Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Insolvenza/falliment

Ġermanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Daħla

Il-liġi li tirregola l-insolvenza u l-proċedimenti ta’ insolvenza fil-Ġermanja hija regolata mill-Kodiċi tal-Insolvenza (Insolvenzordnung – “InsO”), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1999. Il-Kodiċi tal-Insolvenza jvarja minn regoli ta’ proċedura oħrajn peress li jinkludi mhux biss dispożizzjonijiet proċedurali, iżda wkoll dispożizzjonijiet sostantivi. Pereżempju, id-dispożizzjonijiet li jiddeterminaw l-effetti tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza huma dispożizzjonijiet sostantivi (l-Artikoli 80 sa 147 tal-InsO).

L-objettiv ewlieni tal-Kodiċi tal-Insolvenza huwa s-sodisfazzjon kollettiv tal-kredituri tad-debitur, jew permezz tar-realizzazzjoni tal-assi tad-debitur u d-distribuzzjoni tar-rikavati, jew billi jintlaħaq arranġament alternattiv stipulat fi pjan ta’ insolvenza, b’mod partikolari bil-ħsieb li l-intrapriża tibqa’ teżisti (l-Artikolu 1, l-ewwel sentenza tal-InsO). “Sodisfazzjon kollettiv” (gemeinschaftliche Befriedigung) tfisser li l-kredituri fil-prinċipju se jirċievu sodisfazzjon fi proporzjon għall-pretensjonijiet rispettivi tagħhom. Apparti dan, l-għan tal-proċedimenti tal-insolvenza huwa li d-debituri onesti jingħataw l-opportunità li jinħelsu mill-bqija tad-djun (l-Artikolu 1, it-tieni sentenza, tal-InsO).

Prinċipju li jiddefinixxi l-proċedimenti ta’ insolvenza Ġermaniżi, apparti l-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-kredituri, huwa dak tal-awtonomija tal-kredituri (Gläubigerautonomie). Hemm bosta drittijiet disponibbli għall-kredituri biex jifformaw il-proċedimenti, speċjalment fir-rigward tal-mod ta’ kif jiġu realizzati l-assi tad-debitur. Il-kredituri jiddeċiedu wkoll dwar il-forma konkreta tal-proċedimenti tal-insolvenza, minħabba li, apparti l-proċedura “standard”, il-Kodiċi jagħti l-possibbiltà lill-kredituri garantiti u ordinarji li jeżerċitaw l-awtonomija tagħhom billi jfasslu pjan ta’ insolvenza li jvarja mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Insolvenza biex tiġi stabbilita r-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza, id-distribuzzjoni lill-partijiet ikkonċernati, l-andament tal-proċedimenti tal-insolvenza u r-responsabbiltà tad-debitur wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-insolvenza. Il-pjan tal-insolvenza huwa partikolarment importanti fil-każ ta’ riorganizzazzjoni ta’ intrapriża, għalkemm jista’ jipprovdi wkoll qafas għall-istralċ tal-intrapriża.

Il-liġi Ġermaniża dwar il-proċedimenti tal-insolvenza hija kkaratterizzata wkoll mill-prinċipju tal-unità. Dan ifisser li l-Att dwar ir-Riorganizzazzjoni u l-Istralċ (Gesetz für Sanierung und Liquidation) ma jipprevedi ebda tip separat ta’ proċediment. Kemm l-istralċ kif ukoll ir-riorganizzazzjoni jistgħu jitwettqu bil-proċedura standard jew bil-proċedura tal-pjan tal-insolvenza.

Għal kwalunkwe riorganizzazzjoni tal-intrapriża, niġbdu l-attenzjoni wkoll għall-Att dwar l-Istabbilizzazzjoni u l-Qafas ta’ Ristrutturar għan-Negozji (Gesetz über den Stabilisierungs- und Restrukturierungsrahmen für Unternehmen, magħruf ukoll bħala l-Unternehmensstabilisierungs- und -restrukturierungsgesetz, jew l-iStaRUG), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021. L-iStaRUG jipprovdi firxa ta’ strumenti mfassla biex jippermetti negozju li jkun waqa’ f’diffikultà, iżda li jkun għadu mhuwiex insolventi jew imdejjen iżżejjed, li jirriorganizza fuq il-bażi ta’ pjan ta’ ristrutturar aċċettat mill-maġġoranza tal-kredituri, mingħajr ma jkollu jgħaddi mill-proċedimenti ta’ insolvenza f’konformità mal-InsO. Attwalment, il-proċeduri stabbiliti fl-iStaRUG mhumiex pubbliċi, jiġifieri ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-proċedura tal-insolvenza f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 dwar il-proċedimenti tal-insolvenza. Hekk kif jidħlu fis-seħħ dispożizzjonijiet ulterjuri tal-iStaRUG, se jkun possibbli li l-proċedimenti jsiru fil-qasam pubbliku mis-17 ta’ Lulju 2022. Bl-inklużjoni ta’ dan il-varjant proċedurali fl-anness tar-Regolament tal-UE dwar il-Proċedimenti ta’ Insolvenza, l-Att imbagħad ikun proċedura ta’ insolvenza għall-finijiet ta’ dak ir-Regolament.

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu fir-rigward tal-assi li jappartjenu għal kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, inkluż jekk din il-persuna ma tkunx involuta f’attività professjonali kummerċjali jew għal rasha (persuna fiżika li ma tkunx involuta f’attivitajiet bħal dawn issir referenza għaliha bħala “konsumatur”). Il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll fir-rigward tal-assi ta’ sħubija mingħajr personalità ġuridika (eż. kumpanija kummerċjali ġenerali (offene Handelsgesellschaft) jew sħubija limitata (Kommanditgesellschaft) jew għal fond separat, bħal pereżempju l-patrimonju ta’ persuna mejta. Għal persuni ġuridiċi rregolati b’liġi pubblika, tapplika d-dispożizzjoni speċjali fit-Taqsima 12 tal-Kodiċi, li tispeċifika li l-proċedimenti ta’ insolvenza ma jistgħux jinfetħu fir-rigward tal-assi li huma proprjetà tal-Gvern Federali jew ta’ Land (l-Artikolu 12(1), subparagrafu 1 tal-InsO).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti tal-insolvenza jinfetħu biss permezz ta’ rikors, u mhux awtomatikament minn xi korp pubbliku. Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat minn debitur jew minn kreditur. Sabiex tipproteġi lill-qorti u lid-debitur kontra rikorsi prematuri jew purament bl-intenzjoni li jikkawżaw dannu, kreditur li jippreżenta rikors irid juri b’mod plawżibbli li jeżistu raġunijiet għal insolvenza u li l-kreditur effettivament għandu pretensjoni kontra d-debitur.

Meta kumpanija limitata tkun insolventi, il-korpi governattivi tagħha jridu jippreżentaw rikors jew jaffaċċjaw penali. Jekk dan ir-rekwiżit jinkiser, il-kredituri jistgħu jressqu talba għad-danni. Jekk debitur fi kriżi jaġixxi b’mod żleali, jista’ jagħmel lilu nnifsu soġġett għall-prosekuzzjoni f’ċerti ċirkostanzi (l-Artikoli 283 et seq. tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch)).

Ir-raġuni ġenerali għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza hija l-inabilità li wieħed iħallas. Ikun hemm inabbiltà li wieħed iħallas jekk debitur ma jkunx f’pożizzjoni li jissodisfa l-obbligazzjonijiet ta’ pagament li jkun sar dovut; bħala regola jitqies li hemm insolvenza jekk id-debitur ikun waqqaf il-pagamenti (l-Artikolu 17(2) tal-InsO). Jekk id-debitur ikun persuna ġuridika jew kumpanija li l-ebda soċju fiha ma jkun persuna ġuridika b’responsabbiltà illimitata, il-proċedimenti jistgħu jinfetħu wkoll minħabba dejn eċċessiv. Ikun hemm dejn eċċessiv jekk l-assi tad-debitur ma jibqgħux ikopru l-obbligazzjonijiet eżistenti, sakemm ma jkunx ferm probabbli fiċ-ċirkostanzi li l-intrapriża tibqa’ teżisti għat-12-il xahar sussegwenti (l-Artikolu 19(2) tal-InsO). Jekk, filwaqt li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi, ikun ferm probabbli li l-intrapriża tkompli teżisti, dan irid jitqies bħala bażi meta jiġi vvalutat il-valur tal-assi tad-debitur. Rikors jista’ jiġi ppreżentat ukoll minn debitur jekk ikun qed jaffaċċja inabbiltà imminenti li jħallas (l-Artikolu 18(1) tal-InsO). Id-debitur jitqies li qed jaffaċċja inabbiltà imminenti li jħallas jekk ikun probabbli li ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi eżistenti tiegħu li jħallas fid-data meta jkun dovut (l-Artikolu 18(2) tal-InsO). Biex jiġi vvalutat jekk debitur ikunx qed jaffaċċja inabilità imminenti li jħallas, normalment jittieħed orizzont ta’ tbassir ta’ 24 xahar bħala bażi. Biex jinfetħu l-proċedimenti, huwa neċessarju wkoll li jiġi żgurat il-finanzjament tal-proċedimenti tal-insolvenza. Għalhekk it-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza tiġi rrifjutata jekk l-assi tad-debitur probabbilment ma jkunux suffiċjenti biex ikopru l-kostijiet tal-proċedimenti (l-Artikolu 26(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Jekk il-kundizzjonijiet jiġu ssodisfati, il-qorti inkarigata mill-insolvenza jew il-“qorti tal-insolvenza” (Insolvenzgericht) toħroġ deċiżjoni biex tagħti bidu għall-proċedimenti tal-insolvenza u din id-deċiżjoni tiġi ppubblikata. L-avviż pubbliku jsir mill-qorti fuq l-Internet (http://www.insolvenzbekanntmachungen.de/). Fid-deċiżjoni biex jibdew il-proċedimenti, il-qorti titlob lill-kredituri ordinarji jiddepożitaw il-pretensjonijiet tagħhom f’terminu speċifiku mal-amministratur tal-insolvenza. Id-deċiżjoni tistabbilixxi data għal laqgħa fejn il-kredituri, abbażi tar-rapport tal-amministratur tal-insolvenza, jiddeċiedu fuq id-direzzjoni li għandhom jieħdu l-proċedimenti tal-insolvenza, u jistabbilixxu data għas-smigħ tal-verifika fejn il-pretensjonijiet ippreżentati jiġu vverifikati (l-Artikolu 29(1) tal-InsO).

Kif diġà ntqal fl-introduzzjoni, il-Kodiċi tal-Insolvenza ma jipprevedix tipi differenti ta’ proċedimenti għar-riorganizzazzjoni u għall-istralċ. Minbarra l-proċedura “standard”, il-Kodiċi jiftaħ il-possibbiltà ta’ pjan tal-insolvenza bħala mezz ta’ stralċ jew bħala mezz ta’ riorganizzazzjoni.

Il-qorti tal-insolvenza jeħtiġilha tivverifika li l-kundizzjonijiet għall-ftuħ tal-proċedimenti jkunu ssodisfati, ħaġa li tista’ tieħu ż-żmien, u fil-proċedimenti tal-ftuħ il-qorti tieħu kull miżura provviżorja li titqies neċessarja, biex tiġi evitata kwalunkwe bidla fl-istatus finanzjarju tad-debitur li tista’ tkun detrimentali għall-kredituri li jkunu qed jistennew id-deċiżjoni dwar ir-rikors (l-Artikolu 21(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Fil-prattika, il-qorti taħtar amministratur tal-insolvenza provviżorju (vorläufiger Insolvenzverwalter), li jista’ jiġi kklassifikat bħala “dgħajjef” jew “b’saħħtu”. Jekk jinħatar amministratur tal-insolvenza provviżorju “dgħajjef”, id-debitur iżomm is-setgħa li jiddisponi u d-dmirijiet speċifiċi tal-amministratur ikunu ddeterminati mill-qorti, minkejja li dawn ma jistgħux imorru lil hinn mid-dmirijiet tal-amministratur tal-insolvenza provviżorju b’saħħtu (l-Artikolu 22(2), it-tieni sentenza, tal-InsO). Il-qorti tista’, pereżempju, tordna li d-disponiment min-naħa tad-debitur ikun validu biss bl-approvazzjoni tal-amministratur. B’differenza mill-ħatra ta’ amministratur tal-insolvenza provviżorju b’saħħtu, il-ħatra ta’ amministratur tal-insolvenza provviżorju dgħajjef ma tirriżultax fl-interruzzjoni ta’ tilwim ġuridiku pendenti (Il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, is-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1999 – IX ZR 70/98 – il-paragrafu 4). L-amministratur tal-insolvenza provviżorju jkun “b’saħħtu” jekk il-qorti timponi projbizzjoni ġenerali li timpedixxi lid-debitur milli jiddisponi bi kwalunkwe mod, biex b’hekk id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur tiġi vestita fl-amministratur (l-Artikolu 22(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-patrimonju tal-insolvenza (Insolvenzmasse) jinkludi l-assi li jappartjenu lid-debitur fid-data meta jinfetħu l-proċedimenti u dawk li jkunu għadhom kif inkisbu minnu matul il-proċedimenti (jiġifieri, sakemm il-proċedimenti jintemmu jew jitwaqqfu). Il-patrimonju ma jinkludix drittijiet strettament personali tad-debitur u oġġetti li ma jkunux soġġetti għall-qbid, minħabba li dawn lanqas ma jkunu soġġetti għal proċedimenti ta’ eżekuzzjoni individwali. Introjtu gwadanjat, pereżempju, ikun parti mill-patrimonju tal-insolvenza biss sakemm jaqbeż il-livell minimu ta’ sussistenza tad-debitur. L-amministratur tal-insolvenza jista’ wkoll jirrilaxxa assi, li mbagħad ikunu jappartjenu għall-assi personali tad-debitur u ma jkunux jistgħu jinqabdu.

Skont il-liġi Ġermaniża, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza jiġi fil-prinċipju trasferit lill-amministratur tal-insolvenza mal-ftuħ tal-proċedimenti (eċċezzjoni: il-ġestjoni tad-debitur fil-pussess) (Eigenverwaltung), l-Artikoli 270 et seq. tal-InsO), u għalhekk il-provvediment tal-kollateral favur is-selliefa li jagħtu finanzjament lid-debitur fil-pussess, pereżempju, jaqa’ fuq l-amministratur tal-insolvenza. Għat-tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari, bħal pereżempju d-dħul f’kuntratt ta’ self b’piżijiet konsiderevoli fuq il-patrimonju tal-insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza jeħtieġ l-approvazzjoni tal-laqgħa tal-kredituri jew ta’ kumitat tal-kredituri maħtur (l-Artikolu 160 tal-InsO). L-impenji ta’ self jew obbligazzjonijiet oħrajn li jidħol għalihom l-amministratur tal-insolvenza huma obbligi li jaqgħu fuq il-patrimonju li jiġu ssodisfati mill-patrimonju bħala prijorità, jiġifieri qabel il-kredituri ordinarji. B’dan il-mod, jiġi żgurat li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, is-sħab kontraenti jkunu lesti jinnegozjaw mad-debitur insolventi.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Minħabba li mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza bħala regola jassumi rwol importanti (eċċezzjoni: il-ġestjoni tad-debitur fil-pussess), f’dan l-istadju tal-proċedimenti l-qorti tal-insolvenza essenzjalment għandha s-setgħa ta’ superviżjoni u ta’ direzzjoni (ara l-Artikoli 58 u 76 tal-InsO) (apparti minn setgħat speċjali, pereżempju fil-proċedura tal-pjan tal-insolvenza jew fil-kuntest tal-ġestjoni tad-debitur fil-pussess). Ladarba jkunu nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-deċiżjonijiet ewlenin (ir-realizzazzjoni, l-istralċ, ir-riorganizzazzjoni u l-pjan tal-insolvenza) jitħallew f’idejn il-kredituri. Iżda, il-qorti għandha setgħat u kompiti speċjali f’dan l-istadju tal-ftuħ tal-proċedimenti. Hawnhekk il-qorti tieħu d-deċiżjonijiet dwar il-ftuħ tal-proċedimenti, dwar miżuri provviżorji ta’ protezzjoni, u dwar il-ħatra ta’ amministratur tal-insolvenza. Il-qorti hija responsabbli wkoll mis-superviżjoni tal-amministratur tal-insolvenza. Hija twettaq superviżjoni tal-legalità tal-atti tiegħu, iżda mhux dwar ir-rakkommandabbiltà tagħhom u ma tistax tagħti struzzjonijiet. Sabiex jitħaffu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-deċiżjonijiet tal-qorti tal-insolvenza huma miftuħin għal appell biss fil-każijiet fejn il-Kodiċi jipprevedi appell immedjat (sofortige Beschwerde) (ara l-Artikolu 6(1) tal-InsO). Appell immedjat jista’ jiġi jitressaq quddiem il-qorti tal-insolvenza stess jew quddiem qorti reġjonali (Landgericht) ogħla mill-qorti tal-insolvenza, bil-miktub jew oralment fl-uffiċċju tal-qorti (Geschäftstelle). Appell ma għandux effett sospensiv; il-qorti li tkun qed tisma’ l-appell jew il-qorti tal-insolvenza madankollu tista’ tordna sospensjoni temporanja tal-eżekuzzjoni.

L-amministratur tal-insolvenza huwa l-attur ewlieni fil-proċedimenti tal-insolvenza. Persuni fiżiċi biss, u mhux ġuridiċi, jistgħu jinħatru bħala amministraturi tal-insolvenza (l-Artikolu 56(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). B’mod partikolari avukati, kontabilisti, jew konsulenti tat-taxxa jesgħu jiġu kkunsidrati għal din il-ħatra. Mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur jingħata lill-amministratur tal-insolvenza (l-Artikolu 80(1) tal-InsO). L-amministratur tal-insolvenza huwa meħtieġ jifred l-assi li jsib mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza minn kwalunkwe oġġett li ma jkunx proprjetà tad-debitur. Irid ukoll jittrasferixxi fl-assi tad-debitur oġġetti li jappartjenu lill-assi tad-debitur skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet, iżda li kienu għadhom ma ġewx imdaħħla mal-assi tad-debitur meta nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. L-assi tad-debitur iddeterminati b’dan il-mod jikkostitwixxu l-patrimonju tal-insolvenza (Insolvenzmasse, l-Artikolu 35 tal-InsO) li jkun se jiġi rrealizzat mill-amministratur tal-insolvenza u li minnu jiġu ssodisfati l-kredituri. Dmirijiet oħrajn tal-amministratur tal-insolvenza jinkludu:

  • il-ħlas tas-salarji lill-impjegati tad-debitur tal-insolvenza,
  • jiddeċiedi jekk ikomplix jew itemmx it-tilwim ġuridiku pendenti (l-Artikoli 85 et seq. tal-InsO) u x’se jagħmel bil-kuntratti li jkunu għadhom ma twettqux kompletament (l-Artikoli 103 et seq. tal-InsO),
  • iħejji rapport tal-assi u l-obbligazzjonijiet (l-Artikolu 153(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO),
  • jikkontesta tranżazzjonijiet li jkunu saru qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza li x’aktarx ipoġġu lill-kredituri ordinarji fi żvantaġġ (l-Artikoli 129 et seq. tal-InsO).

L-amministratur tal-insolvenza huwa soġġett għas-superviżjoni tal-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 58(1) tal-InsO). Jekk jinħatar kumitat tal-kredituri, dan jappoġġa u jimmonitorja lill-amministratur tal-insolvenza fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu (l-Artikolu 69, l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, meta d-dritt tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur ikun ingħata lill-amministratur tal-insolvenza, l-amministratur jista’ fil-prinċipju jiddisponi liberament mill-assi kollha li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza. Hemm limiti fuq tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari, pereżempju l-bejgħ tal-intrapriża jew tal-istokk kollu. Dawn it-tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari jirrikjedu l-approvazzjoni tal-laqgħa tal-kredituri jew tal-kumitat tal-kredituri. Madankollu, il-fatt li r-rekwiżit tal-approvazzjoni jkun inkiser ma jkollux effett fuq partijiet barranin, iżda jirriżulta biss fir-responsabbiltà tal-amministratur. L-amministratur għandu jkun ukoll konformi mad-deċiżjonijiet tal-laqgħa tal-kredituri li l-intrapriża tiġi stralċata jew biex din tkompli topera (l-Artikoli 157 u 159 tal-InsO).

Jekk l-amministratur tal-insolvenza jikser b’mod abbużiv l-obbligi tiegħu skont il-Kodiċi tal-Insolvenza, huwa jkun responsabbli għad-danni lill-partijiet kollha fil-proċedimenti (l-Artikolu 60(1) tal-InsO). L-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi jipprevedi li: “L-amministratur tal-insolvenza għandu jkun responsabbli għall-kumpens tad-danni mġarrba minn kull parti fil-proċedimenti jekk huwa jikser b’mod abbużiv id-dmirijiet tiegħu skont dan il-Kodiċi. Huwa għandu jaġixxi bl-attenzjoni mistennija mingħand amministratur tal-insolvenza xieraq u diliġenti.”

L-amministratur tal-insolvenza huwa intitolat għal remunerazzjoni b’korrispettiv tal-eżerċitar tal-mandat tiegħu u għar-rimborż tal-ispejjeż adegwati (l-Artikolu 63(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Ir-remunerazzjoni hija rregolata mir-Regolament dwar ir-Remunerazzjoni fil-Liġi tal-Insolvenza (Insolvenzrechtsvergütungsverordnung – “InsVV”) u hija ddeterminata skont il-valur tal-patrimonju tal-insolvenza fiż-żmien meta jintemmu l-proċedimenti tal-insolvenza. Ir-Regolament jipprevedi rati standard gradwati, li madankollu jistgħu jiżdiedu skont l-iskala u d-diffikultà tad-dmirijiet tal-amministratur tal-insolvenza.

Anke wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza, id-debitur li kontrih jitressqu l-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji jibqa’ l-proprjetarju tal-assi li jkunu se jiġu rrealizzati (l-Artikoli 38 u 39 tal-InsO). Fil-prinċipju, huwa responsabbli sal-limitu tal-assi tiegħu kollha. Madankollu, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jaqgħu fl-ambitu tal-proċedimenti tal-insolvenza jkun vestit f’idejn l-amministratur tal-insolvenza. Fuq talba tad-debitur, id-deċiżjoni tal-qorti li tiftaħ il-proċedimenti tista’ tordna wkoll il-ġestjoni tad-debitur fil-pussess f’konformità mat-Taqsima 270 et seq. tal-InsO. Id-debitur jeħtieġlu jehmeż pjan ta’ ġestjoni tad-debitur fil-pussess mat-talba tiegħu; id-dettalji ta’ dan il-pjan huma rregolati fit-Taqsima 270a tal-InsO. L-ordni tingħata jekk il-pjan ta’ ġestjoni tad-debitur fil-pussess ikun koerenti u komplut u ma tkun magħrufa ebda ċirkostanza li tindika li l-pjan ta’ ġestjoni tad-debitur fil-pussess huwa bbażat f’aspetti essenzjali fuq fatti żbaljati (l-Artikoli 270b(1) u 270f(1) tal-InsO). Barra minn hekk, ma tista’ tapplika ebda waħda mir-raġunijiet għat-terminazzjoni tal-arranġament provviżorju ta’ ġestjoni tad-debitur fil-pussess stabbiliti fit-Taqsima 270e (l-Artikolu 270b(1) tal-InsO). Fil-prinċipju, il-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi tal-insolvenza japplikaw hawnhekk ukoll (l-Artikolu 270(1), it-tieni sentenza, tal-InsO). Madankollu, f’ġestjoni tad-debitur fil-pussess, id-debitur iżomm id-dritt tiegħu li jiġġestixxi l-assi tiegħu u li jiddisponi minnhom, u dan jeżerċitah taħt is-superviżjoni ta’ monitor (Sachverwalter) maħtur mill-qorti (l-Artikolu 270(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Fil-każ ta’ ġestjoni ta’ debitur fil-pussess, is-setgħat li normalment jingħataw lill-amministratur tal-insolvenza jinqasmu bejn id-debitur u l-monitor.

Il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jwassal għal għadd kbir ta’ obbligi fuq id-debitur biex jipprovdi informazzjoni u biex jikkoopera. Fl-istess ħin, madankollu, id-debitur ikun intitolat ukoll li jieħu sehem fil-proċedimenti.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

l-Artikoli 94 et seq. tal-InsO jittrattaw il-kwistjoni dwar jekk kreditur ordinarju jistax jagħmel tpaċija ta’ pretensjoni fuq debitur insolventi. Il-Kodiċi jagħmel distinzjoni fundamentali skont jekk il-possibbiltà ta’ tpaċija kinitx teżisti diġà meta nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza jew jekk il-possibbiltà nħolqitx biss wara dan. Fl-ewwel każ, it-tpaċija hija ammissibbli fil-prinċipju, u dan ifisser li l-kreditur ordinarju ma jkollux bżonn jirreġistra pretensjoni biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun (Tabelle), iżda jista’ jikseb sodisfazzjon billi jiddikjara t-tpaċija lill-amministratur tal-insolvenza. Madankollu, id-dikjarazzjoni ta’ tpaċija tkun invalida jekk il-kreditur ikun kiseb l-opportunità li jagħmel tpaċija ta’ pretensjoni bħala riżultat ta’ tranżazzjoni annullabbli (l-Artikolu 96(1), subparagrafu 3, tal-InsO).

Fit-tieni każ, fejn il-possibbiltà ta’ tpaċija tkun inħolqot wara, trid issir distinzjoni bejn:

Jekk fiż-żmien tal-ftuħ tal-proċedimenti, il-pretensjoni għat-tpaċija kienet teżisti diġà, iżda kienet għadha mhix dovuta, kienet għadha ma tipprevedix din il-konsiderazzjoni, jew kienet għadha kondizzjonali, it-tpaċija tkun ammissibbli wara l-ftuħ tal-proċedimenti hekk kif jitneħħa l-impediment tat-tpaċija.

Jekk fiż-żmien meta nfetħu l-proċedimenti, il-pretensjoni kienet għadha ma ġietx stabbilita, jew jekk il-kreditur kiseb il-pretensjoni kontra d-debitur biss wara li l-proċedimenti kienu nfetħu, it-tpaċija hija pprojbita (l-Artikolu 96(1), subparagrafi 1 u 2, InsO), bil-konsegwenza li d-debitur jista’ jitlob lill-kreditur jeżerċita l-parti tiegħu tal-kuntratt għall-benefiċċju tal-patrimonju tal-insolvenza, iżda l-kreditur jista’ biss jirreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-debiti, u jiġi ssodisfat biss bir-rata ta’ dividend.

Iżda jekk il-kreditur ma jkunx kiseb il-pretensjoni mingħand kreditur ieħor wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, u jkun kisibha f’ismu stess wara l-ftuħ tal-proċedimenti, pereżempju billi kkonkluda kuntratt mal-amministratur tal-insolvenza, huwa jkun intitolat għat-tpaċija bħala kreditur tal-patrimonju tal-insolvenza nnifsu.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

L-effetti tal-proċedimenti tal-insolvenza fuq kuntratti attwali huma regolati mil-liġi Ġermaniża fit-Taqsimiet 103 et seq. tal-InsO. Fil-prinċipju, mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, ir-relazzjonijiet kuntrattwali eżistenti jistgħu ma jibqgħux jeżistu jew jistgħu jkomplu, jew l-amministratur tal-insolvenza jingħata l-għażla bejn l-eżekuzzjoni u t-terminazzjoni.

Għal xi tranżazzjonijiet, l-effetti tal-proċedimenti tal-insolvenza huma regolati b’mod espliċitu mil-liġi (l-Artikoli 103 sa 118 tal-InsO). Pereżempju, ordnijiet, kuntratti għal xogħol jew servizzi jew awtorizzazzjonijiet għal azzjoni fir-rigward ta’ assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza jiskadu mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, filwaqt li kuntratti konklużi mid-debitur għal-lokazzjoni ta’ proprjetà u kuntratti ta’ impjieg jibqgħu jeżistu u jorbtu l-patrimonju tal-insolvenza.

Għall-kuntratti mhux eżegwiti jew mhux eżegwiti kompletament mid-debitur u mill-parti l-oħra, l-Artikolu 103(1) tal-InsO jagħti lill-amministratur tal-insolvenza għażla bejn eżekuzzjoni jew le tal-kuntratt. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jiddeċiedi favur l-eżekuzzjoni f’isem il-patrimonju tal-insolvenza, il-kontrotalba tal-kreditur trid tiġi ssodisfata bħala prijorità, minħabba li din tirrappreżenta dejn fuq il-patrimonju skont l-Artikolu 55(1), is-subparagrafu 2, tal-InsO. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jiddeċiedi kontra l-eżekuzzjoni, l-amministratur ma jista’ jitlob xejn iktar taħt il-kuntratt. Il-kreditur jista’ jasserixxi l-pretensjoni tiegħu għall-kumpens għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni biss bħala kreditur ordinarju, billi jirreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun (l-Artikolu 103(2), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Jekk l-amministratur tal-insolvenza ma jagħmel l-ebda għażla, il-parti kontraenti tista’ teħtieġu jagħżel. F’dan il-każ, l-amministratur ikollu jiddikjara mingħajr telf ta’ żmien jekk għandux l-intenzjoni li jesiġi eżekuzzjoni jew le. Jekk jonqos milli jagħmel dan, ma jistax ikompli jinsisti fuq l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Għal servizzi finanzjarji u tranżazzjonijiet b’data fissa, il-Kodiċi jipprekludi d-dritt tal-għażla tal-amministratur (l-Artikolu 104 tal-InsO).

Jekk id-destin tar-relazzjoni kuntrattwali ma jkunx regolat speċifikament fit-Taqsimiet 103 sa 118 tal-InsO, il-kuntratt jibqa’ fis-seħħ anke wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza.

L-affidabilità tal-klawżoli ta’ kanċellazzjoni fil-kuntratti hija kontroversjali. Il-punt tat-tluq huwa d-dispożizzjoni fit-Taqsima 119 tal-InsO, li tistipula li l-ftehimiet li jeskludu jew jillimitaw l-applikazzjoni tat-Taqsimiet 103 et seq. minn qabel huma invalidi. Skont din id-dispożizzjoni, il-klawżoli ta’ kanċellazzjoni indipendenti mill-insolvenza, li mhumiex marbuta mal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza jew mal-preżentata tar-rikors, iżda pereżempju man-nuqqas tad-debitur li jħallas, huma permissibbli. Iżda l-klawżoli ta’ kanċellazzjoni li jiddependu fuq l-insolvenza huma problematiċi – b’mod speċjali fl-isfond tas-sentenza tal-Qorti Federali tal-Ġustizzja (Bundesgerichtshof) tal-15 ta’ Novembru 2012 (IX ZR 169, 11, BGHZ 195, 348). F’dik is-sentenza, il-Qorti Federali tal-Ġustizzja sabet li klawżola ta’ kanċellazzjoni f’kuntratt dwar il-provvista tal-enerġija li kienet dipendenti fuq l-insolvenza inkwistjoni kienet invalida. Iżda l-Qorti qalet li klawżoli ta’ kanċellazzjoni dipendenti fuq insolvenza ma kinux invalidi per se: il-klawżoli ta’ kanċellazzjoni li jikkorrispondu għall-possibbiltà ta’ kanċellazzjoni prevista mil-liġi kienu permissibbli. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-klawżoli ta’ kanċellazzjoni dipendenti fuq l-insolvenza għadha ma ġietx solvuta b’mod konklużiv. Għal klawżoli ta’ soluzzjoni kuntrattwali f’servizzi finanzjarji u tranżazzjonijiet b’data fissa, l-Artikolu 104(3) u (4) tal-InsO fihom regoli speċjali.

Jekk ikun hemm qbil bejn id-debitur u l-kreditur rigward il-projbizzjoni ta’ ċessjoni f’konformità mar-regoli tal-liġi ordinarja, dan ikun vinkolanti wkoll fuq l-amministratur tal-insolvenza. Madankollu, fi tranżazzjonijiet kummerċjali, projbizzjoni ta’ ċessjoni bħal din ħafna drabi tkun ineffettiva, minħabba l-fatt li anke jekk il-projbizzjoni ta’ ċessjoni tkun maqbula b’mod kuntrattwali, iċ-ċessjoni ta’ pretensjoni monetarja tkun madankollu effettiva jekk id-debitur u l-kreditur ikunu negozjanti (l-Artikolu 354a(1) tal-Kodiċi Kummerċjali (Handelsgesetzbuch)).

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Minħabba li l-proċedimenti ta’ insolvenza jimmiraw li jilħqu s-sodisfazzjon ugwali tal-kredituri kollha, l-Artikolu 87 tal-InsO jagħmilha ċara li l-kredituri ordinarji jistgħu jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedimenti tal-insolvenza biss. Għaldaqstant, il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza jġib miegħu projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni, u b’hekk jimpedixxi lill-kredituri ordinarji milli jinfurzaw il-pretensjonijiet tagħhom kontra l-patrimonju tal-insolvenza jew kontra proprjetà oħra tad-debitur matul il-proċedimenti tal-insolvenza (l-Artikolu 89(1) tal-InsO). Il-projbizzjoni tal-eżekuzzjoni għandha tiġi mħarsa permezz tal-operat tal-liġi, ħalli b’hekk l-eżekuzzjoni diġà mibdija tiġi sospiża b’mod awtomatiku, irrispettivament minn jekk il-kreditur kienx konxju mill-ftuħ tal-proċedimenti u jekk id-debitur talabx sospensjoni tal-eżekuzzjoni.

L-Artikolu 88 tal-InsO jipprevedi li l-ftuħ tal-proċedimenti għandu effett retroattiv (Rückschlagsperre), fuq miżuri ta’ eżekuzzjoni preċedenti, u jispeċifika li l-interessi ta’ garanzija miksuba permezz tal-eżekuzzjoni matul l-aħħar xahar ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza jew wara li jkun sar dan ir-rikors, isiru legalment ineffettivi meta jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. Anki hawnhekk huwa irrelevanti jekk il-kreditur kienx jaf dwar l-intenzjoni li jsir rikors biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza.

Jekk il-garanzija nkisbet permezz ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni qabel ma sar ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, il-garanzija ma tkunx ineffettiva skont l-Artikolu 88(1) tal-InsO, iżda tista’ tiġi kkontestata taħt ċerti kundizzjonijiet (Il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, is-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2004 – IX ZR 39/03).

Mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-debitur jitlef il-kapaċità tiegħu li jkun parti għal azzjonijiet legali f’isem il-patrimonju. Dan id-dritt jingħata lill-amministratur tal-insolvenza, li jkun intitolat jaġixxi bħala parti għall-proċedimenti legali minħabba l-kariga tiegħu. Għaldaqstant, l-amministratur tal-insolvenza jista’ jasserixxi pretensjonijiet li jappartjenu lill-patrimonju tal-insolvenza f’ismu stess.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Minħabba li d-debitur tal-insolvenza jitlef il-kapaċità li jieħu azzjoni legali fuq il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza, kawża pendenti, jekk tikkonċerna l-patrimonju tal-insolvenza, tiġi inizjalment interrotta (l-Artikolu 240, l-ewwel sentenza tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO)).

Jekk id-debitur ikun l-attur (pereżempju, f’kawża pendenti li fiha d-debitur ikun rikorrent jew li fiha joġġezzjona għal pretensjoni li diġà tkun eżegwibbli), l-amministratur tal-insolvenza jista’ jkompli bil-proċedimenti jew jirrifjuta li jagħmel dan (l-Artikolu 85(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Jekk jaċċetta, il-proċedimenti jkomplu. Jekk jirrifjuta, l-assi jiġi rilaxxat mill-patrimonju tal-insolvenza, u l-azzjoni tista’ titkompla mid-debitur jew mill-konvenut (l-Artikolu 85(2) tal-InsO).

Jekk id-debitur ikun il-konvenut, trid issir distinzjoni: jekk fiż-żmien li fih jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza jkun hemm kawża pendenti rigward pretensjoni li taqa’ fl-ambitu tal-insolvenza, il-pretensjoni trid tiġi rreġistrata biex tiġi inkluża fl-iskeda tad-djun (ara l-Artikolu 87 tal-InsO). Jekk l-amministratur tal-insolvenza jew kreditur ordinarju joġġezzjona, il-pretensjoni għandha tiġi ddeterminata billi titkompla l-kawża interrotta (l-Artikolu 180(2) tal-InsO).

Min-naħa l-oħra, jekk il-pretensjoni ma taqax fl-ambitu tal-insolvenza, iżda pereżempju tkun pretensjoni għal eżenzjoni jew għal dejn li jaqa’ fuq il-patrimonju tal-insolvenza stess, il-kawża tista’ titkompla mill-amministratur tal-insolvenza jew mill-attur (l-Artikolu 86 tal-InsO).

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Kif diġà ġie spjegat fl-introduzzjoni, il-Kodiċi tal-Insolvenza jagħti influwenza konsiderevoli fuq il-proċedimenti ta’ insolvenza lill-kredituri. Il-kredituri jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom permezz tal-laqgħa tal-kredituri (Gläubigerversammlung, l-Artikoli 74 et seq. tal-InsO) jew permezz ta’ kumitat tal-kredituri (Gläubigerausschuss) li jista’ jinħatar b’mod fakultattiv mil-laqgħa tal-kredituri (l-Artikoli 68 et seq. tal-InsO). Filwaqt li l-laqgħa tal-kredituri hija l-korp ewlieni li permezz tiegħu l-kredituri jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom, il-kumitat tal-kredituri huwa korp li permezz tiegħu jeżerċitaw is-superviżjoni. Il-laqgħa tal-kredituri tiġi msejħa mill-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 74(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO), li tippresediha wkoll (l-Artikolu 76(1) tal-InsO). Il-kredituri ppreferuti kollha, il-kredituri ordinarji kollha, l-amministratur tal-insolvenza, il-membri tal-kumitat tal-kredituri u d-debitur huma intitolati jattendu għal-laqgħa tal-kredituri (l-Artikolu 74(1), it-tieni sentenza, tal-InsO). Id-deċiżjonijiet li joħorġu mil-laqgħa tal-kredituri fil-prinċipju jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi, bil-maġġoranza tiġi deċiża mhux mill-ammont ta’ voti, iżda mit-total ta’ pretensjonijiet miżmuma mill-kredituri li jivvutaw (l-Artikolu 76(2) tal-InsO). Jekk intrapriża taqbeż ċerti kriterji tad-daqs, il-qorti tal-insolvenza jeħtiġilha taħtar kumitat tal-kredituri provviżorju anke qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza (l-Artikolu 22a tal-InsO). Dan il-kumitat ikun involut fil-ħatra tal-amministratur tal-insolvenza u jkollu rwol f’kull deċiżjoni fuq l-ordnar tal-ġestjoni tad-debitur fil-pussess (l-Artikoli 56a u 270b(3) tal-InsO).

L-importanza tal-laqgħa tal-kredituri hija riflessa fil-fatt li hija hi li tiddeċiedi fuq il-perkors li għandhom jieħdu l-proċedimenti, u b’mod speċjali l-mod li bih l-assi tad-debitur jiġu realizzati. Dmirijiet oħrajn tal-laqgħa tal-kredituri jinkludu:

  • l-elezzjoni ta’ amministratur tal-insolvenza differenti (l-Artikolu 57, l-ewwel sentenza, tal-InsO)
  • is-superviżjoni tal-amministratur tal-insolvenza (l-Artikoli 66, 79, 197(1), is-subparagrafu 1, tal-InsO),
  • id-deċiżjoni dwar jekk l-intrapriża tagħlaqx jew tkomplix (l-Artikolu 157 tal-InsO),
  • l-approvazzjoni ta’ ċerti tranżazzjonijiet ta’ importanza partikolari li jkun daħal għalihom l-amministratur tal-insolvenza (l-Artikolu 160(1) tal-InsO).

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Għal informazzjoni dwar il-poteri tal-amministratur tal-insolvenza rigward l-assi tal-patrimonju tal-insolvenza, ara fuq taħt il-mistoqsija “X’poteri għandhom id-debitur u l-prattikant fl-insolvenza, rispettivament?”

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

  1. Kredituri intitolati għal eżenzjoni

Il-kredituri intitolati għal eżenzjoni (aussonderungsberechtigte Gläubiger, “kredituri bi dritt għal separazzjoni”) huma dawk il-kredituri li huma intitolati jitolbu l-eżenzjoni ta’ xi assi mill-patrimonju tal-insolvenza taħt dritt in rem jew in personam (l-Artikolu 47, l-ewwel sentenza, tal-InsO). Il-kredituri li huma intitolati għal eżenzjoni ma jkunux kredituri ordinarji u għaldaqstant ma jkollhomx bżonn jirreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom għall-inklużjoni fl-iskeda tad-djun, iżda jistgħu jeżegwuhom permezz ta’ azzjoni f’konformità mar-regoli ordinarji tal-liġi (l-Artikolu 47, it-tieni sentenza, tal-InsO). Madankollu, huma ma jressqux din l-azzjoni kontra d-debitur, iżda kontra l-amministratur tal-insolvenza, li jaġixxi bħala parti bis-saħħa tal-kariga tiegħu. L-intitolament għall-eżenzjoni jista’ jirriżulta mis-sjieda tal-assi (dment li ma tkunx sjieda trasferita permezz ta’ garanzija, minħabba li dan jagħmel lis-sid kreditur garantit biss (l-Artikolu 51, subparagrafu 1, tal-InsO)) jew mis-sempliċi riżerva tat-titlu, iżda wkoll minn talba għal restituzzjoni skont il-liġi tal-obbligi (eż. sid tal-kera kontra kerrej).

  1. Kredituri garantiti

Il-kredituri garantiti ((absonderungsberechtigte Gläubiger, “kredituri bi dritt għal sodisfazzjon separat”) huma dawk il-kredituri li għandhom dritt għal sodisfazzjon ta’ prijorità mir-realizzazzjoni ta’ assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza. Ma jiħdux sehem fil-proċedura għall-verifika tal-pretensjonijiet, iżda jirċievu trattament preferenzjali, minħabba li huma intitolati għal sodisfazzjon qabel dawk il-kredituri ordinarji kklassifikati f’livell iktar baxx jew mhux garantiti mir-rikavat tal-assi inkwistjoni. Kwalunkwe rikavat żejjed mir-realizzazzjoni jiġi dovut lill-patrimonju tal-insolvenza, u dak ir-rikavat żejjed biss ikun disponibbli għas-sodisfazzjon tal-kredituri l-oħra. Dritt ta’ garanzija ta’ dan it-tip jista’ jinkiseb inter alia minn rahan, pleġġijiet fuq assi mobbli jew pussess permezz ta’ garanzija (l-Artikoli 49, 50 u 51 tal-InsO).

Jekk ir-rikavati miksuba jkunu insuffiċjenti għas-sodisfazzjon u l-kreditur ikollu pretensjoni in personam kontra d-debitur apparti d-dritt in rem, jista’ jitlob ukoll sodisfazzjon proporzjonali mill-patrimonju tal-insolvenza billi jirreġistra l-intitolament personali tiegħu, dment li dan ikun għadu ma ġiex issodisfat, biex jiġi inkluż fl-iskeda tad-djun (l-Artikolu 52, it-tieni sentenza, tal-InsO).

  1. Kredituri bi pretensjonijiet kontra l-patrimonju stess

Il-kredituri li jressqu pretensjonijiet kontra l-patrimonju stess (Massegläubiger) ma għandhomx bżonn jirreġistraw il-pretensjonijiet tagħhom, li jiġu saldati minn qabel. Skont l-Artikolu 53 tal-InsO, id-djun li jaqgħu fuq il-patrimonju jinkludu l-kostijiet tal-proċedimenti ta’ insolvenza u l-obbligazzjonijiet l-oħrajn maħluqa mill-amministratur wara l-ftuħ tal-proċedimenti relatati mal-ġestjoni tal-insolvenza (eż. pretensjonijiet dwar is-salarju mill-ħaddiema li jkunu għadhom impjegati fl-intrapriża jew pretensjonijiet ta’ avukat imqabbad mill-amministratur tal-insolvenza biex jindirizza l-pretensjonijiet quddiem il-qrati). Ir-raġuni għas-sodisfazzjoni preferenzjali ta’ dawn il-pretensjonijiet hija li l-amministratur tal-insolvenza jista’ jwettaq il-proċedura sew biss jekk ikun jista’ jidħol għal impenji ġodda li l-eżekuzzjoni totali tagħhom tkun żgurata. Barra minn hekk, obbligazzjonijiet minn arrikkiment indebitu tal-patrimonju tal-insolvenza, kif ukoll ċerti obbligazzjonijiet mill-proċedimenti provviżorji tal-insolvenza, huma obbligi li jaqgħu fuq il-patrimonju.

  1. Kredituri ordinarji

Il-kredituri ordinarji biss (Insolvenzgläubiger, “kredituri tal-insolvenza”) jieħdu sehem fil-proċedura għall-verifika tal-pretensjonijiet (l-Artikolu 174(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Il-kredituri ordinarji, skont l-Artikolu 38 tal-InsO, jikkonsistu mill-kredituri personali kollha li jkollhom pretensjonijiet b’bażi soda kontra d-debitur fid-data meta jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. Hemm kredituri ordinarji subordinati (nachrangige Insolvenzgläubiger), elenkati fit-Taqsima 39(1) tal-InsO, li jeħtiġilhom jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom biss jekk ikunu speċifikament mitluba jagħmlu dan mill-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 174(3), l-ewwel sentenza tal-InsO). Pretensjonijiet ta’ insolvenza subordinati jiġu paċuti wara l-pretensjonijiet l-oħrajn tal-kredituri ordinarji. Huma jinkludu multi, pereżempju, u l-interessi u penali minħabba ħlas tard dovut fuq pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji mill-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Il-pretensjonijiet għandhom jitressqu bil-miktub mal-amministratur tal-insolvenza fit-terminu stipulat mill-qorti tal-insolvenza fid-deċiżjoni tal-ftuħ, jindikaw il-kawża u l-ammont tal-pretensjoni u jkunu akkumpanjati minn kopji tad-dokumenti li jagħtu prova tal-pretensjoni (l-Artikolu 174(1), l-ewwel u t-tieni sentenzi, tal-InsO). Madankollu, fil-każ ta’ preżentata tard, il-pretensjonijiet xorta waħda jiġu kkunsidrati (l-Artikolu 177 tal-InsO). Il-pretensjonijiet tal-insolvenza kollha għandhom jiġu ppreżentati, irrispettivament minn jekk ir-relazzjoni legali sottostanti hijiex regolata mil-liġi ċivili ordinarja jew mil-liġi pubblika (bħal, pereżempju, obbligazzjonijiet tat-taxxa).

Il-partikularitajiet li ġejjin japplikaw għall-kredituri barranin: L-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ir-Regolament tal-UE dwar l-Insolvenza) jippermetti lill-kredituri barranin jippreżentaw pretensjonijiet billi jużaw formola standard tal-pretensjonijiet. Il-pretensjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati f’kull lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE. Madankollu, il-kreditur jista’ jintalab jipprovdi traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li jkun qed jiftaħ il-proċedimenti jew fi kwalunkwe lingwa oħra li dak l-istat ikun indika li jista’ jaċċetta. Fil-prinċipju, il-pretensjonijiet għandhom jiġu ppreżentati fil-perjodu ta' żmien stipulat mil-liġi tal-istat li qed jiftaħ il-proċedimenti. Fil-każ ta’ kreditur barrani, dak il-perjodu m’għandux ikun inqas minn 30 jum wara l-pubblikazzjoni tal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza fir-reġistru tal-insolvenza tal-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti.

L-amministratur tal-insolvenzi għandu jdaħħal kull pretensjoni ppreżentata b’mod xieraq fi skeda ta’ djun (Tabelle). Il-kontenut tal-pretensjoni ma jiġix ivverifikat f’dan l-istadju. Il-pretensjonijiet jiġu vverifikati u l-ammont u l-klassifikazzjoni tagħhom jiġu stabbiliti biss waqt is-seduta tal-verifika fil-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 176, l-ewwel sentenza, tal-InsO). Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni għall-pretensjoni matul is-seduta tal-verifika kemm min-naħa tal-amministratur tal-insolvenza kif ukoll minn kreditur ordinarju, jew jekk tingħeleb kwalunkwe oġġezzjoni li tiġi ppreżentata, il-pretensjoni tiġi kkunsidrata bħala aċċettata u l-kreditur jirċievi d-dividend tiegħu mir-rikavat tar-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza. Oġġezzjoni min-naħa tad-debitur ma taffettwax id-determinazzjoni tal-pretensjoni (l-Artikolu 178(1), it-tieni sentenza, tal-InsO), iżda wara t-tmiem tal-proċedimenti ta’ insolvenza, kreditur ordinarju ma jkunx jista’ jeżegwixxi l-bqija tal-pretensjoni tiegħu abbażi ta’ reġistrazzjoni fl-iskeda, u jkollu jressaq azzjoni separata kontra d-debitur (l-Artikolu 201(2), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Jekk, min-naħa l-oħra, waqt is-seduta tal-verifika jkun hemm oġġezzjoni mill-amministratur tal-insolvenza jew minn kreditur ordinarju ieħor, il-kreditur jista' jressaq azzjoni għall-ammissjoni kontra l-parti li tkun qed tikkontesta (l-Artikolu 179(1) tal-InsO). Huwa jieħu sehem mir-rikavat biss jekk l-azzjoni għall-ammissjoni tistabbilixxi li l-pretensjoni tiegħu hija tabilħaqq valida (l-Artikoli 180 et seq. tal-InsO). Qabel ma jqassam ir-rikavat, l-amministratur tal-insolvenza għandu jfassal lista ta’ distribuzzjoni (Verteilungsverzeichnis) (l-Artikolu 188 tal-InsO). Fi żmien perjodu ta’ ġimagħtejn mill-pubblikazzjoni tal-lista ta’ distribuzzjoni, huwa jrid jagħti prova li ressaq azzjoni għall-ammissjoni tal-pretensjoni (l-Artikolu 189(1) tal-InsO). Jekk jonqos milli jagħmel dan, il-pretensjoni ma tiġix ikkunsidrata fid-distribuzzjoni tar-rikavati, inkluż jekk finalment tkun ġiet ammessa sadanittant (l-Artikolu 189(3) tal-InsO). Madankollu, jekk juri li jkun ressaq l-azzjoni fil-ħin, is-sehem allokat għall-pretensjoni jiġi miżmum mid-distribuzzjoni sakemm l-azzjoni tibqa’ pendenti (l-Artikolu 189(2) tal-InsO). Jekk l-azzjoni għall-ammissjoni tal-pretensjoni tiġi finalment miċħuda, is-sehem miżmum jiġi distribwit lill-kredituri ordinarji l-oħrajn. Jekk ikun jeżisti diġà titolu eżegwibbli għall-pretensjoni kkontestata, trid titressaq azzjoni mhux mill-kreditur iżda mill-oġġezzjonant (l-Artikolu 179(2) tal-InsO). Is-sentenza li tiddetermina pretensjoni jew li ssostni oġġezzjoni ma tkunx effettiva biss inter partes iżda tkun vinkolanti wkoll fuq l-amministratur tal-insolvenza u fuq il-kredituri ordinarji kollha (l-Artikolu 183(1) tal-InsO).

Jekk kreditur ordinarju ma jkunx irreġistra l-pretensjoni tiegħu biex tiġi inkluża fl-iskeda, ma jistax jieħu sehem mir-rikavat tar-realizzazzjoni u b’ebda mod ieħor ma jkun jista’ jeżegwixxi l-pretensjoni tiegħu (l-Artikolu 87 tal-InsO). Pretensjonijiet għall-ħlas kontra l-amministratur tal-insolvenza għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fi pjan ta’ insolvenza, l-amministratur tal-insolvenza jirrealizza l-assi li jappartjenu għall-patrimonju tal-insolvenza biex jikkonverti l-patrimonju fi flus u biex iqassam dawn il-flus lill-kredituri. L-amministratur jiddeċiedi kif iwettaq ir-realizzazzjoni fid-diskrezzjoni proprja tiegħu, bl-għan li jimmassimizza r-rikavati. Il-possibiltajiet jinkludu l-bejgħ tal-intrapriża tad-debitur jew tal-impjanti individwali bħala unità sħiħa, jew il-qsim tal-intrapriża u l-bejgħ tal-assi individwali separatament.

Qabel ma r-rikavat mir-realizzazzjoni jkun jista’ jitqassam lill-kredituri ordinarji, l-ewwel ikun meħtieġ li jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri garantiti u ta' kredituri bi pretensjonijiet fuq il-patrimonju stess. Id-distribuzzjoni tar-rikavat hija bbażata fuq lista ta’ distribuzzjoni (l-Artikolu 188 tal-InsO) li għandha titfassal mill-amministratur tal-insolvenza abbażi tal-iskeda tad-djun (l-Artikolu 175 tal-InsO). Il-lista għandha tinkludi l-pretensjonijiet ta’ insolvenza kollha li jridu jitqiesu matul id-distribuzzjoni. Imbagħad, ir-rikavat jiġi distribwit bejn il-kredituri b’mod proporzjonali mal-ammont tal-pretensjonijiet tagħhom. Il-kredituri ordinarji subordinati jikklassifikaw wara l-kredituri ordinarji. Dawn jiġu ssodisfati biss jekk il-kredituri ordinarji l-oħrajn kollha jkunu ġew issodisfati b’mod sħiħ. Minħabba li l-possibbiltà li dawn jiġu ssodisfati hija żgħira, huma jeħtiġilhom jippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom jekk jintalbu jagħmlu dan biss mill-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 174(3) tal-InsO).

Bħala regola, id-distribuzzjoni ma tistenniex sakemm tkun tlestiet ir-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza. Minflok, hekk kif ikun hemm flus suffiċjenti disponibbli fil-patrimonju tal-insolvenza, isiru pagamenti fil-kontijiet (l-Artikolu 187(2), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Meta titlesta r-realizzazzjoni, issir id-distribuzzjoni finali (l-Artikolu 196(1) tal-InsO). Dan jirrikjedi l-approvazzjoni mill-qorti tal-insolvenza (l-Artikolu 196(2) tal-InsO). Jekk il-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji kollha (inklużi l-kredituri subordinati) jistgħu jiġu ssodisfati b’mod sħiħ (li fil-prattika rari jseħħ), l-amministratur jittrasferixxi kwalunkwe surplus li jibqa’ lid-debitur (l-Artikolu 199, l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Jekk kreditur ikollu dritt għal pretensjoni garantita fuq wieħed mill-assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza u r-rikavati miksuba ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw il-pretensjoni tiegħu b’mod sħiħ, il-kreditur jista’ jirreġistra pretensjoni addizzjonali in personam għall-inklużjoni fl-iskeda, iżda biss jekk il-pretensjoni garantita tiegħu tkun falliet (inkella, jista’ jirrinunzja għall-pretensjoni garantita tiegħu u minflok jirreġistra pretensjoni in personam kontra d-debitur għall-inklużjoni fl-iskeda għall-ammont totali) (l-Artikolu 52, it-tieni sentenza, tal-InsO).

Jekk parti terza tissodisfa l-pretensjoni ta’ kreditur li jkollu garanzija in rem kontra d-debitur, il-parti terza ma tiħux awtomatikament il-post tal-kreditur garantit. Madankollu, f’ċerti każijiet, is-surroga hija prevista fil-liġi u jista’ wkoll jintlaħaq ftehim dwarha permezz ta’ kuntratt. Din mhijiex karatteristika speċjali tal-proċedimenti tal-insolvenza, iżda tirriżulta mir-regoli tal-liġi ordinarja. Jekk il-kreditur pereżempju jkollu garanzija in rem u jirċievi sodisfazzjon mhux mingħand id-debitur iżda minn parti terza li tidħol bħala garanti għall-pretensjoni fuq id-debitur insolventi, il-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur tiġi ttrasferita lill-garanti skont surroga statutorja (l-Artikolu 774(1), l-ewwel sentenza, tal-Kodiċi Ċivili Bürgerliches Gesetzbuch – BGB)). Għal drittijiet ta’ garanzija sekondarji, bħal pereżempju ipoteka jew rahan, il-Kodiċi Ċivili jipprovdi espressament li dawn jiġu ttrasferiti lill-garanti (l-Artikoli 412, 401 tal-BGB). Drittijiet ta’ garanzija mhux sekondarji, bħal pereżempju imposta fuq l-artijiet maħluqa bħala garanzija għal pretensjoni, ma jiġux ittrasferiti lill-garanti permezz ta’ operazzjoni tal-liġi. Madankollu, kreditur li jkollu pretensjoni kuntrattwali jkun meħtieġ li, f’analoġija, b'konformità mat-Taqsimiet 412 u 401 tal-Kodiċi Ċivili, jittrasferixxi l-garanziji mhux sekondarji lill-garanti, dment li ma jkunx hemm ftehim mod ieħor bejn il-partijiet. Il-garanti imbagħad jieħu l-post tal-kreditur b’garanzija in rem.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

  1. Proċedura standard

Wara li ssir id-distribuzzjoni finali, il-proċedimenti tal-insolvenza jridu jintemmu (l-Artikolu 200(1) tal-InsO). Id-deċiżjoni ta’ terminazzjoni tiġi ppubblikata. Mat-tmiem tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-assi li jinqabdu mill-insolvenza jerġgħu jingħataw lid-debitur.

Wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-insolvenza, il-kredituri ordinarji jistgħu fil-prinċipju jeżegwixxu l-pretensjonijiet residwi tagħhom kontra d-debitur mingħajr restrizzjoni, minħabba li l-pretensjoni tkun estinta biss sal-ammont tad-dividend imħallas. Għall-eżekuzzjoni tas-sehem tal-pretensjoni mhux issodisfat, l-Artikolu 201(2) tal-InsO jipprevedi li l-kredituri ordinarji jistgħu jeżegwixxu l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur fuq il-bażi legali tad-dħul tagħhom fl-iskeda, daqslikieku taħt titolu eżekuttiv, diment li l-pretensjonijiet ikunu ġew iddeterminati u ma ġewx ikkontestati mid-debitur waqt is-seduta tal-verifika. Bil-maqlub, jista’ jiġi konkluż mill-istess Taqsima 201(2) tal-InsO li f’każijiet oħrajn il-kreditur irid jeżegwixxi l-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur billi jressaq azzjoni legali.

Eċċezzjoni tapplika għal persuni fiżiċi. Dawn għandhom il-possibilità japplikaw għal ħelsien mid-dejn residwu (Restschuldbefreiung, l-Artikoli 201(3), 286 et seq. tal-InsO). Il-ħelsien minn dejn residwu jista’ jingħata wara perjodu ta’ kondotta tajba, ġeneralment tliet snin, li fih id-debitur jeħtieġlu jassenja d-dħul kollu disponibbli għall-qbid lil fiduċjarju (Treuhänder); il-ħelsien ikollu effett vinkolanti fuq il-kredituri ordinarji kollha, inklużi dawk il-kredituri li ma jkunux ippreżentaw il-pretensjonijiet tagħhom (l-Artikolu 301(1) tal-InsO). Dan ifisser li l-kredituri ordinarji jiġu definittivament impeduti milli jeżegwixxu l-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur (eċċezzjoni: il-pretensjonijiet imsemmija fit-Taqsima 302 tal-InsO li huma esklużi mill-għoti ta’ ħelsien mid-dejn residwu).

Persuna ġuridika li tkun ġiet soġġetta għall-proċedimenti ta’ insolvenza u li ma jibqgħalha fil-pussess tagħha ebda assi titħassar b’mod awtomatiku mir-reġistru kummerċjali u ma tibqax teżisti.

  1. Proċedura ta’ pjan ta’ insolvenza

Il-proċedura tal-pjan ta’ insolvenza tħalli lill-kredituri garantiti u lill-kredituri ordinarji jiddeċiedu huma stess dwar ir-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza, id-distribuzzjoni tagħha fost il-kredituri, il-ġestjoni tal-proċedimenti u r-responsabbiltà tad-debitur wara t-terminazzjoni tal-proċedimenti tal-insolvenza; huma jagħmlu dan fi pjan ta’ insolvenza, permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Insolvenza (l-Artikolu 217(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Ir-riorganizzazzjoni u l-pjan ta’ insolvenza mhumiex l-istess ħaġa. Pjan ta’ insolvenza jkollu rwol ewlieni fi kwalunkwe riorganizzazzjoni ta’ intrapriża, iżda pjan ta’ insolvenza jista’ jservi wkoll ta’ bażi għall-istralċ tal-intrapriża, u jista’ pereżempju jipprevedi r-realizzazzjoni tal-patrimonju tal-insolvenza u d-distribuzzjoni tagħha bejn il-partijiet involuti permezz ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Insolvenza.

Minbarra l-possibbiltà ta’ ħelsien minn dejn residwu, il-pjan tal-insolvenza joffri mezz importanti lid-debitur biex jegħleb lil kredituri ostruttivi. L-Artikolu 245 tal-InsO jipprevedi li taħt ċerti kundizzjonijiet l-aċċettazzjoni ta’ grupp ta’ votazzjoni tista’ titqies li tkun ingħatat anki jekk il-maġġoranzi meħtieġa ma jkunux intlaħqu.

Pjan ta’ insolvenza jista’ jiġi ppreżentat jew mill-amministratur tal-insolvenza jew mid-debitur (l-Artikolu 218(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Il-pjan tal-insolvenza jikkonsisti minn parti dikjaratorja (darstellender Teil) u minn parti organizzattiva (gestaltender Teil) (l-Artikolu 219, l-ewwel sentenza, tal-InsO). Il-parti dikjaratorja tiddeskrivi liema miżuri diġà ttieħdu wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u liema miżuri għadhom iridu jittieħdu sabiex tiġi stabbilita l-bażi għall-arranġament maħsub tad-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati (l-Artikolu 220(1) tal-InsO). Il-parti organizzattiva tiddetermina kif għandha tinbidel il-pożizzjoni legali tal-partijiet involuti (l-Artikolu 221, l-ewwel sentenza, tal-InsO). Taħt l-Artikolu 217, it-tieni sentenza, tal-InsO, jekk id-debitur ma jkunx persuna fiżika, id-drittijiet ta’ sħubija u ishma fl-ekwità tad-debitur jistgħu jkunu inklużi wkoll fil-pjan ta’ insolvenza. L-Artikolu 225a(2) tal-InsO jippermetti konverżjoni ta’ dejn f’ekwità biex il-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu kkonvertiti f’ishma fl-ekwità tad-debitur irregolata mid-dritt tal-kumpaniji. Il-mekkaniżmu tal-votazzjoni previst fit-Taqsimiet 243 et seq. tal-InsO huwa ta’ interess partikolari. Il-parti organizzattiva tal-pjan ta’ insolvenza tiddefinixxi diversi gruppi tal-votazzjoni. Il-pjan ta’ insolvenza jiġi aċċettat biss jekk ikun approvat minn maġġoranza ta’ kredituri li jivvotaw f’kull grupp (maġġoranza tal-kredituri) u t-total tal-pretensjonijiet tal-kredituri li jivvotaw favur ikun jammonta għal iktar min-nofs tal-pretensjonijiet totali tal-kredituri li jivvotaw (maġġoranza tal-pretensjonijiet totali). Madankollu, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-Kodiċi jqis li l-grupp tal-votazzjoni jkun ta l-kunsens tiegħu anki jekk il-maġġoranzi meħtieġa ma jkunux intlaħqu (l-Artikolu 245 tal-InsO). Din il-“projbizzjoni ta’ ostruzzjoni” (Obstruktionsverbot) hija mfassla sabiex timpedixxi lill-kredituri individwali jew lill-azzjonisti milli jikkawżaw il-falliment tal-pjan. Skont l-Artikolu 247 tal-InsO, id-debitur ukoll irid jagħti l-kunsens għall-pjan. Iżda l-oppożizzjoni min-naħa tiegħu tkun irrilevanti jekk il-pjan aktarx li ma jħallihx f’qagħda agħar milli kieku jkun mingħajru, u jekk l-ebda kreditur ma jirċievi valur ekonomiku li jaqbeż l-ammont totali tal-pretensjoni tiegħu.

Wara li l-pjan ta’ insolvenza jiġi aċċettat mill-partijiet involuti, u wara li jingħata l-kunsens mid-debitur, il-pjan ta’ insolvenza jrid jiġi kkonfermat mill-qorti tal-insolvenza. Il-qorti tikkonferma l-pjan ta’ insolvenza jekk ir-rekwiżiti proċedurali meħtieġa kollha jkunu ġew issodisfati u l-ebda rikors ma jiġi ppreżentat minn kreditur jew azzjonist li jafferma li x’aktarx se jispiċċa f’qagħda agħar bil-pjan milli kieku mingħajru (l-Artikolu 251 tal-InsO). Sabiex jiġi evitat li l-pjan ifalli b’riżultat ta’ oppożizzjoni bħal din, il-parti organizzattiva tal-pjan tista’ tipprovdi li jkun hemm fondi disponibbli f’każ li parti turi li ser tispiċċa f’qagħda agħar (l-Artikolu 251(3) tal-InsO).

Id-deċiżjoni li tikkonferma l-pjan tista’ tiġi kkontestata sa punt limitat biss (l-Artikolu 253 tal-InsO).

Ladarba l-konferma tal-pjan ta’ insolvenza ma tibqax miftuħa għall-kontestazzjoni, u l-pjan ta’ insolvenza ma jipprovdix mod ieħor, il-qorti tal-insolvenza ttemm il-proċedimenti tal-insolvenza (l-Artikolu 258(1) tal-InsO). Id-dritt tad-disponiment tal-proprjetà tad-debitur jgħaddi lura għand id-debitur. L-effetti previsti mill-parti organizzattiva tal-pjan isiru vinkolanti għall-partijiet kollha involuti u kontrihom, irrispettivament minn jekk irreġistrawx il-pretensjonijiet tagħhom jew jekk oġġezzjonawx għall-pjan ta’ insolvenza bħala partijiet b'interess (l-Artikolu 254b tal-InsO). Dan ifisser li rinunzja, sospensjoni jew simili, li huma previsti fil-pjan ta’ insolvenza jsiru effettivi ipso jure, mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni separata (l-Artikolu 254a(1) tal-InsO). Fil-prinċipju l-pjan ta’ insolvenza ma jaffettwax id-drittijiet ta’ kredituri ordinarji kontra partijiet terzi. Jekk il-pjan jipprevedi dan, tapplika eċċezzjoni għall-kollateral ta’ parti terza intragrupp (gruppeninterne Drittsicherheiten) li jkun ġie pprovdut lill-kreditur minn intrapriża affiljata mad-debitur fit-tifsira tat-Taqsima 15 tad-Dritt dwar il-kumpaniji b’ishma (AktG) (eż. sussidjarja) (l-Artikoli 217(2) u 223a tal-InsO).

Sabiex jiġi żgurat li d-debitur jikkonforma mal-obbligi imposti fuqu mill-pjan ta’ insolvenza, il-pjan jista’ jipprevedi li d-debitur jiġi mmonitorjat mill-amministratur tal-insolvenza. Matul il-perjodu ta’ monitoraġġ, l-amministratur tal-insolvenza jeħtieġlu jirrapporta kull sena lill-qorti u lill-kumitat tal-kredituri, jekk dan il-kumitat ikun inħatar, dwar is-sitwazzjoni attwali u dwar il-prospetti futuri tat-twettiq tal-pjan ta’ insolvenza (l-Artikolu 261(2), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Irrispettivament minn jekk dan il-monitoraġġ jiġix ordnat jew le, “l-klawżola tal-irkupru” (Wiederauflebensklausel) prevista fit-Taqsima 255 tal-InsO topera sabiex tiżgura l-konformità tad-debitur mal-pjan. Jekk il-pretensjonijiet ta’ kreditur ordinarju jkunu ġew iddifferiti jew rinunzjati parzjalment abbażi tal-parti organizzattiva tal-pjan ta’ insolvenza, huwa previst li dan id-differiment jew din ir-rinunzja ma tibqax torbot lill-kreditur jekk id-debitur jaqa’ lura b’mod sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-pjan fir-rigward ta’ dak il-kreditur (l-Artikolu 255(1) tal-InsO). L-istess japplika fir-rigward tal-kredituri ordinarji kollha jekk, matul il-fażi tal-implimentazzjoni tal-pjan, jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza ġodda fir-rigward tal-assi tad-debitur (l-Artikolu 255(2) tal-InsO). Il-kredituri ordinarji bi pretensjonijiet ammessi li ma ġewx ikkontestati mid-debitur waqt is-seduta tal-verifika, u li l-kredituri jkollhom skont pjan ta’ insolvenza kkonfermat u finali flimkien mal-inklużjoni fl-iskeda, jistgħu jeżegwixxu dawk il-pretensjonijiet kontra d-debitur bl-istess mod daqslikieku taħt titolu eżekuttiv (l-Artikolu 257(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO).

Jekk il-pjan ta’ insolvenza jkun il-bażi ta’ riorganizzazzjoni tal-intrapriża, ħafna drabi jkun hemm bżonn ta’ self għall-operat. Biex jiġu protetti s-selliefa, il-parti organizzattiva tal-pjan ta’ insolvenza tista’ tipprevedi limitu fuq is-self (l-Artikolu 264 tal-InsO). Dment li l-pretensjoni tas-sellief il-ġdid tibqa’ taħt il-limitu, l-effett hu dak li f’kull proċediment ta’ insolvenza ġdid, il-kredituri ordinarji jikklassifikaw wara s-sellief il-ġdid.

Il-proċedura tal-pjan ta’ insolvenza tippermetti lid-debitur jikseb ħelsien mid-dejn residwu irrispettivament mill-proċedura tal-ħelsien mid-dejn residwu deskritta aktar ’l fuq. Il-Kodiċi jiddikjara li sakemm il-pjan ta’ insolvenza ma jipprovdix mod ieħor, id-debitur jista’ jingħata ħelsien mid-djun residwi tiegħu li huma dovuti lill-kredituri tiegħu jekk jissodisfa lill-kredituri tiegħu bil-mod previst fil-pjan ta’ insolvenza (l-Artikolu 227(1) tal-InsO).

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Għal dettalji dwar id-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq tal-proċedimenti tal-insolvenza, jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija “X’inhuma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq tal-proċedimenti tal-insolvenza (b’mod partikolari permezz tal-kompożizzjoni)?”

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Skont il-liġi Ġermaniża, il-kostijiet tal-proċedimenti tal-insolvenza għandhom jitħallsu minn qabel mill-patrimonju tal-insolvenza u jieħdu preċedenza fuq il-pretensjonijiet tal-kredituri ordinarji bħala obbligi li jaqgħu fuq il-patrimonju (l-Artikolu 53 tal-InsO). Il-kostijiet tal-proċedimenti tal-insolvenza jinkludu t-tariffi tal-qorti fir-rigward tal-proċedimenti tal-insolvenza u r-remunerazzjoni gwadanjata u l-ispejjeż imġarrba mill-amministratur tal-insolvenza provviżorju, mill-amministratur tal-insolvenza, u mill-membri tal-kumitat tal-kredituri (l-Artikolu 54 tal-InsO).

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Sabiex jiġu evitati azzjonijiet detrimentali għall-kredituri, kull akkwist ta’ assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza wara l-ftuħ tal-proċedimenti fil-prinċipju jkun null, filwaqt li l-akkwist li jsir qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ assi li kieku kienu jappartjenu lill-patrimonju tal-insolvenza wara l-ftuħ tal-proċedimenti jkun fil-prinċipju validu, iżda jista’ jiġi kkontestat taħt ċerti ċirkostanzi.

Minħabba li mal-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, id-dritt tad-debitur li jiddisponi mill-proprjetà tiegħu jgħaddi f’idejn l-amministratur tal-insolvenza, kull disponiment mid-debitur ta’ assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza huwa fil-prinċipju invalidu b’mod assolut (l-eċċezzjoni ewlenija tkun meta jkun hemm akkwist in bona fede ta’ art, għalkemm dan jista’ jiġi kkontestat) (l-Artikolu 81(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). Lanqas ma jinkisbu xi drittijiet għal assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza jekk id-debitur ikun iddispona minn assi li jappartjeni għall-patrimonju tal-insolvenza qabel ma jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza iżda r-riżultat ta’ dan iseħħ biss wara li l-proċedimenti jkunu jinfetħu (l-Artikolu 91(1) tal-InsO) (l-eċċezzjoni ewlenija tkun akkwist ta’ art, l-Artikolu 91(2) tal-InsO). Drittijiet ta’ garanzija miksuba bħala riżultat ta’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni matul l-aħħar xahar ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza, jew wara dan ir-rikors, bl-istess mod isiru legalment ineffettivi ladarba l-proċedimenti tal-insolvenza jinfetħu (l-Artikolu 88(1) tal-InsO).

Akkwist mill-patrimonju tal-insolvenza qabel ma jinfetħu l-proċedimenti, b’differenza minn akkwist wara l-ftuħ tal-proċedimenti, huwa fil-prinċipju validu, iżda jista’ jiġi kkontestat taħt ċerti ċirkostanzi (l-Artikoli 129 et seq. tal-InsO). Dan id-dritt għall-kontestazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ta’ debitur insolventi huwa ta’ importanza deċiżiva għall-funzjonament tal-liġi tal-insolvenza, minħabba li jippermetti lill-amministratur tal-insolvenza jkollu aċċess għall-flussi ta’ ħruġ mill-assi tad-debitur li jkunu seħħew qabel ma nfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza. Jista’ jgħin ħafna biex jiżdied il-patrimonju tal-insolvenza, u għalhekk sabiex jiġi żgurat li l-liġi tal-insolvenza tibni fuq il-pretensjoni tagħha li tipprovdi sodisfazzjon ugwali għall-kredituri b’mod ordnat u li tevita t-trattament preferenzjali ta’ kredituri individwali. Jekk l-amministratur tal-insolvenza jirnexxielu jeżerċita dritt li jikkontesta, il-parti li kienet ibbenefikat b’riżultat tat-tranżazzjoni kkontestata trid tirritorna dak kollu li nġibed mill-assi tad-debitur tal-insolvenza permezz tat-tranżazzjoni. Jekk ma tistax tagħmel dan in natura, ikollha tħallas kumpens. L-amministratur tal-insolvenza jista’ jippreżenta azzjoni biex jeżegwixxi d-dritt għar-restituzzjoni, u jista’ jibbaża fuq id-dritt tar-restituzzjoni kontra kull pretensjoni opposta miġjuba minn kreditur. Jekk ir-riċevitur ta’ benefiċċju minn tranżazzjoni li tista’ tiġi kkontestata jirrestitwixxi l-proprjetà li jkun irċieva, kull kontro talba li jista’ jkollu terġa’ titqajjem (l-Artikolu 144 tal-InsO).

Biex tkun tista’ tiġi kkontestata, tranżazzjoni li wieħed ikun daħal għaliha qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza trid tpoġġi lill-kredituri ordinarji fi żvantaġġ (l-Artikolu 129 tal-InsO), u jrid ikun hemm waħda mir-raġunijiet previsti fit-Taqsimiet 130 sa 136 tal-InsO. Kull att legali, jiġifieri kull kondotta (inkluża ommissjoni, l-Artikolu 129(2) tal-InsO) li toħloq effett legali, jista’ jiġi kkontestat (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, sentenza tat-12 ta’ Frar 2004 – IX ZR 98/03 – il-paragrafu 12). Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Kodiċi, huwa immaterjali jekk l-att legali jitwettaqx mid-debitur. Minbarra dan, jekk ikunx hemm effett kuntrattwali jew legali involut mhuwiex fattur deċiżiv (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, sentenza tas-7 ta’ Mejju 2013 – IX ZR 191/12 – il-paragrafu 6).

Raġuni għall-kontestazzjoni ta’ tranżazzjoni hija pprovduta b’mod partikolari minn

  • benefiċċju gratwit mogħti mid-debitur, sakemm ma jkunx ingħata aktar minn erba’ snin qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza (l-Artikolu 134 tal-InsO);
  • att legali mwettaq mid-debitur matul l-aħħar għaxar snin qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza bl-għan li jpoġġi fi żvantaġġ lill-kredituri tiegħu, jekk il-parti l-oħra kienet konxja tal-intenzjoni tad-debitur (l-Artikolu 133 tal-InsO) il-perjodu ikun biss ta’ erba’ snin jekk l-att għamilha possibbli għall-parti l-oħra li tipprovdi garanzija jew ħlas.
  • att legali mwettaq intenzjonalment mid-debitur fl-aħħar tliet xhur ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza li direttament tpoġġi lill-kredituri ordinarji fi żvantaġġ, jekk id-debitur kien diġà insolventi, u jekk il-parti l-oħra kienet konxja ta’ din l-insolvenza (l-Artikolu 132(1), is-subparagrafu 1, tal-InsO);
  • att legali li jagħti intenzjonalment lil kreditur ordinarju garanzija jew sodisfazzjon li ma jkunx intitolat għalih, jekk dan l-att ikun twettaq fl-aħħar xahar ta’ qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza (l-Artikolu 131(1), is-subparagrafu 1, tal-InsO);
  • att legali li jagħti intenzjonalment lil kreditur ordinarju garanzija jew sodisfazzjon li ma jkunx intitolat għalih, jekk dan l-att ikun twettaq fl-aħħar tliet xhur qabel ir-rikors għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza u d-debitur kien insolventi fid-data ta’ tali att u l-parti l-oħra kienet konxja minn dan (l-Artikolu 130(1), is-subparagrafu 1, tal-InsO).

F’dawn il-każijiet kollha, kemm id-debitur kif ukoll il-kreditur li jkunu qed jirċievu l-benefiċċju jistgħu wkoll iġarrbu responsabbiltà kriminali (l-Artikoli 283 sa 283d tal-Kodiċi Kriminali).

Proċedimenti ta’ insolvenza tal-konsumatur

Il-proċedimenti ta’ insolvenza tal-konsumatur (Verbraucherinsolvenzverfahren) jittrattaw każijiet ta’ persuni fiżiċi li ma jwettqu jew li ma wettqu ebda attività ta’ negozju għal rashom, jew persuni fiżiċi li wettqu attività ta’ negozju għal rashom iżda li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom ma tkunx sempliċi u kontrihom ma jkun hemm l-ebda pretensjoni li tirriżulta minn relazzjonijiet ta’ impjieg (l-Artikolu 304(1), l-ewwel sentenza, tal-InsO). B’kuntrast għall-proċedura tal-insolvenza standard, l-enfasi mhijiex fuq ir-realizzazzjoni tal-assi, iżda fuq il-ħelsien tal-konsumatur mid-dejn.

Il-proċedura hija differenti minn dik standard prinċipalment meta r-rikors jiġi ppreżentat mid-debitur waħdu jew ma’ oħrajn. F’dan il-każ, id-deċiżjoni biex jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza tkun ippreseduta minn stadju barra l-qorti bl-għan li jintlaħaq arranġament mal-kredituri biex jiġi saldat id-dejn, abbażi ta’ pjan (l-Artikolu 305(1), is-subparagrafu 1, tal-InsO). Jekk it-tentattiv biex jintlaħaq ftehim barra l-qorti ma jkunx irnexxa, id-debitur jista’ jippreżenta rikors biex jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza.

Isegwi stadju li fih il-proċedimenti tal-ftuħ jiġu sospiżi u l-qorti tal-insolvenza tagħti lill-kredituri opportunità jilħqu ftehim mad-debitur fuq pjan ta’ saldu tad-dejn (Schuldenbereinigungsplan). Jekk il-pjan tas-saldu tad-dejn jimmaterjalizza, il-pretensjonijiet tal-kredituri jiġu mbagħad irregolati biss mill-pjan tas-saldu tad-dejn, li jkun eżegwibbli bħal saldu miftiehem fi proċedimenti tal-qorti (Prozessvergleich) (l-Artikolu 308(1), it-tieni sentenza, tal-InsO). Rikorsi għall-ftuħ ta’ proċedimenti tal-insolvenza u għall-għoti ta’ ħelsien minn dejn residwu jitqiesu li ġew irtirati (l-Artikolu 308(2) tal-InsO). Jekk ma jintlaħaqx ftehim dwar pjan ta’ saldu tad-dejn, jissoktaw il-proċedimenti tal-ftuħ.

L-aħħar aġġornament: 24/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.