Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Insolvenza/falliment

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Fil-Polonja, il-proċedimenti ta’ falliment skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (tfassil mill-ġdid) huma rregolati permezz ta’ żewġ atti:

  • l-Att tat-28 ta’ Frar 2003 - il-Liġi dwar il-Falliment (Prawo upadłościowe, il-Ġurnal tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) 2016, Nru 2171) – minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "l-Att dwar il-Fallimenti".
  • l-Att tal-15 ta’ Mejju 2015 - il-Liġi dwar ir-Ristrutturar (Prawo restrukturyzacyjne, il-Ġurnal tal-Liġijiet 2016, Nru 1574) – minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-Att dwar ir-Ristrutturar”.

Id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Falliment jirregolaw il-proċedimenti ta’ likwidazzjoni relatati mal-insolvenza, jiġifieri “falliment” (upadłość). L-Att dwar ir-Ristrutturar jirregola proċedimenti ta’ ristrutturar relatati mar-riskju tal-insolvenza, jiġifieri “proċedimeni ta’ approvazzjoni tal-arranġament” (postępowanie o zatwierdzenie układu, l-Artikoli 210-226), “proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla” (przyspieszone postępowanie układowe, l-Artikoli 227-264), “proċedimenti ta’ arranġament” (postępowanie układowe, l-Artikoli 267-282) u “proċedimenti rimedjali” (postępowanie sanacyjne, l-Artikoli 283-323).

L-għan ta’ proċedimenti ta’ falliment huwa li jissodisfa l-pretensjonijiet tal-kredituri bl-akbar grad possibbli u, jekk ikun raġonevolment possibbli, li jżommu l-intrapriża tad-debitur eżistenti. Dawn jinfetħu esklussivament fuq talba u jikkonsistu minn żewġ stadji: proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment u proċedimenti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment.

Il-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament billi jiġbor il-voti tal-kredituri waħdu mingħajr l-involviment tal-qorti. Dawn il-proċedimenti jistgħu jinfetħu jekk il-pretensjonijiet ikkontestati jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15% tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament.

Il-proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament wara li tkun tfasslet u ġiet approvata lista ta’ pretensjonijiet b’mod simplifikat. Proċedimenti bħal dawn jistgħu jitwettqu jekk ikun hemm pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15% tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament.

Il-proċedimenti ta’ arranġament jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament wara li tkun tfasslet u ġiet approvata lista ta’ pretensjonijiet. Proċedimenti bħal dawn jistgħu jitwettqu jekk ikun hemm pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15 % tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament.

Il-proċedimenti ta’ rimedju jippermettu lid-debitur li jieħu miżuri ta’ rimedju (maħsuba biex jorganizzaw mill-ġdid l-intrapriża tad-debitur) u jidħol f’arranġament wara li titfassal u tiġi approvata lista ta’ pretensjonijiet. Il-miżuri ta’ rimedju jinkludu miżuri legali u prattiċi maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur u biex jirrestawraw il-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-obbligi tiegħu, filwaqt li jipproteġuh kontra l-infurzar.

Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jitressqu kontra imprenditur. Skont l-Artikolu 431 tal-Kodiċi Ċivili Pollakk (kodeks cywilny) imprenditur huwa persuna fiżika, persuna ġuridika jew unità organizzattiva mingħajr personalità ġuridika li fiha l-kapaċità ġuridika hija vestita permezz ta’ statut, li jmexxi negozju jew attività professjonali f’ismu stess.

Tista’ tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-falliment mid-debitur u minn kull kreditur personali tiegħu.

Il-proċedimenti ta’ fallimenti jistgħu jitressqu wkoll kontra:

  1. kumpaniji b’responsabbiltà limitata u kumpaniji b’ishma konġunti li ma jwettqux attività ta’ negozju;
  2. sħab fi sħubiji tan-negozju li għandhom responsabbiltà illimitata, fir-rigward tal-assi kollha tagħhom, biex jissodisfaw l-obbligi tas-sħubija tagħhom;
  3. sħab fi sħubija.

Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jitressqu wkoll kontra persuni fiżiċi li ma jwettqux attività kummerċjali (l-Artikolu 4911 et seq. tal-Att dwar il-Fallimenti.). Proċedimenti bħal dawn isiru biss fuq talba tad-debitur, sakemm id-debitur ma jkunx eks imprenditur, f’liema każ tista’ tiġi ppreżentata wkoll applikazzjoni ta’ falliment minn kreditur sa sena wara t-tneħħija tal-imprenditur mir-reġistru rilevanti.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’:

  1. imprendituri skont it-tifsira tal-Artikolu 431 tal-Kodiċi Ċivili;
  2. kumpaniji b’responsabbiltà limitata (spółka z ograniczoną odpowiedzialnością) u kumpaniji b’ishma konġunti (spółka akcyjna) li ma jwettqux attività ta’ negozju;
  3. sħab fi sħubiji tan-negozju (osobowa spółka handlowa) li għandhom responsabbiltà illimitata, fir-rigward tal-assi kollha tagħhom, biex jissodisfaw l-obbligi tas-sħubija tagħhom;
  4. sħab fi sħubija (spółka partnerska).

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar ma jinfetħux fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li ma jwettqux attività ta’ negozju. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jitwettqu biss fuq talba tad-debitur, ħlief għal proċedimenti ta’ rimedju, li jistgħu jinfetħu wkoll fuq talba tal-kreditur jekk id-debitur ikun insolventi.

Il-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament billi jiġbor il-voti tal-kredituri waħdu mingħajr l-involviment tal-qorti. Dawn il-proċedimenti jistgħu jitwettqu jekk il-pretensjonijiet ikkontestati jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15% tal-pretensjonijiet kollha.

Il-proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament wara li tkun tfasslet u ġiet approvata lista ta’ pretensjonijiet b’mod simplifikat. Proċedimenti bħal dawn jistgħu jitwettqu jekk ikun hemm pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15% tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament.

Il-proċedimenti ta’ arranġament jippermettu lid-debitur jidħol f’arranġament wara li tkun tfasslet u ġiet approvata lista ta’ pretensjonijiet. Proċedimenti bħal dawn jistgħu jitwettqu jekk ikun hemm pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15% tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament.

Il-proċedimenti ta’ rimedju jippermettu lid-debitur li jieħu miżuri ta’ rimedju (maħsuba biex jorganizzaw mill-ġdid l-intrapriża tad-debitur) u jidħol f’arranġament wara li titfassal u tiġi approvata lista ta’ pretensjonijiet. Il-miżuri ta’ rimedju jinkludu miżuri legali u prattiċi maħsuba biex itejbu s-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur u biex ikun jista’ jerġa’ jkun kapaċi jissodisfa l-obbligi tiegħu, filwaqt li jipproteġuh kontra l-infurzar.

Il-proċedimenti ta’ falliment jistgħu jitressqu kontra imprenditur. Skont l-Artikolu 431tal-Kodiċi Ċivili imprenditur huwa persuna fiżika, persuna ġuridika jew unità organizzattiva mingħajr personalità ġuridika li fiha l-kapaċità ġuridika hija vestita permezz ta’ statut, li jmexxi negozju jew attività professjonali f’ismu stess.

Barra minn hekk, il-proċedimenti ta’ fallimenti jistgħu jitressqu wkoll kontra:

  1. kumpaniji b’responsabbiltà limitata u kumpaniji b’ishma konġunti li ma jwettqux attività ta’ negozju;
  2. sħab fi sħubiji tan-negozju li għandhom responsabbiltà illimitata, fir-rigward tal-assi kollha tagħhom, biex jissodisfaw l-obbligi tas-sħubija tagħhom;
  3. sħab fi sħubija.

Il-proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment jistgħu jitressqu wkoll kontra persuni fiżiċi li ma jwettqux attività ta’ negozju (l-Artikoli 4911 et seq. tal-Att dwar il-Fallimenti).

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’:

  1. imprendituri skont it-tifsira tal-Att tat-23 ta’ April 1964 - il-Kodiċi Ċivili (kodeks cywilny, il-Ġurnal tal-Liġijiet 2016, il-punti 380 u 585), minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-"Kodiċi Ċivili";
  2. kumpaniji b’responsabbiltà limitata (spółka z ograniczoną odpowiedzialnością) u kumpaniji b’ishma konġunti (spółka akcyjna) li ma jwettqux attività ta’ negozju;
  3. sħab fi sħubiji tan-negozju (osobowa spółka handlowa) li għandhom responsabbiltà illimitata, fir-rigward tal-assi kollha tagħhom, biex jissodisfaw l-obbligi tas-sħubija tagħhom;
  4. sħab fi sħubija (spółka partnerska).

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar ma jinfetħux fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li ma jwettqux attività ta’ negozju. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jitwettqu biss fuq talba tad-debitur, ħlief għal proċedimenti ta’ rimedju, li jistgħu jinfetħu wkoll fuq talba tal-kreditur jekk id-debitur ikun insolventi.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ falliment jinfetħu kontra debitur li jkun sar insolventi (l-Artikolu 10 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Debitur ikun insolventi jekk ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu meta jkunu dovuti. Debitur jitqies li ma jkunx kapaċi jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu jekk dawn ikunu qabżu l-iskadenza bi tliet xhur. Debitur li jkun persuna ġuridika jew unità organizzattiva mingħajr personalità ġuridika li fiha l-kapaċità ġuridika tkun vestita taħt att leġiżlattiv separat huwa insolventi wkoll meta l-obbligi finanzjarji tiegħu jaqbżu l-valur tal-assi tiegħu u din is-sitwazzjoni tibqa’ għal aktar minn 24 xahar. Il-qorti tista’ tirrifjuta applikazzjoni ta’ falliment jekk ma jkunx hemm riskju fi żmien qasir li d-debitur ma jkunx jista’ jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu malli jkunu dovuti.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jistgħu jinfetħu fir-rigward ta’ debitur insolventi jew debitur f’riskju ta’ insolvenza. Debitur insolventi huwa debitur insolventi skont it-tifsira tal-Artikoli 10 u 11 tal-Att dwar il-Fallimenti. Debitur f’riskju ta’ insolvenza huwa debitur li s-sitwazzjoni ekonomika tiegħu tissuġġerixxi li jista’ jkun insolventi fi żmien qasir.

Il-qorti tirrifjuta li tiftaħ proċedimenti ta’ ristrutturar jekk dawn ikunu detrimentali għall-kredituri.

Barra minn hekk, l-Att dwar ir-Ristrutturar jistabbilixxi wkoll kundizzjonijiet speċifiċi għall-ftuħ ta’ kull tip ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar.

Il-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament u l-proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla jistgħu jitwettqu jekk pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta mhux aktar minn 15% tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq l-arranġament.

Il-proċedimenti ta’ arranġament u l-proċedimenti ta’ rimedju jistgħu jitwettqu jekk pretensjonijiet ikkontestati li jintitolaw lill-kredituri jivvutaw fuq kont ta’ arranġament li jirrappreżenta aktar minn 15% tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq l-arranġament. Barra minn hekk, il-qorti tirrifjuta li tiftaħ tali proċedimenti jekk ma jkunx hemm evidenza prima facie li d-debitur se jkun jista’ jkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw wara l-ftuħ tagħhom fuq bażi kontinwa.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Fi proċedimenti ta’ falliment il-patrimonju tal-falliment jinkludi l-assi li jappartjenu lill-parti falluta fil-jum tad-dikjarazzjoni tal-falliment kif ukoll l-assi akkwistati minn dik il-parti matul il-proċedimenti ta’ falliment (l-Artikolu 62 tal-Att dwar il-Fallimenti). L-eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma speċifikati fl-Artikoli 63-67a tal-Att dwar il-Fallimenti.

Il-patrimonju tal-falliment ma jinkludix assi esklużi mill-infurzar skont l-Att tas-17 ta’ Novembru 1964 - il-Proċedimenti tal-Kodiċi Ċivili (il-Ġurnal tal-Liġijiet 2016, il-punti 1822, 1823, 1860 u 1948), remunerazzjoni għax-xogħol tal-parti falluta fil-parti mhux soġġetta għal sekwestru, l-ammont miksub permezz tal-infurzar ta’ rahan jew ipoteka jekk il-fallut kien amministratur ta’ rahan jew ta’ ipoteka, fil-parti li taqa’, taħt il-ftehim ta’ amministrazzjoni, lil kredituri oħra.

Barra minn hekk, riżoluzzjoni tal-laqgħa tal-kredituri tista’ teskludi l-assi l-oħra tal-parti falluta mill-patrimonju tal-falliment.

Il-patrimonju tal-falliment jeskludi wkoll l-assi maħsuba biex jgħinu lill-impjegati tal-parti falluta u lill-familji tagħhom, fil-forma ta’ flus kontanti miżmuma f’kont separat ta’ fond ta’ benefiċċji soċjali tal-kumpanija stabbilit skont id-dispożizzjonijiet dwar il-fond tal-benefiċċji soċjali tal-kumpanija, flimkien ma’ ammonti li għandhom jitħallsu f’dak il-kont wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, inkluż il-ħlas lura ta’ self għal djar, il-ħlas ta’ imgħax bankarju akkumulat fir-rigward tal-flus kontanti miżmuma mill-fond u tariffa miġbura minn persuni li jużaw is-servizzi soċjali u l-benefiċċji ffinanzjati minn dak il-fond u organizzati mill-parti falluta.

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-patrimonju tal-arranġament jinkludi assi użati għall-operat tal-intrapriża u assi proprjetà tad-debitur (l-Artikoli 240, 273 u 294 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Fil-proċedimenti ta’ falliment (proċedimenti mmirati biex jillikwidaw l-assi tad-debitur) id-debitur jiġi mċaħħad mid-dritt li jimmaniġġja l-assi tiegħu. L-immaniġġjar tal-assi (il-patrimonju tal-falliment) isir ir-responsabbiltà tar-riċevitur (syndyk). Ir-riċevitur jieħu wkoll responsabbiltajiet oħra relatati mal-operat tal-intrapriża tad-debitur – imexxi l-kumpanija, jissodisfa l-obbligi ta’ rappurtar eċċ.

Id-debitur jibqa’ parteċipant fil-proċedimenti ta’ falliment u jista’ jikkontesta xi deċiżjonijiet maħruġa mill-qorti matul dawk il-proċedimenti, jiġifieri deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-esklużjoni ta’ assi mill-patrimonju tal-falliment u r-remunerazzjoni tar-riċevitur.

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar is-setgħat tad-debitur u tal-prattikant tal-insolvenza jvarjaw skont it-tip ta’ proċedimenti.

Fil-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament d-debitur jista’ jwettaq l-azzjonijiet kollha, ħlief matul il-perjodu bejn il-jum li fih tinħareġ id-deċiżjoni li tapprova l-arranġament u l-jum li fih dik id-deċiżjoni ssir finali. Matul dak il-perjodu r-regoli applikabbli jkunu l-istess bħal fil-proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla, jiġifieri d-debitur jista’ jwettaq azzjonijiet ta’ tmexxija ta’ rutina. Azzjonijiet minbarra dawk ta’ tmexxija ta’ rutina jirrikjedu l-kunsens tas-superviżur tal-arranġament.

Fil-proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla u l-proċedimenti ta’ arranġament d-debitur jista’ jwettaq azzjonijiet ta’ tmexxija ta’ rutina; imma azzjonijiet minbarra dawk ta’ tmexxija ta’ rutina jirrikjedu l-kunsens tas-superviżur tal-qorti, sakemm ma jkunux jirrikjedu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri.

Fil-proċedimenti ta’ rimedju d-debitur jiġi mċaħħad mid-dritt li jimmaniġġja u l-azzjonijiet jitwettqu mill-prattikant tal-insolvenza, sakemm ma jkunux jirrikjedu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

Fil-proċedimenti ta’ falliment il-pretensjonijiet tal-parti falluta jistgħu jkunu mpaċija mal-pretensjonjiet tal-kreditur jekk iż-żewġ pretensjonijiet kienu jeżistu fil-jum tad-dikjarazzjoni tal-falliment, anki jekk waħda minnhom ma kinitx għadha dovuta (l-Artikolu 93 tal-Att dwar il-Fallimenti).

It-tpaċija mhijiex aċċettabbli jekk il-kreditur tal-parti falluta jkun akkwista l-pretensjoni permezz ta’ assenjazzjoni jew approvazzjoni wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment jew ikun akkwistaha fit-12-il xahar qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, filwaqt li kien jaf li kien hemm raġunijiet biex jiddikjara falliment, sakemm l-akkwist ma kienx marbut mal-ħlas lura ta’ dejn li kien responsabbli għalih il-parti akkwirenti (irrispettivament minn jekk dik kinitx obbligazzjoni personali jew obbligazzjoni garantita minn proprjetà speċifika). (L-Artikolu 94 tal-Att dwar il-Fallimenti)

It-tpaċija mhijiex aċċettabbli jekk il-kreditur ikun sar id-debitur tal-parti falluta wara l-jum li fih ikun ġie ddikjarat il-falliment (l-Artikolu 95 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Il-kreditur li jkun jixtieq juża d-dritt ta’ tpaċija jippreżenta dikjarazzjoni għal dak il-għan mhux aktar tard mill-jum tal-pretensjonijiet (l-Artikolu 96 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar ir-regoli ġenerali għat-tpaċija ta’ pretensjonijiet reċiproċi huma soġġetti għal-limitazzjonijiet li ġejjin:

  • kreditur ikun sar id-debitur tad-debitur wara l-jum li fih ikunu nfetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar;
  • wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar id-debitur tad-debitur soġġett għall-proċedimenti ta’ ristrutturar ikun sar il-kreditur tiegħu permezz ta’ akkwist, b’assenjazzjoni jew approvazzjoni, ta’ pretensjoni li tkun tressqet qabel il-jum li fih ikunu infetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar.

Il-pretensjonijiet reċiproċi jistgħu jiġu paċuti jekk il-pretensjoni tkun ġiet akkwistata bħala riżultat tal-ħlas lura ta’ dejn li kienet responsabbli għalih il-parti akkwirenti (obbligazzjoni personali jew obbligazzjoni garantita fuq proprjetà speċifika) u jekk il-parti akkwirenti tkun saret responsabbli għad-dejn qabel il-jum li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla.

Kreditur li jkun jixtieq jieħu vantaġġ minn tpaċija fi proċedimenti ta’ ristrutturar jippreżenta dikjarazzjoni għal dak il-għan lid-debitur jew, jekk id-debitur ikun mċaħħad mid-dritt ta’ mmaniġġjar, lill-prattikant tal-insolvenza mhux aktar minn 30 jum wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar jew, jekk ir-raġunijiet għat-tpaċija jitressqu aktar tard, mhux aktar tard minn 30 jum wara li jkunu tressqu r-raġunijiet għat-tpaċija. Dikjarazzjoni tkun valida wkoll jekk tiġi ppreżentata lil superviżur tal-qorti (l-Artikoli 253, 273 u 297 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ falliment fuq l-obbligi tal-parti falluta jinsabu fl-Artikoli 83-118 tal-Att dwar il-Fallimenti, dwar wirt akkwistat mill-parti falluta fl-Artikoli 119-123 u fuq ir-reġim tal-proprjetà matrimonjali tal-parti falluta fl-Artikoli 124-126.

L-Artikoli 81-82 tal-Att dwar il-Fallimenti jipprojbixxu li l-assi inklużi fil-patrimonju tal-falliment jitħallsu b’rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka.

Id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt li jkun parti għalih il-individwu fallut li jipprevjenu jew ifixklu l-kisba tal-għan tal-proċedimenti ta’ falliment huma invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment. Kuntratt li jittrasferixxi s-sjieda ta’ proprjetà, pretensjoni jew dritt ieħor konkluż sabiex tiġi żgurata pretensjoni jkun validu fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment jekk ikun ġie konkluż bil-miktub f’data ċċertifikata, sakemm ma jkunx kuntratt li jistabbilixxi sigurtà finanzjarja (l-Artikolu 84 tal-Att dwar il-Fallimenti).

L-Artikoli 85 u l-Artikolu 85a jistabbilixxu regoli dettaljati dwar kuntratti ta’ qafas li jikkonċernaw operazzjonijiet finanzjarji forward / tal-futuri jew il-bejgħ ta’ titoli taħt ftehim ta’ xiri mill-ġdid.

L-obbligi finanzjarji tal-parti falluta li jkunu għadhom mhumiex dovuti isiru dovuti fil-jum li fih jiġi ddikjarat il-falliment. Fil-jum li fih jiġi ddikjarat il-falliment l-obbligi mhux finanzjarji jsiru obbligi finanzjarji u jsiru pagabbli f’dak il-jum, anki jekk il-limitu ta’ żmien għat-twettiq tagħhom ma jkunx għadu skada (l-Artikolu 91 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Pretensjoni li tirriżulta minn kuntratt konkluż mal-aċċettazzjoni ta’ offerta ppreżentata mill-parti falluta tista’ tiġi affermata mill-kreditur fil-proċedimenti ta’ falliment biss jekk id-dikjarazzjoni li taċċetta l-offerta tkun ġiet ippreżentata lill-parti falluta qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment.

Jekk fil-jum tad-dikjarazzjoni ta’ falliment l-obbligi taħt kuntratt ta’ prestazzjoni reċiproka ma jkunux twettqu b’mod sħiħ jew b’mod parzjali, ir-riċevitur jista’, bil-kunsens tal-imħallef tal-falliment (sędzia komisarz), iwettaq l-obbligi tal-parti falluta u jitlob lill-parti l-oħra biex twettaq l-obbligu reċiproku jew tirtira mill-kuntratt b’effett mill-jum tad-dikjarazzjoni ta’ falliment. Jekk fil-jum tad-dikjarazzjoni ta’ falliment il-parti falluta tkun parti f’kuntratt li ma jkunx kuntratt ta’ prestazzjoni reċiproka, ir-riċevitur jista’ jirtira minn dak il-kuntratt, sakemm ma jkunx previst mod ieħor bl-istatut.

Fuq talba ppreżentata mill-parti l-oħra f’data ċċertifikata, ir-riċevitur jiddikjara fi żmien tliet xhur jekk jirtirax mill-kuntratt jew jitlobx il-prestazzjoni tiegħu. In-nuqqas tar-riċevitur li jippreżenta dik id-dikjarazzjoni f’dak il-ħin jitqies bħala irtirar mill-kuntratt.

Il-parti l-oħra li tkun meħtieġa twettaq l-obbligu tagħha aktar kmieni tista’ tissospendi t-twettiq tal-obbligu tagħha sakemm jitwettaq jew jiġi assigurat l-obbligu reċiproku. Il-parti l-oħra ma tkunx intitolata li tagħmel dan fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehim jekk kienet taf jew kellha tkun taf dwar ir-raġunijiet biex tiddikjara l-falliment (l-Artikolu 98 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Jekk ir-riċevitur jirtira mill-kuntratt, il-parti l-oħra tkun intitolata għar-ritorn tal-obbligu mwettaq, anki jekk tifforma parti mill-patrimonju tal-falliment. Fil-proċedimenti ta’ falliment, parti tista’ titlob rimedju għall-obbligu mwettaq u t-telf imġarrab billi tippreżenta dawk il-pretensjonijiet lill-imħallef tal-falliment (l-Artikolu 99 tal-Att dwar il-Falliment).

Bejjiegħ jista’ jitlob ir-ritorn ta’ assi mobbli - inklużi titoli - mibgħuta lill-parti falluta mingħajr ma jirċievi l-prezz, jekk dak l-assi ma jkunx ġie akkwistat qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment mill-parti falluta jew minn persuna awtorizzata mill-parti falluta li tiddisponi minn dak l-assi. Barra minn hekk, id-destinatarju li jkun bagħat l-assi lill-parti falluta huwa intitolat li jirċevih lura. Il-bejjiegħ jew id-destinatarju li jkun ġie rritornat l-assi lilu jirrifondi l-ispejjeż li kellhom jinġarrbu jew li għandhom jiġġarbu u l-ħlasijiet bil-quddiem. Madankollu, ir-riċevitur jista’ jirritorna l-assi jekk iħallas jew jiżgura l-prezz pagabbli mill-parti falluta u l-ispejjeż. Ir-riċevitur huwa intitolat li jagħmel hekk fi żmien xahar minn meta jitlob li jiġi restitwit (l-Artikolu 100 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Il-ftehimiet dwar ordnijiet jew konsenji konklużi mill-parti falluta li fiha l-parti falluta kienet il-parti li tikkumissjona jew il-konsenjatur kif ukoll il-ftehimiet dwar l-immaniġġjar tat-titoli konklużi mill-parti falluta jiskadu mad-dikjarazzjoni ta’ falliment. Il-parti l-oħra tista’ tirtira mill- ftehimiet dwar ordnijiet jew konsenji konklużi mill-parti falluta li fihom l-parti falluta kienet il-parti kkummissjonata jew id-destinatarju fil-jum meta ġie ddikjarat il-falliment (l-Artikolu 102 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Kuntratt ta’ aġenzija jiskadi mill-jum meta kull parti tiddikjara falliment. Fil-każ tal-falliment tal-parti kummissjonanti l-aġent jista’, fil-proċedimenti ta’ falliment, jitlob it-telf li jkun ġarrab minħabba l-iskadenza tal-kuntratt (l-Artikolu 103 tal-Att dwar Fallimenti).

Jekk min jislef jew min jissellef jiddikjara falliment, il-ftehim tas-self għall-użu, jekk is-suġġett tiegħu jkun diġà ngħata self, jintemm fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet. Jekk is-suġġett ma jkunx għadu ngħata self, il-ftehim jiskadi (l-Artikolu 104 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Jekk kwalunkwe waħda mill-partijiet għall-ftehim ta’ self tiddikjara falliment, il-ftehim tas-self jiskadi jekk is-suġġett tas-self ma jkunx għadu ngħata self (l-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli jorbot lill-partijiet jekk is-suġġett tal-ftehim ikun sar disponibbli għall-kerrej jew il-lokatarju (l-Artikoli 106-108 tal-Att dwar il-Fallimenti). Skont deċiżjoni maħruġa mill-imħallef tal-falliment, ir-riċevitur itemm il-kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli konkluż mill-parti falluta wara avviż ta’ tliet xhur, anke jekk it-terminazzjoni ta’ dak il-ftehim mill-parti falluta ma kinitx tkun permessa (l-Artikoli 109- 110 tal-Att dwar il-Falliment).

Ftehim ta’ kreditu jiskadi mad-dikjarazzjoni ta’ falliment jekk dak li jislef ma jkunx għamel il-fondi disponibbli lill-parti falluta qabel dik id-data (l-Artikolu 111 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Id-dikjarazzjoni ta’ falliment ma taffettwax il-ftehim tal-kont bankarju tal-parti falluta, ftehim ta’ kont ta’ titoli jew ftehim ta’ kont kollettiv (l-Artikolu 112 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, mill-jum li jinfetħu sal-jum li jingħalqu jew il-jum li fih issir finali d-deċiżjoni li jitwaqqfu l-proċedimenti, id-debitur jew il-prattikant tal-insolvenza ma jkunx permess iwettaq obbligi li jirriżultaw minn pretensjonijiet li, skont il-liġi, ikunu koperti minn arranġament.

Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jistipulaw il-modifika jew it-terminazzjoni ta’ relazzjoni legali li d-debitur ikun parti għaliha jsiru nulli jekk tiġi ppreżentata talba biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar jew jekk jinfetħu tali proċedimenti.

Id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt li jkun parti għalih id-debitur li jipprevjenu jew ifixklu l-kisba tal-għan tal-proċedimenti ta’ ristrutturar isiru invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-arranġament.

L-Artikolu 250 tal-Att dwar ir-Ristrutturar jistabbilixxi regoli dettaljati dwar kuntratti ta’ qafas li jikkonċernaw operazzjonijiet finanzjarji forward / tal-futuri jew il-bejgħ ta’ titoli taħt ftehim ta’ xiri mill-ġdid.

Mill-jum li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar sal-jum li fih jingħalqu jew fil-jum meta ssir finali d-deċiżjoni li jitwaqqfu l-proċedimenti, il-lokatur ma jistax itemm, mingħajr il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri, il-ftehim ta’ kiri għall-bini jew proprjetà immobbli fejn topera l-intrapriża tad-debitur.

Ir-regoli deskritti hawn fuq għal ftehim ta’ kiri japplikaw mutatis mutandis għall-ftehimiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ fondi magħmula disponibbli lil min jissellef qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, għall-kiri, l-assigurazzjoni tal-proprjetà, il-ftehimiet ta’ kontijiet bankarji, il-ftehimiet ta’ garanzija, il-ftehimiet li jkopru liċenzji mogħtija lid-debitur u l-garanziji jew l-ittri ta’ kreditu maħruġa qabel il-jum li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ ristrutturar (l-Artikoli 256, 273 u 297 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Barra minn hekk, fil-proċedimenti ta’ rimedju l-prattikant tal-falliment jista’ jirtira minn kuntratt ta’ twettiq reċiproku li ma jkunx twettaq b’mod sħiħ jew b’mod parzjali qabel il-jum li fih jinfetħu l-proċedimenti ta’ rimedju, bil-kunsens tal-Imħallef tal-falliment, jekk it-twettiq tal-parti l-oħra ta’ dak il-kuntratt ikun indiviżibbli. Jekk it-twettiq tal-parti l-oħra tal-kuntratt ikun diviżibbli, dik id-dispożizzjoni tapplika mutatis mutandis sal-limitu li għalih il-kuntratt kellu jitwettaq mill-parti l-oħra wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju. Jekk l-prattikant tal-falliment jirtira mill-kuntratt, il-parti l-oħra tista’ titlob l-qligħ tat-twettiq magħmul wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju u qabel ma dik il-parti tkun irċeviet l-avviż ta’ rtirar, jekk dak it-twettiq ikun jifforma parti mill-assi tad-debitur. Jekk dan ikun impossibbli, il-parti l-oħra tista’ tfittex rimedju biss għat-twettiq u għat-telf li tkun ġarrbet. Dawk il-pretensjonijiet ma jkunux soġġetti għal arranġament (l-Artikolu 298 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Wara li tiġi ppreżentata applikazzjoni ta’ falliment, fuq talba tad-debitur, is-superviżur temporanju jew il-kreditur li jkun ippreżenta l-applikazzjoni ta’ falliment, il-qorti tista’ tissospendi l-proċedimenti ta’ infurzar u tħassar is-sekwestru tal-kont bankarju jekk dan ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-proċedimenti ta’ falliment (l-Artikolu 39 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, il-proċedimenti ta’ infurzar fir-rigward tal-assi inklużi fil-patrimonju tal-falliment miftuħa qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, jiġu sospiżi bil-liġi mill-jum li fih jiġi ddikjarat il-falliment. Il-proċedimenti jintemmu bil-liġi meta d-deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ falliment issir finali (l-Artikolu 146 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, il-proċedimenti tal-qorti, amministrattivi u amministrattivi tal-qorti dwar il-patrimonju tal-falliment jistgħu jinfetħu u jitwettqu biss mir-riċevitur jew kontra r-riċevitur. Kreditur ma jistax jiftaħ proċedimenti fir-rigward ta’ pretensjoni soġġetta għal preżentazzjoni (l-Artikolu 144 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, il-proċedimenti ta’ infurzar fir-rigward ta’ pretensjoni soġġetta għal arranġament b’liġi, li jkunu nbdew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, jiġu sospiżi bil-liġi mill-jum tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti. (L-Artikoli 259 u 278 tal-Att dwar ir-Ristrutturar). Fil-proċedimenti ta’ rimedju, is-sospensjoni tapplika għall-proċedimenti kollha ta’ infurzar fir-rigward tal-assi tad-debitur inklużi fil-patrimonju ta’ rimedju (l-Artikolu 312 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Fil-jum meta ssir finali d-deċiżjoni li tapprova l-arranġament, il-proċedimenti ta’ sigurtà u ta’ infurzar imwettqa kontra d-debitur sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet soġġetti għall-arranġament jiġu mitmuma bil-liġi. Il-proċedimenti sospiżi ta’ sigurtà u ta’ infurzar imwettqa kontra d-debitur sabiex jissodisfaw il-pretensjonijiet mhux soġġetti għall-arranġament jistgħu jerġgħu jinbdew fuq talba tal-kreditur (l-Artikolu 170 tal-Att dwar ir-Ristrutturar)

Il-ftuħ ta’ proċedimenti tal-arranġament, proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla jew proċedimenti ta’ rimedju ma jwaqqafx lill-kreditur milli jiftaħ proċedimenti tal-qorti, amministrattivi jew amministrattivi tal-qorti jew proċedimenti quddiem qrati ta’ arbitraġġ sabiex jafferma pretensjonijiet soġġetti għall-inklużjoni fil-lista ta’ pretensjonijiet (l-Artikoli 257, 276 u 310 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment il-qorti tissospendi proċedimenti ex officio jekk ikunu jirrigwardaw il-patrimonju tal-falliment, jiġifieri jekk ir-riżultat tagħhom ikun jista’ jaffettwa l-patrimonju tal-falliment (jikkonċernaw oġġett inkluż fil-patrimonju tal-falliment) u jkun ġie ddikjarat falliment u jekk ikun inħatar amministratur obbligatorju fi proċedimenti biex jiġi ddikjarat falliment (l-Artikolu 174(1)(4) u (5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (kodeks postępowania cywilnego)). Il-qorti titlob lir-riċevitur jew l-amministratur obbligatorju biex jieħu sehem fil-proċedimenti (l-Artikolu 174(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk il-parti falluta (debitur) tkun ir-rikorrent il-qorti terġa’ tibda ex officio il-proċedimenti sospiżi hekk kif jinħatar ir-riċevitur (amministratur obbligatorju) (l-Artikolu 180(1)(5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

Il-proċedimenti jistgħu jitressqu kontra r-riċevitur biss jekk, fi proċedimenti ta’ falliment, pretensjoni ma tkunx inkluża fil-lista ta’ pretensjonijiet wara li jkunu ġew eżawriti l-possibiltajiet preskritti fil-Kodiċi. (L-Artikolu 145 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-proċedimenti li jkunu għaddejjin fil-qorti (pendenti fil-mument tal-ftuħ tal-proċedimenti) jiġu sospiżi jekk il-proċedimenti jkunu jikkonċernaw il-patrimonju tal-arranġament (jew patrimonju ta’ rimedju) u jkun inħatar prattikant tal-insolvenza fil-proċedimenti ta’ ristrutturar jew jekk amministratur temporanju jkun inħatar fil-proċedimenti biex jinbdew il-proċedimenti ta’ rimedju u l-proċedimenti jkunu jikkonċernaw assi koperti b’titoli ta’ sigurtà (l-Artikolu 174(1)(4) u (5) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Il-qorti titlob lill-amministratur temporanju jew lill-prattikant tal-insolvenza biex jieħu sehem fil-proċedimenti (l-Artikolu 174(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

L-ammissjoni ta’ pretensjoni, ir-rinunzja ta’ pretensjoni, l-arranġament jew l-ammissjoni ta’ fatti rilevanti tal-każ mid-debitur f’dawn il-każijiet mingħajr il-kunsens tas-superviżur tal-qorti m’għandha l-ebda effett legali (l-Artikolu 258 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ falliment hija rregolata mill-Artikoli 189-213 tal-Att dwar il-Fallimenti). Il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew ammessi huma intitolati li jieħdu sehem fil-laqgħa u l-votazzjoni tal-kredituri.

L-imħallef tal-falliment, li jaġixxi ex officio jew fuq talba, jistabbilixxi l-kumitat tal-kredituri u jaħtar u jiċħad il-membri tiegħu. Il-kumitat jassisti lir-riċevitur, jikkontrolla l-azzjonijiet tiegħu, jeżamina l-istat tal-fondi li jiffurmaw il-patrimonju tal-falliment, jagħti permess għal azzjonijiet li jistgħu jitwettqu biss bil-permess mill-kumitat tal-kredituri u jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar kwistjonijiet oħra jekk jintalab jagħmel dan mill-imħallef tal-falliment jew ir-riċevitur. Il-kumitat tal-kredituri jista’ jitlob lill-parti falluta jew lir-riċevitur biex jipprovdi kjarifika u jista’ jeżamina kotba u dokumenti li jikkonċernaw il-falliment sakemm dan ma jiksirx il-kunfidenzjalità tan-negozju.

Il-permess tal-kumitat tal-kredituri huwa meħtieġ jekk l-azzjonijiet li ġejjin mir-riċevitur għandhom ikunu validi:

  1. l-immaniġġjar kontinwu tal-intrapriża mir-riċevitur jekk ikun se jdum aktar minn tliet xhur wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment;
  2. ir-rinunzja tal-bejgħ tal-intrapriża fit-totalità tagħha;
  3. il-bejgħ dirett tal-assi inklużi fil-patrimonju tal-falliment;
  4. il-kuntrattar ta’ self jew krediti u l-aggravar tal-assi tal-parti falluta bi drittijiet ta’ proprjetà limitati;
  5. l-ammissjoni, ir-rinunzja ta’ dħul f’arranġament rigward il-pretensjonijiet ikkontestati u t-tressiq ta’ tilwima quddiem qorti ta’ arbitraġġ.

Tista’ tiġi invokata eċċezzjoni meta waħda mill-azzjonijiet ta’ hawn fuq ikollha ssir immedjatament u tkun tikkonċerna valur ta’ mhux aktar minn PLN 10 000 – imbagħad ir-riċevitur, is-superviżur tal-qorti jew il-prattikant tal-insolvenza jistgħu jwettquha mingħajr permess mill-kumitat.

Barra minn hekk, ma huwa meħtieġ l-ebda permess mill-kumitat tal-kredituri għall-bejgħ ta’ assi mobbli jekk il-valur stmat tal-assi mobbli kollha inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fl-inventarju, ma jkunx ogħla minn PLN 50 000 u għall-bejgħ ta’ pretensjonijiet u drittijiet oħra, jekk il-valur nominali tal-pretensjonijiet kollha u drittijiet oħra inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fl-inventarju, ma jkunx ogħla minn PLN 50 000.

Fil-proċedimenti ta’ falliment il-kreditur jista’ jissottometti proposta ta’ arranġament.

Il-kredituri jistgħu wkoll jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ qorti tal-falliment jew imħallef tal-falliment dwar l-approvazzjoni tar-rapporti tal-kontabbiltà tar-riċevitur, deċiżjonijiet dwar il-lista ta’ pretensjonijiet, ukoll fir-rigward ta’ pretensjonijiet oħra tal-kredituri, il-pjan ta’ distribuzzjoni, ir-remunerazzjoni tar-riċevitur u d-deċiżjoni li jinbdew jew jintemmu l-proċedimenti ta’ falliment.

Il-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ ristrutturar hija rregolata mill-Artikoli 104-139 tal-Att dwar ir-Ristrutturar. Il-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu ġew inklużi f’lista approvata ta’ pretensjonijiet kif ukoll il-kredituri li jidhru fil-laqgħa tal-kredituri u jippreżentaw lill-imħallef tal-falliment it-taħrika tal-eżekuzzjoni li tikkonferma l-pretensjoni tagħhom huma intitolati li jipparteċipaw fil-laqgħa u l-votazzjoni tal-kredituri.

Fil-laqgħa tal-kredituri jista’ jintlaħaq arranġament jekk fil-laqgħa jipparteċipaw mill-inqas wieħed minn kull ħames kredituri intitolati li jivvutaw fuq arranġament.

L-imħallef tal-falliment jistabbilixxi l-kumitat tal-kredituri u jaħtar u jwarrab il-membri tiegħu ex officio jew fuq talba. Il-kumitat tal-kredituri jassisti lis-superviżur tal-qorti jew prattikant tal-insolvenza, jikkontrolla l-azzjonijiet tagħhom, jeżamina l-istat tal-fondi li jiffurmaw l-arranġament jew il-patrimonju ta’ rimedju, jagħti l-permessi għal azzjonijiet li jistgħu jsiru biss bil-permess mill-kumitat tal-kredituri u jesprimi l-opinjoni tiegħu dwar il-kwistjonijiet l-oħra jekk ikun mitlub jagħmel dan mill-imħallef tal-falliment, is-superviżur tal-qorti, il-prattikant tal-insolvenza jew id-debitur. Il-laqgħa tal-kredituri u l-membri tagħha jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-attività tad-debitur, is-superviżur tal-qorti jew prattikant tal-insolvenza lill-imħallef tal-falliment. Il-kumitat jista’ jitlob lid-debitur, is-superviżur tal-qorti jew il-prattikant tal-insolvenza biex jipprovdu kjarifika u jista’ jeżamina l-kotba u d-dokumenti tad-debitur fil-każijiet meta dan ma jkunx qed jikser il-kunfidenzjalità tan-negozju. Fil-każijiet l-oħra u fil-każ ta’ dubji l-imħallef tal-falliment jispeċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-prerogattivi tal-membri tal-kumitat tal-kredituri fir-rigward tal-eżami tal-kotba u d-dokumenti tal-intrapriża tad-debitur.

Biex ikunu validi, l-azzjonijiet li ġejjin mid-debitur jew mill-prattikant tal-insolvenza jeħtieġu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri:

  • elementi ta’ aggravar tal-arranġament jew tal-patrimonju ta’ rimedju b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka marittima sabiex tiġi żgurata pretensjoni mhux soġġetta għall-arranġament;
  • it-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġett jew dritt sabiex tiġi żgurata pretensjoni mhux soġġetta għall-arranġament;
  • elementi ta’ aggravar tal-arranġament jew tal-patrimonju ta’ rimedju ma’ drittijiet oħra;
  • krediti kontraenti jew self;
  • il-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kiri tal-intrapriża tad-debitur jew parti organizzata minnha jew ftehim ieħor simili.

(imwettqa bil-kunsens tal-kumitat tal-kredituri, l-azzjonijiet ta’ hawn fuq ma jistgħux jitqiesu bħala mhux infurzabbli fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment)

  • il-bejgħ, mid-debitur, ta’ proprjetà immobbli jew assi oħra li jiswew aktar minn PLN 500 000.

Il-kredituri jistgħu wkoll jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ qorti ta’ ristrutturar jew imħallef tal-falliment dwar l-approvazzjoni ta’ rapporti tal-kontabbiltà mill-prattikant tal-insolvenza, deċiżjonijiet dwar il-lista ta’ pretensjonijiet (arranġament u proċedimenti ta’ rimedju) u pretensjonijiet oħra tal-kredituri, ir-remunerazzjoni tas-superviżur tal-qorti jew prattikant tal-insolvenza u d-deċiżjoni li jitwaqqfu jew jintemmu l-proċedimenti ta’ falliment.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Fil-proċedimenti ta’ falliment, wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, ir-riċevitur ifassal inventarju, jistma l-patrimonju tal-falliment u jabbozza pjan ta’ likwidazzjoni. Il-pjan ta’ likwidazzjoni jiddefinixxi l-mod propost kif jinbiegħu l-assi tal-parti falluta, b’mod partikolari l-intrapriża, iż-żmien tal-bejgħ, stima tal-infiq u r-raġuni ekonomika għall-kontinwazzjoni tal-attività tan-negozju (l-Artikolu 306 tal-Att dwar il-Fallimenti). Wara li jfassal l-inventarju u r-rapport finanzjarju jew wara li jissottometti rapport ġenerali bil-miktub, ir-riċevitur jillikwida l-patrimonju tal-falliment (l-Artikolu 308 tal-Att dwar il-Fallimenti)

Wara l-likwidazzjoni, ir-riċevitur jista’ jkompli jimmaniġġja l-intrapriża tal-parti falluta jekk ikun possibbli arranġament mal-kredituri jew jekk ikun possibbli li l-intrapriża tal-parti falluta tinbiegħ kollha kemm hi jew inkella partijiet organizzati minnha (l-Artikolu 312 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, jiġifieri proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla u proċedimenti ta’ arranġament, id-debitur normalment ikompli jimmaniġġja l-intrapriża tiegħu. Skont l-Artikoli 239(1) u 295 tal-Att dwar ir-Ristrutturar, id-debitur jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt li jimmaniġġja jekk:

  1. id-debitur, intenzjonalment jew mod ieħor, jikser il-liġi permezz ta’ mmaniġġjar li jirriżulta f’detriment għall-kredituri jew il-possibbiltà ta’ dan id-detriment fil-futur;
  2. ikun ovvju li l-mod ta’ mmaniġġjar ma jiggarantix l-implimentazzjoni tal-arranġament jew ikun inħatar fiduċjarju (kurator) għad-debitur skont l-Artikolu 68(1);
  3. id-debitur ma jikkonformax mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-imħallef tal-falliment jew mis-superviżur tal-qorti, b’mod partikolari billi jonqos milli jippreżenta proposti ta’ arranġament legali fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-imħallef tal-falliment.

Fil-proċedimenti ta’ rimedju, jekk it-twettiq effettiv ta’ dawn il-proċedimenti jkun jeħtieġ il-parteċipazzjoni personali tad-debitur jew tar-rappreżentanti tiegħu u fl-istess ħin jiggarantixxu mmaniġġjar xierqa, il-qorti tista’ tippermetti lid-debitur jimmaniġġja l-intrapriża kollha jew parti minnha fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tmexxija ta’ rutina (l-Artikolu 288(3) tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Fil-proċedimenti ta’ approvazzjoni tal-arranġament id-debitur jimmaniġġja l-intrapriża tiegħu waqt il-proċedimenti kollha.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Fil-proċedimenti ta’ falliment jiġu ppreżentati il-pretensjonijiet kollha ta’ kredituri personali. Tista’ tiġi ppreżentata wkoll pretensjoni minn kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet garantita b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali, ipoteka marittima jew dħul ieħor fl-art u reġistru ta’ ipoteki jew reġistru tal-vapuri (jekk ma tiġix ippreżentata mill-kreditur tiġi inkluża fil-lista ex officio). Il-pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg jiġu inklużi fil-lista ex officio (l-Artikoli 236(1) u (2) u 237 tal-Att dwar il-Fallimenti).

L-ewwel jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment, qabel ma jitressqu l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju tal-falliment wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment – (l-Artikoli 230(2) u 343(1) u (11) tal-Att dwar il-Fallimenti), mingħajr it-tfassil ta’ pjan ta’ distribuzzjoni.

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-lista tal-pretensjonijiet tkopri l-pretensjonijiet personali fir-rigward tad-debitur li jkunu ġew ippreżentati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar (l-Artikolu 76 tal-Att dwar ir-Ristrutturar). Il-lista tal-pretensjonijiet b’mod separat tindika pretensjonijiet soġġetti għal arranġament bil-liġi u pretensjonijiet soġġetti għal arranġament bil-kunsens tal-kreditur (l-Artikolu 86 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar ma jiġux ippreżentati l-pretensjonijiet. Il-lista tal-pretensjonijiet titfassal mis-superviżur jew mill-prattikant tal-insolvenza abbażi tal-kotba tal-kontijiet tad-debitur, id-dokumenti l-oħra tiegħu, id-daħliet fir-reġistri tal-art u tal-ipoteki u reġistri oħra.

L-arranġament huwa vinkolanti għall-kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom, skont l-Att, ikunu soġġetti għal arranġament, anki jekk ma jkunux inklużi fil-lista tal-pretensjonijiet.

L-arranġament ma huwiex vinkolanti għall-kredituri li ma jkunux ġew żvelati mid-debitur u ma jkunux ipparteċipaw fil-proċedimenti (l-Artikolu 166 tal-Att dwar ir-Ristrutturar)

L-arranġament ma jistax ikopri pretensjonijiet ta’ manteniment, benefiċċji mħallsa bħala kumpens minħabba mard, inkapaċità għax-xogħol, diżabbiltà jew mewt u annwalità mogħtija bi skambju għal drittijiet taħt ftehim ta’ annwalità; il-pretensjonijiet għat-trasferiment ta’ proprjetà u għall-waqfien tal-ksur tad-drittijiet; il-pretensjonijiet li jkun responsabbli għalihom id-debitur f’konnessjoni mal-akkwist ta’ wirt wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, wara l-inklużjoni tal-wirt fl-arranġament jew il-patrimonju ta’ rimedju; il-pretensjonijiet fir-rigward tal-parti tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali ffinanzjati mill-assigurat fejn id-debitur ikun il-pagatur.

L-arranġament jeskludi wkoll il-pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg u pretensjonijiet garantiti fuq il-proprjetà tad-debitur permezz ta’ ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali jew ipoteka marittima, fil-parti li l-valur tagħhom ikun kopert mill-garanzija, sakemm il-kreditur jagħti l-kunsens tiegħu biex dawn jiġu inklużi fl-arranġament (l-Artikolu 151 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet fil-proċedimenti ta’ falliment huma stabbiliti fl-Artikolu 239-266 tal-Att dwar il-Fallimenti.

Fil-proċedimenti ta’ falliment il-kredituri huma responsabbli għall-preżentazzjoni tal-pretensjonijiet. It-talbiet iridu jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn 30 jum wara li d-deċiżjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ falliment tiġi ppubblikata fil-Qorti u fil-Gazzetta Kummerċjali (Monitor Sądowy i Gospodarczy, imbagħad fir-Reġistru Ċentrali ta’ Ristrutturar u Falliment (Centralny Rejestr Restrukturyzacji i Upadłości), l-Artikolu 51 tal-Att dwar il-Fallimenti u l-Artikolu 455 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Il-pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg m’għandhomx għalfejn jiġu ppreżentati. Il-pretensjonijiet ta’ dan it-tip jiġu inklużi fil-lista tal-pretensjonijiet ex officio (l-Artikolu 237 tal-Att dwar il-Fallimenti).

Il-kreditur jippreżenta l-pretensjoni tiegħu f’żewġ kopji bil-miktub. Il-preżentazzjoni jenħtieġ li tinkludi l-isem u l-indirizz tal-kreditur, in-numru tal-PESEL (identifikazzjoni personali) jew in-numru tal-KRS (Reġistru tal-Qorti Nazzjonali) u fin-nuqqas ta’ dawn dettalji li jagħmluha possibbli li l-kreditur jiġi identifikat b’mod ċar, jiddefinixxu l-pretensjoni flimkien mal-ħlasijiet inċidentali u l-valur tal-pretensjoni mhux monetarja, evidenza li tikkonferma l-eżistenza tal-pretensjoni (jekk il-pretensjoni tkun ġiet inkluża fil-lista tat-pretensjonijiet imfassla fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, ikun biżżejjed li jiġi invokat dak il-fatt), il-kategorija li tista’ tiġi inkluża fiha, titoli marbuta magħha u l-istatus tal-każ jekk il-pretensjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti tal-qorti, amministrattivi, amministrattivi tal-qorti jew arbitrarji tal-qorti li jkunu għadhom għaddejjin. Jekk tiġi ppreżentata pretensjoni li fir-rigward tagħha l-parti falluta ma tkunx debitur personali, is-suġġett tat-titolu għandu jiġi indikat li għandu jintuża biex tiġi ssodisfata l-pretensjoni. Jekk il-kreditur ikun sieħeb jew azzjonist fil-kumpanija falluta, huwa għandu jindika n-numru u t-tip ta’ ishma li jkollu.

Preżentazzjoni li ssir b’mod xieraq tiġi ttrasferita mill-imħallef tal-falliment lir-riċevitur, li jivverifika jekk il-pretensjonijiet ippreżentati jkunux ikkonfermati mill-kotba tal-kontabbiltà tal-parti falluta jew dokumenti oħra jew minn daħliet fir-reġistru tal-art u l-ipoteki jew reġistri oħra u jitlob lill-parti falluta tiddikjara f’limitu ta’ żmien speċifikat jekk taċċettax il-pretensjoni. Jekk it-talba ppreżentata ma tkunx ikkonfermata mill-kotba tal-kontabbiltà tal-parti falluta jew minn dokumenti oħra jew minn daħliet fir-reġistru tal-art u l-ipoteki jew reġistri oħra, ir-riċevitur jitlob lill-kreditur biex fi żmien ġimgħa jippreżenta d-dokumenti msemmija fil-preżentazzjoni tal-pretensjoni taħt piena ta’ rifjut biex tiġi ammessa l-pretensjoni. Madankollu, ir-riċevitur jista’ jqis id-dokumenti ppreżentati wara dik l-iskadenza jekk dan ma jdewwimx il-preżentazzjoni tal-lista lill-imħallef tal-falliment.

Fi żmien ġimagħtejn mit-tħabbir li l-lista tal-pretensjonijiet tkun ġiet miżjuda fil-fajl tal-proċedimenti, il-kreditur jista’ jressaq oġġezzjoni quddiem l-imħallef tal-falliment. Il-parti falluta tista’ toġġezzjona wkoll jekk l-abbozz tal-lista tal-pretensjonijiet ma jkunx konformi mat-talbiet jew id-dikjarazzjonijiet tagħha. Jekk il-parti falluta ma tkun għamlet l-ebda dikjarazzjoni għalkemm tkun intalbet tagħmel dan, hija tista’ toġġezzjona biss jekk tagħti prova li ma tkun għamlet l-ebda dikjarazzjoni għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tagħha.

L-imħallef tal-falliment jimmodifika l-lista tal-pretensjonijiet wara li ssir finali d-deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni — u jekk dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata, wara li d-deċiżjoni tal-qorti ssir finali — u japprova l-lista tal-pretensjonijiet. Jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni, huwa japprova l-lista tal-pretensjonijiet wara li jkun skada ż-żmien għall-oġġezzjonijiet. L-imħallef tal-falliment jista’ jimmodifika l-lista tal-pretensjonijiet ex officio. Jekk jinstab li l-pretensjonijiet li jkunu ineżistenti b’mod sħiħ jew b’mod parzjali jkunu ġew inklużi fil-lista tal-pretensjonijiet jew li l-pretensjonijiet meħtieġa li jkunu inklużi fil-lista ex officio ma jkunux ġew inklużi fiha, l-imħallef tal-falliment jista’ jimmodifika l-lista tal-pretensjonijiet ex officio.

Pretensjoni li ma tkunx meħtieġa li tiġi ppreżentata u li tiġi ppreżentata jew żvelata wara l-iskadenza tiġi inkluża fis-suppliment tal-lista tal-pretensjonijiet. Il-lista tal-pretensjonijiet tiġi kkoreġuta skont is-sentenzi finali. Il-bidla fl-ammont ta’ pretensjoniet li sseħħ wara li titfassal il-lista tal-pretensjonijiet titqies meta jiġi abbozzat il-pjan ta’ distribuzzjoni jew meta ssir il-votazzjoni fil-laqgħa tal-kredituri.

Wara l-għeluq jew it-twaqqif tal-proċedimenti ta’ falliment, estratt mil-lista tal-pretensjonijiet approvati mill-imħallef tal-falliment, li jindika l-pretensjoni u l-ammont riċevut minnha mill-kreditur, iservi bħala rikors ta’ eżekuzzjoni kontra l-parti falluta (dan ma japplikax għal kredituri li għalihom il-parti falluta ma kinitx debitur personali). Il-parti falluta tista’ titlob li pretensjoni li tkun inkluża fil-lista tal-pretensjonijiet tkun stabbilita bħala li ma teżistix jew teżisti fi grad iżgħar, jekk il-parti falluta ma tkunx aċċettat pretensjoni ppreżentata fil-proċedimenti ta’ falliment u l-qorti tkun għadha ma għaddietx sentenza finali dwarha. Wara li l-estratt mil-lista jiġi ddikjarat infurzabbli, il-parti falluta tista’ tressaq l-oġġezzjoni li l-pretensjoni inkluża fil-lista ta’ talbiet ma tkunx teżisti jew teżisti fi grad iżgħar, billi tressaq azzjoni biex tiddikjara r-rikors ta’ eżekuzzjoni bħala wieħed mhux infurzabbli.

Il-kwistjoni tal-abbozzar tal-lista tal-pretensjonijiet fil-proċedimenti ta’ ristrutturar hija rregolata bl-Artikoli 84 – 102 tal-Att dwar ir-Ristrutturar.

Il-lista tal-pretensjonjiet titfassal mis-superviżur jew il-prattikant tal-insolvenza abbażi tal-kotba tal-kontabbiltà tad-debitur, id-dokumenti l-oħra tiegħu, entrati fir-reġistru tal-art u l-ipoteki u reġistri oħra. Fil-proċedimenti ta’ rimedju miftuħa fuq il-bażi ta’ talba simplifikata l-lista tal-pretensjonijiet titfassal kemm jista’ jkun fuq il-bażi tal-lista tal-pretensjonijiet imfassla fil-proċedimenti ta’ ristrutturar preċedenti. Jekk proposta ta’ arranġament tkun tinvolvi li l-kredituri jiġu diviżi fi gruppi, il-lista tal-pretensjonijiet titfassal filwaqt li titqies id-diviżjoni proposta.

Il-lista tal-pretensjonijiet b’mod separat tindika pretensjonijiet soġġetti għall-arranġament bil-liġi u pretensjonijiet soġġetti għall-arranġament bil-kunsens tal-kreditur.

Fil-proċedimenti ta’ arranġament aċċellerati d-debitur jista’ joġġezzjona għall-inklużjoni ta’ pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet. Pretensjoni bħal din titqies bħala pretensjoni kkontestata. F’dan il-każ l-imħallef tal-falliment jimmodifika l-lista tal-pretensjoni u l-lista tal-pretensjonijiet ikkontestati kif xieraq.

Fil-proċedimenti ta’ arranġament u fil-proċedimenti ta’ rimedju, fi żmien ġimagħtejn minn meta titħabbar id-data għall-preżentazzjoni tal-lista tal-pretensjonijiet u l-lista tal-pretensjonijiet ikkontestati, il-parteċipanti fil-proċedimenti jistgħu jressqu oġġezzjoni għall-inklużjoni ta’ pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet quddiem l-imħallef tal-falliment. Id-debitur jista’ joġġezzjona jekk il-lista tal-pretensjonijiet ma tkunx konformi mad-dikjarazzjoni tiegħu dwar l-ammissjoni jew ir-rifjut ta’ ammissjoni ta’ pretensjoni. Jekk id-debitur ma jkun għamel l-ebda dikjarazzjoni jista’ joġġezzjona biss jekk jagħti prova li ma jkun għamel l-ebda dikjarazzjoni għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħu. Fl-istess limitu ta’ żmien, debitur jew kreditur li ma jkunx ġie inkluż fil-lista tal-pretensjonijiet jista’ joġġezzjona għax jitħalla barra mil-lista.

Oġġezzjoni magħmula wara dak il-limitu ta’ żmien jew li tkun inammissibbli għal raġunijiet oħra jew oġġezzjoni li jkun fiha nuqqasijiet mhux irrimedjati mill-parti li tkun ressqet l-oġġezzjoni jew li fir-rigward tagħha l-parti ma tkunx ħallset it-tariffa pagabbli fil-limitu ta’ żmien speċifikat tiġi miċħuda mill-imħallef tal-falliment.

L-imħallef tal-falliment jinjora dikjarazzjonijiet u evidenza mhux inklużi fl-oġġezzjoni sakemm il-parti li toġġezzjona ma tagħtix prova prima facie li ma tkunx inkludiethom fl-oġġezzjoni mingħajr ħtija tagħha stess jew dik li l-inklużjoni tard ta’ dikjarazzjonijiet u evidenza ma tkunx se ddewwem l-eżami tal-każ.

Il-fatti li jiġġustifikaw l-oġġezzjoni jistgħu jiġi ppruvati biss permezz ta’ evidenza dokumentata jew opinjoni esperta. Jekk il-pretensjoni tiġi aċċertat permezz ta’ sentenza finali tal-qorti, l-oġġezzjoni kontra l-inklużjoni tal-pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet tista’ tkun ibbażata biss fuq l-attivitajiet li jseħħu wara l-għeluq tal-litigazzjoni li tkun ngħatat fiha s-sentenza.

L-oġġezzjoni tiġi eżaminata f’sessjoni mhux pubblika fi żmien xahrejn minn meta ssir, mill-imħallef tal-falliment, id-deputat tiegħu jew imħallef maħtur. Jekk l-imħallef li jeżamina l-oġġezzjoni jiddeċiedi li tkun meħtieġa seduta ta’ smigħ, dan jinnotifika lis-superviżur tal-qorti jew lill-prattikant tal-insolvenza, id-debitur u l-kreditur li jkunu ressqu l-oġġezzjoni u l-kreditur li l-pretensjoni tiegħu tkun ġiet oġġezzjonata. In-nuqqas tagħhom li jidhru quddiem il-qorti, anki jekk iġġustifikat, ma jwaqqafx il-ħruġ ta’ deċiżjoni. L-imħallef tal-falliment, id-deputat tiegħu jew imħallef maħtur jista’ jirrinunzja t-teħid ta’ evidenza bbażata fuq opinjoni esperta jekk l-espert ikun ħareġ opinjoni fi proċedimenti oħra quddiem qorti, qorti ta’ arbitraġġ jew korp amministrattiv. F’dan il-każ id-dokumenti li jkun fihom l-opinjoni esperta huma evidenza.

Deċiżjoni li tikkonċerna s-suġġett ta’ oġġezzjoni hija miftuħa għal appell mid-debitur, is-superviżur tal-qorti jew il-prattikanti tal-insolvenza u l-kredituri.

Il-lista tal-pretensjonijiet tiġi modifikata sa fejn speċifikat fid-deċiżjoni wara li d-deċiżjoni li tikkonferma l-oġġezzjoni ssir finali. Fil-proċedimenti aċċellerati ta’ arranġament il-lista tal-pretensjonijiet tiġi approvata mill-imħallef tal-falliment fil-laqgħa tal-kredituri.

Fil-proċedimenti ta’ arranġament u ta’ rimedju, l-imħallef tal-falliment japprova l-lista tal-pretensjonijiet wara li jiskadi l-limitu ta’ żmien għall-oġġezzjonijiet jew, jekk titressaq oġġezzjoni, wara li d-deċiżjoni dwar l-oġġezzjoni ssir finali.

L-imħallef tal-falliment japprova l-lista tal-pretensjonijiet mhux affettwati minn oġġezzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx soġġetti għal deċiżjoni finali jekk is-somma tal-pretensjonijiet ikkonċernati minn dawk l-oġġezzjonijiet tkun tammonta għal mhux aktar minn 15 % tal-pretensjonijiet kollha li jintitolaw lill-kredituri biex jivvutaw fuq arranġament. Il-proċedimenti dwar dawk l-oġġezzjonijiet ma jitkomplewx mill-qorti jew mill-imħallef tal-falliment jekk ma jkunux is-suġġett ta’ deċiżjoni finali sa meta ssir il-votazzjoni fuq l-arranġament.

Jekk jinstab li l-lista tal-pretensjonijiet tkun tinkludi pretensjoni li ma tkunx eżistenti b’mod sħiħ jew b’mod parzjali jew taqa’ taħt persuna oħra minbarra dik imsemmija bħala kreditur fil-lista, l-imħallef tal-falliment jista’ jneħħi l-pretensjoni mil-lista ex officio. Id-deċiżjoni biex titneħħa l-pretensjoni mil-lista tiġi notifikata lill-kreditur li tkun tikkonċerna, id-debitur u s-superviżur tal-prattikant tal-insolvenza. Dawk il-persuni ma jistgħux jappellaw kontra d-deċiżjoni.

Is-superviżur jew il-prattikant tal-insolvenza jfassal suppliment mal-lista tal-pretensjonijiet jekk wara li jkun ippreżenta l-lista titressaq pretensjoni li ma tkunx ġiet inkluża fil-lista.

Wara r-rifjut finali li tiġi approvata arranġament jew it-twaqqif finali tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, estratt mil-lista approvata tal-pretensjonijiet li jindika l-isem tal-kreditur u l-pretensjoni tiegħu jservi bħala rikors ta’ eżekuzzjoni kontra d-debitur.

Wara l-approvazzjoni finali ta’ arranġament, estratt mil-lista approvata tal-pretensjonijiet flimkien ma’ silta minn deċiżjoni finali li tapprova l-arranġament jservi bħala rikors ta’ eżekuzzjoni kontra d-debitur u l-parti li tkun ipprovdiet it-titolu li jiggarantixxi l-implimentazzjoni tal-arranġament, jekk dokument li jikkonferma t-titolu jkun ġie ppreżentat lill-qorti, u kontra l-parti li tkun meħtieġa tagħmel ħlas addizzjonali, jekk l-arranġament ikun jistipula ħlasijiet addizzjonali bejn il-kredituri.

Id-debitur jista’ jitlob li pretensjoni li tkun inkluża fil-lista tal-pretensjonijiet tiġi stabbilita bħala li ma teżistix jew teżisti fi grad iżgħar, jekk id-debitur ikun ressaq oġġezzjoni fil-proċedimenti ta’ ristrutturar u l-qorti tkun għad trid tagħti deċiżjoni finali dwar il-pretensjoni.

Wara li l-estratt mil-lista approvata tal-pretensjonijiet jiġi ddikjarat infurzabbli, id-debitur jista’ jressaq l-oġġezzjoni li pretensjoni li tkun inkluża fil-lista tal-pretensjonijiet ma tkunx teżisti jew teżisti fi grad iżgħar billi jippreżenta azzjoni biex ir-rikors ta’ eżekuzzjoni jiġi ddikjarat mhux infurzabbli.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Fil-proċedimenti ta’ falliment ir-regoli li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-qligħ huma stabbiliti fl-Artikoli 335-351 tal-Att dwar il-Fallimenti.

L-ewwel jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedimenti imbagħad, jekk il-qligħ jippermetti, obbligazzjonijiet oħra tal-patrimonju tal-falliment bħala s-somom rilevanti jiżdiedu mal-patrimonju tal-falliment.

Il-pretensjonijiet ta’ manteniment għall-perjodu wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment jiġu ssodisfati mir-riċevitur meta dawn ikunu dovuti, sakemm jiġi abbozzat il-pjan ta’ distribuzzjoni finali, kull darba għal kull parti intitolata f’ammont mhux ogħla mill-paga minima. Il-pretensjonijiet li jifdal minn dawk il-pretensjonijiet ta’ manteniment ma jiġux issodisfati mill-patrimonju tal-falliment.

Il-pretensjonijiet li għandhom jitħallsu mill-patrimonju tal-falliment (wara li jiġu koperti l-ispejjeż kollha tal-proċedimenti, l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju tal-falliment u l-pretensjonijiet ta’ manteniment) jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin:

  1. l-ewwel kategorija - pretensjonijiet taħt xi relazzjoni ta’ impjieg għall-perjodu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment (tapplika mutatis mutandis għall-pretensjonijiet tal-Fond għall-Benefiċċji Garantiti tal-Impjegat għall-ħlas lura, barra mill-patrimonju tal-falliment, ta’ benefiċċji mħallsa lill-impjegati tal-parti tal-fallut), ħlief għal pretensjonijiet fir-rigward tar-remunerazzjoni tar-rappreżentanti tal-parti falluta jew tal-persuna li twettaq azzjonijiet relatati mal-immaniġġjar ta’ jew is-superviżjoni fuq l-intrapriżza tal-parti falluta, il-pretensjonijiet tal-bdiewa taħt kuntratti għall-provvista ta’ prodotti mill-irziezet tagħhom stess, il-pretensjonijiet ta’ manteniment u benefiċċji mħallsa bħala kumpens għall-mard, l-inkapaċità għax-xogħol, diżabbiltà jew mewt u annwalità mogħtija bi skambju għad-drittijiet taħt ftehim ta’ annwalità għall-aħħar tliet snin qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, il-pretensjonijiet fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali u l-pretensjonijiet li jkunu tressqu fi proċedimenti ta’ ristrutturar attribwibbli għall-azzjonijiet tal-prattikant tal-insolvenza jew il-pretensjonijiet attribwibbli għall-azzjonijiet tad-debitur imwettqa wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristruttrar, li ma jeħtieġux il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri jew il-kunsens tas-superviżur tal-qorti jew imwettaqa bil-kunsens tal-kumitat tal-kredituri jew il-kunsens tas-superviżur tal-qorti, jekk ikun ġie ddikjarat falliment bħala riżultat tal-eżami ta’ applikazzjoni ta’ falliment simplifikata, kif ukoll il-pretensjonijiet li jikkonċernaw krediti, self, bonds, garanziji jew ittri ta’ kreditu jew iffinanzjar ieħor stipulat fl-arranġament adottati fil-proċedimenti ta’ ristrutturar u mogħtija fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dak l-arranġament, jekk ikun ġie ddikjarat falliment bħala riżultat tal-eżami ta’ applikazzjoni ta’ falliment ippreżentata mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-kanċellazzjoni finali tal-arranġament;
  2. it-tieni kategorija - pretensjonijiet oħra, jekk ma jintlaħqux f’kategoriji oħra, b’mod partikolari taxxi u imposti pubbliċi kif ukoll pretensjonijiet oħra fir-rigward ta’ kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali;
  3. it-tielet kategorija - imgħax fuq pretensjonijiet inklużi fil-kategoriji ta’ hawn fuq, fl-ordni li fiha jitħallsu l-ammonti prinċipali kif ukoll multi tal-qorti u amministrattivi u pretensjonijiet rigward donazzjonijiet u legati;
  4. ir-raba’ kategorija - pretensjonijiet tas-sħab jew tal-azzjonisti rigward self jew att legali ieħor b’effetti simili, speċjalment il-provvista ta’ oġġetti b’imgħax fuq termini differiti lill-parti falluta li kienet kumpanija kapitali fil-ħames snin qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment.

Jekk is-somma li għandha tiġi distribwita ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-pretensjonijiet kollha, il-pretensjonijiet tal-kategorija li jmiss jiġu ssodisfati biss wara li jiġu ssodisfati bis-sħiħ it-talbiet tal-kategorija preċedenti u jekk is-somma li għandha tiġi distribwita ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-pretensjonijiet kollha ta’ kategorija partikolari, dawk il-pretensjonijiet jiġu ssodisfati proporzjonalment għall-ammont ta’ kull waħda minnhom.

Il-pretensjonijiet garantiti b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali u ipoteka marittima kif ukoll drittijiet li jiskadu skont id-dispożizzjonijiet tal-Att u l-effetti tal-iżvelar tad-drittijiet personali u pretensjonijiet li jaggravaw proprjetà immobbli, id-dritt għal użufrutt perpetwu, id-dritt tas-sjieda ta’ membru ta’ kooperattiva għall-bini residenzjali jew bastiment li jbaħħar imdaħħal fir-reġistru tat-tbaħħir, jiġu ssodisfati mis-somma miksuba permezz tal-likwidazzjoni tal-parti ggravata nieqes l-ispejjeż tal-likwidazzjoni ta’ dik il-parti u spejjeż oħra tal-proċedimenti ta’ falliment f’ammont mhux ogħla minn wieħed minn għaxra tas-somma miksuba permezz tal-likwidazzjoni; madankollu, il-parti mnaqqsa tal-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ falliment ma tistax tkun ogħla mill-parti li tikkorrispondi għall-proporzjon tal-valur tal-oġġett iggravat għall-valur tal-patrimonju totali tal-falliment. Dawk il-pretensjonijiet u drittijiet jiġu ssodisfati fl-ordni tal-prijorità tagħhom. Jekk is-somma miksuba permezz tal-likwidazzjoni tal-parti ggravata tintuża biex jiġu ssodisfati iż-żewġ pretensjonijiet garantiti minn ipoteka u d-drittijiet li jiskadu kif ukoll drittijiet u pretensjonijiet personali, il-prijorità tiddependi fuq il-mument li d-dħul ta’ ipoteka, id-dritt jew il-pretensjoni fir-reġistru tal-art u l-ipoteki jibda jkollhom effett.

Il-pretensjonijiet kollaterali koperti mit-titolu skont dispożizzjonijiet separati jiġu ssodisfati f’miżura ugwali mal-pretensjonijiet ta’ hawn fuq. Is-somma li taqa’ taħt il-kreditur l-ewwel tiġi kkalkulata u mqabbla mal-pretensjoni prinċipali, imbagħad mal-imgħax u pretensjonijiet kollaterali oħra, filwaqt li l-ispejjeż tal-proċedimenti jiġu koperti fl-aħħar.

Jekk proprjetà immobbli, dritt għal użufrutt perpetwu, dritt ta’ sjieda ta’ membru ta’ kooperattiva għal bini residenzjali jew bastiment li jbaħħar imdaħħal fir-reġistru tat-tbaħħir jinbiegħ qabel ma jissodisfa l-pretensjonijiet garantiti b’ipoteka jew b’ipoteka marittima u drittijiet oħra, inklużi drittijiet personali u pretensjonijiet li jkunu ggravaw l-oġġett mibjugħ u li jkun skada bħala riżultat tal-bejgħ, jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet ta’ manteniment kif ukoll jitħallsu benefiċċji bħala kumpens għall-mard, inkapaċità għax-xogħol, diżabbiltà jew mewt u annwalità mogħtija bi skambju għal drittijiet taħt ftehim ta’ annwalità għall-perjodu wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment u r-remunerazzjoni għax-xogħol tal-impjegati mwettaq fuq il-proprjetà immobbli, bastiment jew bini għat-tliet xhur qabel il-bejgħ iżda sa tliet darbiet l-ammont tal-paga minima biss.

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-pretensjonijiet jiġu ssodisfati skont l-arranġament approvat mill-qorti. Ir-regoli li jirregolaw il-laqgħa tal-pretensjonijiet huma stipulati fl-Artikoli 155-163 tal-Att dwar ir-Ristrutturar.

L-arranġament jista’ jipprovdi għad-diviżjoni tal-kredituri fi gruppi li jinkludu kategoriji differenti ta’ interessi, b’mod partikolari:

  • kredituri bi pretensjonijiet taħt relazzjoni ta’ impjieg li jkunu qablu li jkunu koperti mill-arranġament;
  • bdiewa bi pretensjonijiet li jikkonċernaw il-provvista ta’ prodotti mir-razzett tagħhom stess;
  • kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom huma garantiti fuq l-assi tad-debitur permezz ta’ ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali jew ipoteka marittima kif ukoll bit-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġett, pretensjoni jew dritt ieħor lill-kreditur u li jkunu qablu li jkunu koperti b’tali arranġament;
  • kredituri li jkunu sħab jew azzjonisti ta’ debitur li jkun kumpanija kapitali, li jkollhom l-ishma tal-kumpanija li jipprovdulhom mill-inqas 5% tal-voti fil-laqgħa tas-sħab jew fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti,

It-termini tar-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet tad-debitur huma l-istess għall-kredituri kollha u jekk il-votazzjoni fuq l-arranġament ssir fi gruppi ta’ kredituri, l-istess għall-kredituri inklużi fl-istess grupp, sakemm kreditur ma jaqbilx espressament għal termini inqas favorevoli.

L-applikazzjoni ta’ termini aktar favorevoli għar-ristrutturar tal-obbligazzjonijiet tad-debitur hija aċċettabbli għal kreditur li, wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ristrutturar, ikun ta jew jkun se jagħti finanzjament fil-forma ta’ kreditu, bonds, garanziji bankarji, ittri ta’ kreditu jew ibbażati fuq strument finanzjarju ieħor, meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-arranġament.

It-termini ta’ pretensjonijiet ta’ ristrutturar taħt relazzjoni ta’ impjieg ma jistgħux iċaħħdu lill-impjegati mill-paga minima.

Ir-ristrutturar japplika bl-istess mod għall-obbligi finanzjarji u mhux finanzjarji. Jekk fi żmien ġimgħa minn meta jirċievi notifika tad-data tal-laqgħa tal-kredituri b’kopja tal-proposta tal-arranġament l-kreditur ikun oġġezzjona għar-ristrutturar tal-pretensjoni tiegħu bħala pretensjoni mhux monetarja, billi jissottometti dikjarazzjoni lis-superviżur jew lill-prattikant tal-insolvenza, jew minħabba n-natura tal-pretensjoni mhux monetarja r-ristrutturar ma jkunx possibbli, dik il-pretensjoni tinbidel fi pretensjoni monetarja. Dak l-effett jinħoloq meta jinfetħu l-proċedimenti.

It-termini tar-ristrutturar tal-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 161(1)(3) jistgħu jiġu differenzjati skont il-prijorità tagħhom.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Il-proċedimenti ta’ falliment jingħalqu mill-qorti wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ distribuzzjoni finali jew meta fil-kors tal-proċedimenti l-kredituri kollha jkunu ġew issodisfati.

Fil-jum li fih issir finali d-deċiżjoni li tagħlaq il-proċedimenti ta’ falliment, il-parti falluta terġa’ tikseb id-dritt li timmaniġġja u tiddisponi mill-assi tagħha.

Wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment, kwalunkwe proċedimenti pendenti miftuħa mir-riċevitur biex jiddikjara azzjoni mwettqa mill-parti falluta invalida għad-detriment tal-kredituri jiġu mitmuma u l-pretensjonijiet reċiproċi għall-irkupru tal-ispejjeż proċedurali jiskadu. Fi proċedimenti ċivili oħra, il-parti falluta tieħu post ir-riċevitur.

Fit-30 jum wara t-tħabbir tad-deċiżjoni għall-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment, parti falluta li tkun persuna fiżika tista’ tissottometti talba għall-abbozzar ta’ pjan ta’ ħlas tal-kreditur u għall-kwittanza tad-dejn li jkun baqa’ li ma jkunx ġie ssodisfat fil-proċedimenti ta’ falliment. Il-qorti tirrifjuta t-talba jekk il-parti falluta tkun ikkawżat l-insolvenza tiegħu jew tkun żiedet b’mod sostanzjali l-iskala jew intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja u jekk:

  1. l-evidenza fil-każ tindika fatti li jkunu joffru raġunijiet biex il-parti falluta tiġi skwalifikata milli twettaq negozju bħala persuna li taħdem għal rasha jew bħala parti minn sħubija ta’ liġi ċivili u milli taġixxi bħala membru ta’ bord ta’ sorveljanza, membru ta’ kumitat tal-awditjar, rappreżentant ta’ persuna fiżika li tmexxi attività ta’ negozju fl-istess fergħa tan-negozju, ta’ kumpanija kummerċjali, intrapriża tal-istat, kooperattiva, fondazzjoni jew assoċjazzjoni jew
  2. il-parti falluta ma tkunx wettqet b’mod xieraq l-obbligi imposti fuqha fil-proċedimenti ta’ falliment jew
  3. fil-perjodu ta’ għaxar snin qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tal-falliment, il-parti falluta kienet soġġetta għal proċedimenti ta’ falliment fejn id-djun kollha jew parti minnhom kienu rilaxxati, sakemm l-insolvenza tal-parti falluta jew l-iskala tagħha ma tkunx żdiedet minkejja d-diliġenza dovuta min-naħa tal-parti falluta jew
  4. fil-perjodu ta’ għaxar snin qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tal-falliment il-pjan ta’ ħlas tal-kreditur abbozzat għall-parti falluta jkun ġie kkanċellat skont l-Artikolu 370e(1) jew (2) jew l-Artikolu 49120 jew
  5. fil-perjodu ta’ għaxar snin qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tal-falliment tkun instabet azzjoni legali mwettqa mill-parti falluta, fi proċedimenti finali, li tkun detrimentali għall-kredituri

- sakemm il-kwittanza tal-bqija tad-dejn tal-parti falluta ma tkunx ġustifikata għar-raġunijiet ta’ ekwità jew ħtieġa umanitarja.

Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-abbozzar tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur il-qorti tispeċifika sa liema grad u f’liema żmien (mhux aktar minn 36 xahar) id-debitur għandu jħallas id-djun imdaħħla fil-lista tal-pretensjonijiet u mhux imħallsa waqt proċedimenti ta’ falliment abbażi tal-pjanijiet ta’ distribuzzjoni pjanijiet u liema parti mill-obbligazzjonijiet tal-parti falluta li jirriżultaw qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment se tiġi rilaxxata wara l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur. Waqt li jkun qed jiġi implimentat il-pjan tal-ħlas tal-kreditur, ma jistgħux jinfetħu proċedimenti ta’ infurzar fir-rigward ta’ pretensjonijiet li jkunu rriżultaw qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment (ħlief pretensjonijiet li jirriżultaw mill-obbligi msemmija fl-Artikolu 370f (2) u pretensjonijiet mhux żvelati mill-parti falluta jekk il-kreditur ma jkunx ipparteċipa fil-proċedimenti), u l-parti falluta ma tista’ lanqas twettaq azzjonijiet legali li jistgħu jdgħajfu l-kapaċità tagħha li timplimenta l-pjan tal-ħlas tal-kreditur (f’każijiet eċċezzjonali l-qorti tista’, fuq talba tal-parti falluta, tagħti l-kunsens għal jew tapprova tali azzjoni legali).

Sal-aħħar ta’ April ta’ kull sena l-parti falluta trid tippreżenta rapport lill-qorti dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur għas-sena kalendarja ta’ qabel, tiżvela d-dħul iġġenerat, l-ammonti mħallsa lura u l-assi akkwistati b’valur ogħla mir-remunerazzjoni medja fix-xahar fis-settur tal-intrapriżi eskluż il-ħlas ta’ dividend fuq il-profitti fit-tielet kwart tas-sena ta’ qabel.

Fuq talba tal-parti falluta jew wara li tisma’ lill-kredituri, il-qorti tista’ temenda l-pjan tal-ħlas tal-kreditur jekk il-parti falluta ma tkunx tista’ tissodisfa l-obbligi stabbiliti f’dak il-pjan. Tista’ wkoll testendi l-perjodu għar-rifużjoni tad-djun sa mhux aktar minn 18-il xahar.

Jekk is-sitwazzjoni ekonomika tal-parti falluta titjieb b’mod sostanzjali waqt li l-pjan tal-ħlas tal-kreditur ikun qed jiġi implimentat u dak it-titjib ikun jista’ jiġi attribwit għal kawżi barra minn żieda fil-pagi jew dħul iġġenerat mill-attività kummerċjali mwettqa personalment mill-parti falluta, il-kreditur u l-parti falluta jistgħu jressqu talba biex jiġi emendat il-pjan tal-ħlas tal-kreditur. Il-qorti toħroġ deċiżjoni dwar l-emenda tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur wara li tisma’ lill-parti falluta u l-kredituri koperti mill-pjan tal-ħlas.

Il-qorti, waqt li taġixxi ex officio jew fuq talba tal-kreditur, tikkanċella l-pjan tal-ħlas tal-kreditur jekk il-parti falluta tonqos milli twettaq l-obbligi speċifikati fil-pjan tal-ħlas tal-kreditur wara li tkun semgħet il-parti falluta u l-kredituri koperti mill-pjan tal-ħlas, sakemm in-nuqqas li jitwettqu l-obbligi jkun insinifikanti jew il-kwittanza tal-bqija tad-dejn tal-parti falluta ma tkunx ġustifikata fuq il-bażi ta’ ekwità jew ħtieġa umanitarja; dan japplika mutatis mutandis jekk il-parti falluta:

  1. ma tkunx ippreżentat rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur fil-ħin;
  2. tkun naqset milli tiżvela d-dħul iġġenerat jew l-assi akkwistati fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur;
  3. tkun wettqet azzjoni legali li tista’ ddgħajjef il-kapaċità tagħha li timplimenta l-impjant tal-ħlas tal-kreditur mingħajr il-kunsens tal-qorti jew dik l-azzjoni ma tkunx ġiet approvata mill-qorti;
  4. tkun ħbiet xi assi jew tinstab, b’deċiżjoni finali, li tkun wettqet azzjoni legali għad-detriment tal-kredituri.

Jekk jiġi kkanċellat il-pjan tal-ħlas, l-obbligazzjonijiet tal-parti falluta ma jiġux rilaxxati.

Il-qorti toħroġ deċiżjoni li tikkonferma l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas u r-rilaxx tal-obbligazzjonjiet tal-parti falluta li jkunu rriżultaw qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment u ma jkunux ġew issodisfati permezz tal-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur wara li l-parti falluta tkun wettqet l-obbligi speċifikati fil-pjan tal-ħlas tal-kreditur. Il-pretensjonijiet ta’ manteniment, l-obbligazzjonijiet relatati mal-benefiċċji mħallsa bħala kumpens għall-mard, l-inkapaċità għax-xogħol, diżabbiltà jew mewt, multi pagabbli imposti mill-qorti kif ukoll l-obbligi ta’ kumpens għad-dannu u t-tbatija mġarrba, l-obbligi ta’ ħlas għal dannu supplimentari jew flus aġġudikati mill-qorti bħala miżura penali jew ta’ prova kif ukoll obbligi ta’ kumpens għad-danni li jirriżultaw minn reat li jinstab li jkun seħħ f’sentenza finali u pretensjonijiet li l-parti falluta intenzjonalment naqset milli tiżvela, jekk il-kreditur ma jkunx ħa sehem fil-proċedimenti, ma jiġux rilaxxati.

Il-bidliet fir-relazzjonijiet legali magħmula skont id-dispożizzjonijiet tal-Att jkunu vinkolanti għall-parti falluta u għall-parti l-oħra anki wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment, sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv separat ma jistipulawx mod ieħor.

Il-proċedimenti ta’ ristrutturar jingħalqu meta d-deċiżjoni tal-qorti li tapprova jew tirrifjuta li tapprova l-arranġament ssir finali. Wara, id-debitur jerġa’ jikseb id-dritt li jimmaniġġja l-assi tiegħu jekk ikun ġie mċaħħad li jagħmel dan jew jekk dan kien limitat, sakemm l-arranġament ma jistipulax mod ieħor (l-Artikolu 171 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Wara l-implimentazzjoni tal-arranġament jew wara l-infurzar tal-pretensjonijiet koperti mill-arranġament, il-qorti, fuq talba tad-debitur, is-superviżur tal-arranġament jew persuna oħra intitolata skont l-arranġament biex jimplimentaw jew jissorveljaw l-arranġament, toħroġ deċiżjoni li tikkonferma l-implimentazzjoni tal-arranġament (l-Artikolu 172 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Jekk wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ falliment kontra persuni fiżiċi li jwettqu attività ekonomika jew professjonali jiġi abbozzat pjan tal-ħlas, il-kreditur jista’ jitlob lill-qorti biex tikkanċella l-pjan tal-ħlas tal-kreditur jekk il-parti falluta tonqos milli twettaq l-obbligi speċifikati fil-pjan jew tonqos milli tippreżenta rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan fil-ħin, tonqos milli tiżvela d-dħul iġġenerat jew l-assi akkwistati fir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-pjan tal-ħlas tal-kreditur, twettaq azzjoni legali mingħajr il-kunsens tal-qorti li tista’ ddgħajjef il-kapaċità tagħha li timplimenta l-pjan tal-ħlas tal-kreditur jew dik l-azzjoni ma tkunx ġiet approvata mill-qorti, tonqos milli tiżvela l-assi tagħha jew tinstab, b’deċiżjoni finali, li tkun wettqet azzjoni legali għad-detriment tal-kredituri (l-Artikolu 370e tal-Att dwar il-Fallimenti).

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar il-kreditur jista’ jitlob lill-qorti biex tikkanċella l-arranġament jekk id-debitur ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tagħha jew ikun ovvju li l-arranġament ma jkunx se jiġi implimentat (ikun preżunt li l-arranġament mhux se jiġi implimentat jekk id-debitur jonqos milli jissodisfa l-obbligazzjonijiet approvati wara l-approvazzjoni tal-arranġament). Il-parti li tagħmel it-talba tista’ tappella kontra deċiżjoni li tirrifjuta t-talba (l-Artikolu 176 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Jekk l-arranġament jiġi kkanċellat jew jiskadi, il-kredituri eżistenti jistgħu jaffermaw il-pretensjonijiet tagħhom fl-ammonti oriġinali u s-somom imħallsa bbażati fuq l-arranġament jingħaddu magħhom. Ipoteka, rahan, rahan irreġistrat, rahan fiskali jew ipoteka marittima jassiguraw pretensjoni sal-ammont li jkun għad irid jiġi ssodisfat (l-Artikolu 177 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ falliment bażikament jinvolvu żewġ stadji, jiġifieri proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment u proċedimenti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment.

L-ewwel jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment mill-ħlas bil-quddiem magħmul mill-applikant f’ammont ekwivalenti għar-remunerazzjoni medja ta’ kull xahar fis-settur tal-intrapriżi eskluż il-ħlas ta’ dividend fuq il-profitti fit-tielet kwart tas-sena ta’ qabel kif imħabbar mill-President tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika. Jekk il-proċedimenti jinfetħu fuq talba tal-kreditur, l-ispejjeż tagħhom jitħallsu mill-parti falluta jekk jiġi ddikjarat falliment jew jekk it-talba tkun miċħuda minħabba l-insuffiċenza tal-patrimonju.

L-ispejjeż tal-proċedimenti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment jiġu koperti mill-patrimonju tal-falliment. Jekk l-assi tad-debitur insolventi ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż tal-proċedimenti jew jekk ikunu biżżejjed biex ikopru dawk l-ispejjeż biss, il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-falliment.

L-ispejjeż tal-proċedimenti ta’ ristrutturar jitħallsu mid-debitur. L-ispejjeż, pagabbli minn debitur imċaħħad mid-dritt li jimmaniġġja, jitħallsu mill-prattikant tal-insolvenza fuq talba tal-qorti jew tal-imħallef tal-falliment.

Il-parteċipanti fi proċedimenti jħallsu l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom.

L-ispejjeż tal-proċedimenti miftuħa wara oġġezzjoni għall-inklużjoni ta’ pretensjoni ta’ kreditur ieħor huma pagabbli mid-debitur lill-kreditur li jkun oġġezzjona jekk l-oġġezzjoni tkun irriżultat f’rifjut li tiġi inkluża l-pretensjoni kkontestata, sakemm id-debitur ma jkunx ikkontesta l-inklużjoni tal-pretensjoni fil-lista tal-pretensjonijiet f’dikjarazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 86(2)(9) jew ressaq oġġezzjoni.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Fil-proċedimenti ta’ falliment l-azzjonijiet legali mwettqa mill-parti falluta fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment jsiru nulli. Id-disponiment mill-parti falluta tal-wirt kollu jew parti minnu jew ta’ sehem ta’ wirt isir null wkoll, bħalma huwa d-disponiment ta’ dik il-parti ta’ sehem f’oġġett inkluż fil-wirt u l-kunsens ta’ dik il-parti għal werriet ieħor li jiddisponi minn sehem f’oġġett inkluż fil-wirt.

Taħt piena ta’ nullità, il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri huwa meħtieġ għall-azzjonijiet li ġejjin (l-Artikolu 206 tal-Att dwar il-Fallimenti):

  1. l-immaniġġjar kontinwu tal-intrapriża mir-riċevitur jekk ikun se jdum aktar minn tliet xhur wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment;
  2. ir-rinunzja tal-bejgħ tal-intrapriża fit-totalità tagħha;
  3. il-bejgħ dirett tal-assi inklużi fil-patrimonju tal-falliment;
  4. il-kuntrattar ta’ self jew krediti u l-aggravar tal-assi tal-parti falluta bi drittijiet ta’ proprjetà limitati;
  5. l-ammissjoni, ir-rinunzja ta’ dħul f’arranġament rigward il-pretensjonijiet ikkontestati u t-tressiq ta’ tilwima quddiem qorti ta’ arbitraġġ.

Tista’ tiġi invokata eċċezzjoni meta waħda mill-azzjonijiet ta’ hawn fuq ikollha ssir immedjatament u tkun tikkonċerna valur ta’ mhux aktar minn PLN 10 000, f’liema każ ir-riċevitur, is-superviżur tal-qorti jew il-prattikant tal-insolvenza jistgħu jwettquha mingħajr il-kunsens tal-kumitat.

Barra minn hekk, il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri mhuwiex meħtieġ għall-bejgħ ta’ assi mobbli jekk il-valur stmat tal-assi mobbli kollha inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fl-inventarju, ma jkunx ogħla minn PLN 50 000 u għall-bejgħ ta’ pretensjonijiet u drittijiet oħra, jekk il-valur nominali tal-pretensjonijiet u drittijiet oħra inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fl-inventarju, ma jkunx ogħla minn PLN 50 000. Dan japplika wkoll għall-kunsens għall-bejgħ ta’ pretensjonijiet u drittijiet oħra jekk il-valur nominali tal-pretensjonijiet u d-drittijiet l-oħra kollha inklużi fil-patrimonju tal-falliment, kif indikat fil-lista tal-pretensjonijiet, ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti ta’ PLN 50 000.

Daħla fir-reġistru tal-art u l-ipoteki jew reġistru ieħor li jaggrava l-assi tal-parti falluta bi dritt ta’ proprjetà limitat magħmula mingħajr il-kunsens meħtieġ skont l-Artikolu 1 hija soġġetta għal tneħħija ex officio. Il-bażi għat-tneħħija hija deċiżjoni finali mill-imħallef tal-falliment li jkun jidhirlu li l-entrata tkun inammissibbli (l-Artikolu 206(5) tal-Att dwar il-Fallimenti).

L-imħallef tal-falliment jispeċifika l-azzjonijiet li m’għandhomx jitwettqu mir-riċevitur mingħajr il-kunsens tiegħu jew mingħajr il-kunsens tal-kumitat tal-kredituri. Dan ifisser li l-imħallef tal-falliment jista’ jestendi l-katalogu tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 206 li jeħtieġu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri taħt piena ta’ nullità.

L-azzjonijiet legali li bihom il-parti falluta tiddisponi mill-assi tagħha fit-12-il xahar qabel ma tippreżenta l-applikazzjoni tal-falliment isiru nulli jekk ikunu twettqu bla ħlas jew bil-ħlas imma l-valur tat-twettiq tal-parti falluta manifestament ikun qabeż il-korrispettiv miksub minn dik il-parti jew riżervat għal dik il-parti jew għal parti terza. Din ir-regola tapplika wkoll mutatis mutandis għal soluzzjoni bil-qorti, ammissjoni għal pretensjoni u rinunzja għal pretensjoni.

Barra minn hekk, it-titolu ta’ sigurtà għal u l-ħlas lura tad-dejn mhux dovut għall-ħlas ma għandhom l-ebda effett jekk jitwettqu mill-parti falluta fis-sitt xhur qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-falliment. Madankollu, il-parti li tkun kisbet il-ħlas jew it-titolu ta’ sigurtà tista’, permezz ta’ pretensjoni jew oġġezzjoni, tfittex l-ammissjoni ta’ dawk l-azzjonijiet bħala effettivi jekk ma kinitx taf bl-eżistenza ta’ raġunijiet għal falliment fiż-żmien meta twettqu dawk l-azzjonijiet.

Ir-regoli ta’ hawn fuq ma japplikawx għal titoli ta’ sigurtà stabbiliti qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment b’konnessjoni ma’ operazzjonijiet finanzjarji forward / tal-futuri, self ta’ strumenti finanzjarji jew il-bejgħ ta’ titoli ta’ sigurtà taħt ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid imsemmi fl-Artikolu 85(1).

Fuq talba ta’ parti terza, l-imħallef tal-falliment jista’ jordna li l-prestazzjoni reċiproka ta’ dik il-persuna titreġġa’ lura mill-patrimonju tal-falliment, jekk din il-presazzjoni tkun ngħatat b’konnessjoni ma’ azzjoni legali minn dik il-parti terza u l-parti falluta fir-rigward ta’ proprjetà inkluża fil-patrimonju tal-falliment. Id- dispożizzjonijiet fuq il-prestazzjoni mhux xierqa japplikaw mutatis mutandis għal din it-tip ta’ prestazzjoni. Ir-restituzzjoni ta’ din il-prestazzjoni tista’ tiġi ordnata jekk l-azzjoni legali tkun seħħet wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment u qabel il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-falliment fir-Reġistru, filwaqt li l-parti terza li teżerċita diliġenza dovuta ma setgħetx tkun taf bid-dikjarazzjoni ta’ falliment (l-Artikolu 77 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

L-assenjazzjoni ta’ pretensjoni futura m’għandhiex effett fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment jekk dik il-pretensjoni tiġi ppreżentata wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment, sakemm il-ftehim li jassenja l-pretensjoni ma kienx ġie konkluż sa mhux aktar tard minn sitt xhur qabel il-preżentazzjoni, f’data ċċertifikata, ta’ applikazzjoni tal-falliment bil-miktub.

Azzjoni legali mwettqa bil-ħlas tiġi ddikjarata invalida fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment mill-imħallef tal-falliment ex officio jew fuq it-talba tar-riċevitur jekk tkun twettqet mill-parti falluta fis-sitt xhur qabel ma tkun ippreżentat l-applikazzjoni tal-falliment mal-konjuġi tagħha, qarib, inkluż biż-żwieġ, fil-linja diretta, qarib, inkluż biż-żwieġ, fil-linja kollaterali sat-tieni grad inklussiv, ma’ persuna f’relazzjoni attwali mal-individwu fallut, li tkun tmexxi familja miegħu jew li tkun il-ġenitur adottiv jew it-tifel / it-tifla tiegħu, sakemm il-parti l-oħra fl-azzjoni ma tagħtix prova li l-interess tal-kredituri ma tkunx ġratlu l-ħsara. Jista’ jsir appell kontra d-deċiżjoni mill-imħallef tal-falliment.

Ir-regola ta’ hawn fuq tapplika wkoll għal azzjonijiet imwettqa mill-parti falluta ma’ kumpanija li fiha tkun membru tal-bord jew l-uniku sieħeb jew azzjonist u ma’ kumpaniji li fihom il-persuni msemmija fl-ewwel paragrafu jkunu membri tal-bord jew sħab uniċi jew azzjonisti. Tapplika wkoll mutatis mutandis għal azzjonijiet imwettqa minn parti falluta li tkun kumpanija jew persuna ġuridika, jekk titwettaq mas-sħab tagħha, ir-rappreżentanti jew konjuġi tagħhom u ma’ kumpaniji affiljati, is-sħab tagħhom u r-rappreżentanti u konjuġi ta’ dawk il-persuni u għal azzjonijiet imwettqa minn parti falluta li tkun kumpanija ma’ kumpanija oħra, jekk waħda kienet il-kumpanija prinċipali jew jekk dik il-kumpanija tkun il-kumpanija prinċipali kemm tal-parti falluta u kemm tal-parti l-oħra fl-azzjoni.

Filwaqt li jaġixxi ex officio jew fuq talba tar-riċevitur, l-imħallef tal-falliment jiddikjara invalida parti speċifika tar-remunerazzjoni, li taqa’ għal perjodu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment iżda mhux aktar minn sitt xhur qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni ta’ falliment, fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment jekk ir-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq minn persuna li tirrappreżenta l-parti falluta jew impjegat li jwettaq kompiti ta’ mmaniġġjar ta’ intrapriża jew ir-remunerazzjoni ta’ persuna li tipprovdi servizzi relatati mal-immaniġġjar jew is-superviżjoni fuq l-intrapriża tal-parti falluta speċifikata f’kuntratt ta’ xogħol, kuntratt ta’ servizz jew riżoluzzjoni tal-korp maniġerjali tal-parti falluta konkluża jew mgħoddija qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, tkun manifestament ogħla mir-remunerazzjoni medja għal dan it-tip ta’ xogħol jew servizzi u ma tkunx iġġustifikata mill-ammont ta’ xogħol, anki jekk dik ir-remunerazzjoni tkun diġà tħallset.

L-imħallef tal-falliment jista’ jiddikjara invalida b’mod sħiħ jew b’mod parzjali r-remunerazzjoni tal-persuni msemmija hawn fuq għall-perjodu wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment, jekk ma tkunx iġġustifikata mill-ammont ta’ xogħol minħabba li l-immaniġġjar ikun qiegħed jieħu ħsiebu r-riċevitur.

Fuq it-talba tar-riċevitur, l-imħallef tal-falliment jiddikjara wkoll li l-azzjonijiet li ġejjin ikunu invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment:

  • li jaggravaw l-assi tal-parti falluta b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka marittima, jekk il-parti falluta ma kinitx debitur personali għall-kreditur garantit u l-aggravar ġie stabbilit fit-12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għall-falliment u ma jkun hemm sar l-ebda twettiq lill-parti falluta b’rabta mat-twaqqif tagħha;
  • li jaggravaw l-assi tal-parti falluta b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka marittima, jekk il-aggravar tal-proprjetà kien stabbilit bi tpattija għal prestazzjoni ta’ valur sproporzjonatament baxx meta mqabbel mal-valur tat-titolu ta’ sigurtà stabbilit;
  • l-aggravar ta’ hawn fuq irrispettivament mill-valur tal-prestazzjoni, jekk jagħmel tajjeb għad-dejn tal-persuni msemmija fl-Artikolu 128 tal-Att dwar il-Fallimenti (persuni qrib jew relatati mal-parti falluta), sakemm il-parti l-oħra ma tagħtix prova li ma tkunx ġrat ħsara lill-interess tal-kredituri;
  • il-pieni kuntrattwali stipulati għan-nuqqas ta’ twettiq jew twettiq mhux xieraq ta’ obbligu, jekk l-obbligu jkun twettaq fil-biċċa l-kbira mill-parti falluta jew jekk il-piena kuntrattwali tkun manifestament eżorbitanti.

L-azzjonijiet legali mwettqa mill-parti falluta għad-detriment tal-kredituri fi kwistjonijiet mhux koperti bl-Att dwar il-Fallimenti huma rregolati mutatis mutandis bid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-protezzjoni tal-kreditur kontra l-insolvenza tad-debitur.

Fil-proċedimenti ta’ ristrutturar, skont l-Artikolu 129 tal-Att dwar ir-Ristrutturar, taħt piena ta’ nullità, l-azzjonijiet li ġejjin mid-debitur jew mill-prattikant tal-insolvenza jirrikjedu l-kunsens tal-kumitat tal-kredituri:

  • elementi ta’ aggravar tal-arranġament jew patrimonju ta’ rimedju b’ipoteka, rahan, rahan irreġistrat jew ipoteka marittima sabiex tiġi żgurata pretensjoni mhux soġġetta għall-arranġament;
  • it-trasferiment tas-sjieda ta’ oġġett jew dritt sabiex tiġi żgurata pretensjoni mhux soġġetta għall-arranġament;
  • elementi ta’ aggravar tal-arranġament jew patrimonju ta’ rimedju ma’ drittijiet oħra;
  • krediti kontraenti jew self;
  • il-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kiri tal-intrapriża tad-debitur jew il-parti organizzata tagħha jew ftehim ieħor simili;

(L-azzjonijiet ta’ hawn fuq imwettqa bil-kunsens tal-kumitat tal-kredituri ma jistgħux jitqiesu bħala invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-falliment).

  • il-bejgħ, mid-debitur, ta’ proprjetà immobbli jew assi oħra li jiswew aktar minn PLN 500 000.

Id-dispożizzjonijiet ta’ kuntratt li jkun parti għalih id-debitur li jipprevjenu jew ifixklu l-kisba tal-għan tal-proċedimenti ta’ arranġament mgħaġġla jkunu invalidi fir-rigward tal-patrimonju tal-arranġament (l-Artikolu 248, l-Artikolu 273, l-Artikolu 297 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Fil-proċedimenti ta’ rimedju, l-azzjonijiet legali tad-debitur li permezz tagħhom ikun iddispona mill-assi tiegħu, jekk il-valur tat-twettiq magħmul mid-debitur ikun sostanzjalment ogħla mill-valur tat-twettiq mogħti lid-debitur jew riżervat għad-debitur jew għal parti terza, li jkun twettaq 12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ rimedju, ikunu invalidi fir-rigward tal-patrimonju ta’ rimedju. Din ir-regola tapplika wkoll mutatis mutandis għal soluzzjoni bil-qorti, ammissjoni għal pretensjoni u rinunzja għal pretensjoni.

It-titoli ta’ sigurtà fir-rigward tal-patrimonju ta’ rimedju jkunu wkoll invalidi jekk ikunu ġew stabbiliti b’rabta diretta mat-twettiq li jkun ingħata lid-debitur, stabbilit mid-debitur fit-12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ rimedju u titoli ta’ sigurtà fil-parti li , fil-jum li jkun ġie stabbilit it-titolu ta’ sigurtà, ikun aktar minn nofs ogħla mill-valur tat-twettiq garantit mogħtija lid-debitur flimkien ma’ pretensjonijiet kollaterali speċifikati fid-dokument li jiffurma l-bażi għall-istabbiliment tat-titolu ta’ sigurtà, stabbilit fit-12-il xahar qabel il-preżentazzjoni tat-talba biex jinfetħu proċedimenti ta’ rimedju (l-Artikolu 304 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Fil-proċedimenti ta’ rimedju l-imħallef tal-falliment, li jaġixxi ex officio jew fuq talba tal-prattikant tal-falliment, jiddikjara parti speċifika tar-remunerazzjoni invalida, li taqa’ għal perjodu qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment imma mhux għal aktar minn tliet xhur qabel il- preżentazzjoni tat-talba biex jinfetħu l-proċedimenti ta’ rimedju, fir-rigward tal-patrimonju ta’ rimedju jekk ir-remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq minn rappreżentant tad-debitur jew impjegat li jwettaq l-kompiti ta’ tmexxija ta’ intrapriża jew ir-remunerazzjoni ta’ persuna li tipprovdi servizzi relatati mal-immaniġġjar ta’ jew is-superviżjoni fuq l-intrapriża tad-debitur speċifikati fil-kuntratt ta’ xogħol, kuntratt ta’ servizz jew riżoluzzjoni tal-korp maniġerjali tad-debitur konkluż jew mgħoddi qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju, tkun manifestament ogħla mir-remunerazzjoni medja għal dan it-tip ta’ xogħol jew servizzi u ma tkunx ġustifikata mill-ammont ta’ xogħol, anki jekk dik ir-remunerazzjoni tkun diġà tħallset.

L-imħallef tal-falliment jista’ jiddikjara invalida b’mod sħiħ jew b’mod parzjali r-remunerazzjoni tal-persuni msemmija hawn fuq, li taqa’ għall-perjodu wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju, fir-rigward tal-patrimonju ta’ rimedju, jekk ma tkunx iġġustifikata mill-ammont ta’ xogħol minħabba li l-immaniġġjar ikun qiegħed jieħu ħsiebu l-prattikant tal-insolvenza (l-Artikolu 305 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

Il-prattikant tal-insolvenza jista’ jibda l-proċeduri biex jiddikjara azzjonijiet invalidi u proċedimenti oħra li fihom pretensjoni tkun bbażata fuq l-invalidità ta’ azzjoni.

Azzjoni ma tistax tiġi ddikjarata invalida wara li tkun għaddiet sena mill-ftuħ tal-proċedimenti ta’ rimedju, sakemm dik is-setgħa ma tkunx skadiet qabel skont il- Kodiċi Ċivili. Dak il-limitu ta’ żmien ma japplikax jekk it-talba biex tiġi ddikjarata azzjoni bħala ineffettiva tkun saret permezz ta’ oġġezzjoni.

L-azzjonijiet legali mwettqa mill-parti falluta għad-detriment tal-kredituri fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet diskussi hawn fuq jistgħu jiġu kkontestati kif inhu xieraq skont id-dispożizzjonijiet tal- Kodiċi Ċivili dwar il-protezzjoni tal-kreditur fil-konfront tal-insolvenza tad-debitur (l-Artikoli 306 – 308 tal-Att dwar ir-Ristrutturar).

L-aħħar aġġornament: 09/12/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.