress tal-każijiet kull 6 xhur jew kull 12-il xahar, skont il-proċedura.
  • Id-deċiżjonijiet jistgħu jinkludu l-ħatra jew it-tneħħija tad-detentur ta’ kariga, ftehim dwar ir-rimunerazzjoni tad-detentur ta’ kariga, il-formazzjoni ta’ kumitat, il-kunsiderazzjoni ta’ proposta ta’ arranġament volontarju, jew kwalunkwe deċiżjoni oħra li d-detentur ta’ uffiċċju jiddetermina li għandha teħtieġ il-kontribut mill-kredituri.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

  • Il-proposta ta’ arranġament volontarju tista’ tipprovdi li s-superviżur jittratta l-assi tad-debitur.
  • F’falliment, il-proprjetà tkun vestita fit-trustee malli jinħatar mingħajr ebda ħtieġa ta’ trasferiment ta’ titlu, ta’ ċessjoni jew ta’ trasferiment. Huwa d-dmir tat-trustee li jidħol, jirrealizza, u jqassam il-proprjetà tal-falliment lill-kredituri.
  • Assi f’likwidazzjoni jew taħt amministrazzjoni huma taħt il-kontroll tad-detentur ta’ kariga tal-insolvenza.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

  • F’insolvenza korporattiva, id-djun, l-obbligazzjonijiet jew d-delitti kollha dovuti mill-kumpanija qabel il-bidu tal-insolvenza, inklużi d-djun kontinġenti, jistgħu jintalbu fl-insolvenza. Id-djun pagabbli fil-futur jistgħu jintalbu wkoll iżda jiġu skontati skont il-valuri preżenti.
  • L-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn ċerti azzjonijiet kriminali (bħat-traffikar tad-droga) mhumiex provabbli taħt amministrazzjoni jew f’likwidazzjoni.
  • L-obbligazzjonijiet imġarrbin wara l-bidu tal-proċedimenti huma meqjusa “spejjeż”. Dawn huma soġġetti għall-ġerarkija ta’ ħlas tagħhom stess iżda kollha jridu jitħallsu qabel ma l-flus ikunu jistgħu jitqassmu lill-kredituri.
  • Proposta ta’ arranġament volontarju trid tiddivulga l-obbligazzjonijiet kollha tad-debitur jew tal-kumpanija u tistabbilixxi kif għandhom jitħallsu l-kredituri. Id-djun imġarrba mid-debitur jew mill-kumpanija wara l-ftehim tal-proposta ma jistgħux jintalbu f’insolvenza sakemm ma tkunx saret dispożizzjoni speċifika għal dan.
  • Id-djun dovuti fid-data tal-ordni ta’ falliment jew li jsiru dovuti fil-futur b’riżultat ta’ obbligu li jkun seħħ qabel il-falliment jistgħu jintalbu fi proċedimenti ta’ falliment. Multi, djun ta’ self tal-istudenti, arretrati ta’ dejn dovut fi proċedimenti tal-familja, u djun dovuti fir-rigward ta’ ordnijiet ta’ konfiska ma jistgħux jintalbu fi proċedimenti ta’ falliment.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

  • Il-kredituri jistgħu jippreżentaw talba (prova tad-dejn) fi kwalunkwe mument fil-proċedimenti. Talba trid tiġi sottomessa sabiex wieħed ikun jista’ jivvota fi kwalunkwe proċedura ta’ deċiżjoni jew sabiex jirċievi distribuzzjoni.
  • Taħt amministrazzjoni, f’likwidazzjoni jew f’falliment fejn ikun hemm pjan ta’ distribuzzjoni, id-detentur ta’ kariga jikteb lil dawk il-kredituri kollha li għadhom ma pprovawx it-talbiet tagħhom u jiddikjara li se ssir distribuzzjoni, filwaqt li jistedinhom jippreżentaw talbiet u jistabbilixxi l-aħħar data biex dan jagħmluh sabiex jiġu inklużi f’dik id-distribuzzjoni. Detentur ta’ kariga jista’ jittratta talbiet ippreżentati wara din id-data iżda mhuwiex obbligat li jagħmel hekk.
  • Jekk kreditur ma jagħmilx talba fil-ħin, ma jistax ifixkel id-distribuzzjoni.
  • F’arranġamenti volontarji, ir-rekwiżit li tiġi ppreżentata prova lid-detentur ta’ kariga huwa ssodisfat bin-notifika tat-talba bil-miktub.

https://www.gov.uk/government/publications/proof-of-debt-insolvency-form-425

https://www.gov.uk/government/publications/proof-of-debt-insolvency-form-637

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

  • Il-prijorità tad-distribuzzjoni tingħata għal
  1. detenturi ta’ imposti fissi (minn assi ta’ imposti fissi)
  2. spejjeż tal-proċedura ta’ insolvenza
  3. djun preferenzjali (ara aktar ’il quddiem)
  4. il-parti prestabbilita (insolvenza korporattiva biss)
  5. detenturi ta’ garanziji varjabbli (floating charge-holders)
  6. kredituri mhux garantiti
  7. azzjonisti (insolvenza korporattiva biss).
  • Xi talbiet li jirriżultaw minn impjieg jiġu ttrattati bħala preferenzjali, inkluż ċertu dejn mal-iskemi tal-pensjoni.
  • Il-parti prestabbilita hija fond delimitat meħud minn assi b’imposta flessibbli u magħmula disponibbli għal kredituri mhux garantiti (massimu £600,000).
  • L-ebda talba ma tkun subordinata mil-liġi ħlief fi proċedimenti ta’ falliment meta dejn dovut lil persuna li kienet il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili tal-individwu fallut fid-data tal-falliment jikklassifika wara d-djun dovuti lil kredituri oħra flimkien mal-imgħax fuq dawk id-djun.
  • Jekk terza persuna taqta’ dejn tad-debitur, dik it-terza persuna jkollha talba surrogata fl-insolvenza.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

  • F’arranġament volontarju, il-kredituri jaqblu dwar proposti magħmula mid-debitur jew mill-kumpanija jekk 75%, b’mod proporzjonat għall-valur, jivvotaw favur. Ladarba l-kredituri jaqblu dwar il-proposta, din tiġi implimentata bi prattikant tal-insolvenza bħala superviżur. Din ma teħtieġx l-approvazzjoni tal-qorti, għalkemm is-superviżur irid jirrapporta lill-qorti jekk tkun saret ordni interim. Parti tista’ tippreżenta talba quddiem il-qorti għal stħarriġ tad-deċiżjoni tal-kredituri dwar jekk jaċċettawx il-proposta fuq il-bażi ta’ irregolarità materjali. Il-kredituri mhux garantiti kollha huma marbuta bl-arranġament.
  • Jekk wara l-approvazzjoni d-debitur jew il-kumpanija ma jissodisfawx it-termini tal-arranġament volontarju, is-superviżur jista’ jippreżenta petizzjoni quddiem il-qorti għall-falliment jew għall-istralċ.
  • L-approvazzjoni tal-Qorti mhijiex meħtieġa għal pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni, iżda parti offiża tista’ tippreżenta talba quddiem il-qorti jekk tħoss li l-interessi tagħha ġarrbu dannu bla bżonn.
  • Hemm regoli proċedurali dettaljati dwar il-ħruġ u l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza kollha.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

  • Ir-regoli dettaljati dwar l-għeluq ta’ kawża japplikaw fil-proċedimenti kollha.
  • Il-kredituri jistgħu jitolbu fondi distribwiti lilhom iżda mhux miżmuma wara l-għeluq tal-proċedimenti b’dawn il-fondi li jinżammu mill-Gvern.
  • Fl-arranġamenti volontarji, il-proposta toffri lill-kredituri ċertu ammont ta’ ripagament għal kull £ dejn. Il-kredituri huma marbuta li jaċċettaw dan bħala ħlas sħiħ jekk il-proposta tiġi aċċettata, u għalhekk ma jkollhom l-ebda rikors għal xi parti minn dak id-dejn wara li l-proċeduri jkunu ġew konklużi.
  • Fil-proċedimenti ta’ falliment, id-djun jispiċċaw meta jingħalqu l-proċedimenti, għajr dawk id-djun li ma jifformawx parti mill-proċedimenti.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Hemm ġerarkija ċara ta’ ħlas minn fondi realizzati minn assi. Il-kostijiet u l-ispejjeż iridu jitħallsu mir-realizzazzjonijiet qabel ma l-fondi jiġu rritornati lill-kredituri.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

  • Jekk insolventi jkun ipprefera kreditur partikolari fl-approċċ għall-insolvenza formali (jiġifieri tah preferenza għall-ħlas meta mqabbel ma’ kredituri oħra), jew ikun daħal fi tranżazzjoni b’valur anqas (jiġifieri biegħ xi ħaġa għal anqas mill-valur tagħha jew għal anqas minn kemm tiswa), detentur ta’ kariga jista’ jfittex lir-riċevitur għall-irkupru ta’ fondi mitlufa għall-patrimonju tal-insolvenza.
  • Wara rikors tad-detentur ta’ kariga f’falliment, f’likwidazzjoni jew taħt amministrazzjoni, qorti tista’ treġġa’ lura kull tip ta’ tranżazzjoni u tordna li r-riċevitur ireġġa’ lura l-pożizzjoni għal dik li kienet tkun li kieku t-tranżazzjoni ma seħħitx.
  • Talbiet għat-treġġigħ lura ta’ pagamenti ta’ preferenza jridu jkunu relatati ma’ tranżazzjonijiet li seħħew fis-sitt xhur qabel il-ħatra tal-amministratur, il-bidu tal-istralċ, jew il-preżentazzjoni tal-petizzjoni ta’ falliment jew tar-rikors għal falliment, jew sentejn fil-każ ta’ pagament ta’ preferenza magħmul lil persuna assoċjata.
  • Talbiet għat-treġġigħ lura ta’ tranżazzjonijiet b’valur anqas iridu jkunu relatati ma’ tranżazzjonijiet magħmula fis-sentejn ta’ qabel dawk l-avvenimenti, jew fi proċeduri ta’ falliment fil-perjodu ta’ ħames snin, dment li l-individwu kien insolventi fil-mument, jew ikun sar insolventi b’riżultat tat-tranżazzjoni.
  • Detentur ta’ kariga fi proċedimenti ta’ amministrazzjoni, ta’ likwidazzjoni, ta’ falliment, jew ta’ arranġament volontarju jista’ jippreżenta talba quddiem il-qorti sabiex tordna t-treġġigħ lura ta’ tranżazzjoni li ffrodat lill-kredituri. Tali rikors jista’ jsir ukoll minn vittma tat-tranżazzjoni, bil-permess tal-qorti.
  • Fil-proċedimenti ta’ amministrazzjoni u ta’ likwidazzjoni, id-detentur ta’ kariga jista’ wkoll jieħu azzjoni ta’ rimedju kontra kwalunkwe direttur tal-kumpanija involut f’negozjar waqt li kien jaf bl-insolvenza li kkawża aktar telf lill-kredituri, kummerċ frodulenti, jew trażgressjoni (anki riċevitur uffiċjali jew kreditur jew kontributorju jistgħu jieħdu azzjonijiet kontra trażgressjoni).
  • F’każ fejn tiġi ppreżentata petizzjoni għal stralċ jew għal falliment quddiem il-qorti, kwalunkwe trasferiment ta’ proprjetà li jsir wara l-preżentazzjoni tal-petizzjoni jkun null sakemm il-qorti ma tordnax mod ieħor.
L-aħħar aġġornament: 23/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.