Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna ir-Rumen ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Insolvenza/falliment

Rumanija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċeduri li huma stabbiliti fil-Liġi Nru 85/2014 dwar il-proċeduri ta’ prevenzjoni ta’ insolvenza u l-proċedimenti ta’ insolvenza (Legea nr. 85/2014 privind procedurile de prevenire a insolvenţei şi de insolvenţă) japplikaw għall-intraprendituri (profesionişti) kif iddefinit fl-Artikolu 3(2) tal-Kodiċi Ċivili, ħlief għal dawk li jipprattikaw professjoni liberali u dawk li l-insolvenza tagħhom hija rregolata minn regoli speċjali (l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 85/2014 dwar il-proċeduri ta’ prevenzjoni ta’ insolvenza u l-proċedimenti ta’ insolvenza).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Jekk il-proċedimenti jinfetħu fuq talba ta’ debitur, irid ikun hemm stat ta’ insolvenza fejn il-fondi disponibbli ma humiex suffiċjenti sabiex jitħallsu debiti li huma ċerti, likwidi u dovuti, u li jistgħu jammontaw għal inqas minn RON 40 000; jekk il-proċedimenti jinfetħu fuq talba ta’ kreditur, irid ikun hemm stat ta’ insolvenza fejn il-fondi disponibbli ma jkunux suffiċjenti sabiex jissodisfaw pretensjoni li hija ċerta, likwida u dovuta u li trid tammonta għal iktar minn RON 40 000 (nuqqas ta’ ħlas tad-debitu wara li jgħaddu 60 jum mid-data dovuta).

Il-proċedimenti ta’ insolvenza japplikaw ukoll għal amministrazzjonijiet awtonomi (l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 85/2014).

Il-proċedimenti ta’ insolvenza ma japplikawx għal stabbilimenti jew istituzzjonijiet edukattivi ta’ qabel l-università jew tal-università u għall-entitajiet indikati fl-Artikolu 7 tal-Ordni tal-Gvern Nru 57/2002 dwar ir-riċerka xjentifika u l-iżvilupp teknoloġiku, approvat b’emendi mil-Liġi Nru 324/2003, kif emendata u aġġornata (l-Artikolu 2(3) tal-Liġi Nru 85/2014).

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-ġid tad-debitur jikkonsisti fl-assi u d-drittijiet tal-proprjetà kollha, inklużi dawk akkwistati matul il-proċedimenti ta’ insolvenza, li jistgħu jkunu soġġetti għal irkupru eżegwit (executare silită) taħt il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (l-Artikolu 5(5) tal-Liġi Nru 85/2014).

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Wara li jinfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza, jinħatru amministratur speċjali (administrator special) u prattikant fl-insolvenza (practician în insolvență); skont it-tip ta’ proċedimenti, il-prattikant fl-insolvenza huwa amministratur maħtur mill-qorti (administrator judiciar) f’riorganizzazzjoni taħt is-superviżjoni tal-qorti, jew likwidatur maħtur mill-qorti (lichidator judiciar) fi stralċ (faliment).

Immaniġġjar speċjali

L-amministratur speċjali (administrator special) huwa persuna fiżika jew ġuridika maħtura mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti, is-soċji jew il-membri tad-debitur, li għandu s-setgħa li jirrappreżenta l-interessi tagħhom fil-proċedimenti u, jekk id-debitur jitħalla jamministra l-affarijiet tiegħu stess, iwettaq atti amministrattivi meħtieġa minflok id-debitur u f’ismu (l-Artikolu 5(4) tal-Liġi Nru 85/2014).

L-amministratur speċjali għandu d-dmirijiet li ġejjin:

a) jieħu sehem, bħala r-rappreżentant tad-debitur, fil-proċess ta’ azzjonijiet tat-tip imsemmi fl-Artikoli 117-122 jew ta’ azzjonijiet li jirriżultaw minn nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 84;

b) jippreżenta oġġezzjonijiet taħt il-proċedura rregolata mil-Liġi;

c) jipproponi pjan ta’ riorganizzazzjoni;

d) wara li jkun ġie kkonfermat pjan, u sakemm id-debitur ma jkunx ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu li jamministra l-affarijiet tiegħu, iwettaq l-affarijiet tad-debitur taħt is-superviżjoni tal-amministratur maħtur mill-qorti;

e) wara li jkunu bdew il-proċedimenti ta’ stralċ, jipparteċipa fit-teħid tal-inventarju u jiffirma r-rekord, jirċievi r-rapport finali u d-dikjarazzjoni finanzjarja, u jieħu sehem fil-laqgħa msejħa għar-riżoluzzjoni ta’ oġġezzjonijiet u l-approvazzjoni tar-rapport;

f) jirċievi notifika dwar l-għeluq tal-proċedimenti.

Jekk id-debitur ikun imċaħħad mid-dritt tiegħu li jamministra l-affarijiet tiegħu, huwa jiġi rrappreżentat mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, li jwettaq ukoll in-negozju tiegħu; il-funzjoni tal-amministratur speċjali tkun limitata għar-rappreżentazzjoni tal-interessi tal-azzjonisti, imsieħba tal-membri (l-Artikolu 56 tal-Liġi Nru 85/2014).

Amministratur maħtur mill-Qorti (administrator judiciar)

Amministratur maħtur mill-qorti jista’ jkun persuna fiżika jew persuna ġuridika (inkluż ir-rappreżentant tal-persuna ġuridika), u jrid ikun prattikant tal-insolvenza skont il-liġi. Id-dmirijiet ewlenin tal-amministratur maħtur mill-qorti huma:

a) li jirrevedi s-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur u d-dokumenti sottomessi, li jħejji rapport li jipproponi jew il-bidu ta’ proċedimenti ssimplifikati jew il-kontinwazzjoni tal-perjodu ta’ monitoraġġ bħala parti mill-proċedimenti ordinarji, u li jissottometti dak ir-rapport għall-approvazzjoni mill-imħallef delegat (judecător-sindic) fi skadenza stabbilita mill-imħallef, li ma tistax taqbeż l-20 jum mill-ħatra tal-amministratur;

b) li jirrevedi n-negozju tad-debitur u jħejji rapport bir-reqqa li jistabbilixxi l-kawżi u ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-istat ta’ insolvenza, filwaqt li jispeċifika kwalunkwe evidenza jew indikazzjonijiet preliminari potenzjali rigward il-persuni li għalihom dak l-istat jista’ jkun imputabbli u l-preżenza ta’ raġunijiet li għalihom dawn jkunu responsabbli, u jesplora kwalunkwe possibbiltà reali għar-riorganizzazzjoni tan-negozju tad-debitur jew jispjega r-raġunijiet għalfejn ir-riorganizzazzjoni ma tkunx possibbli, u li jdaħħal ir-rapport fl-atti tal-kawża fi skadenza stabbilita mill-imħallef delegat, li ma tistax taqbeż l-40 jum mill-ħatra tal-amministratur;

c) jekk id-debitur ikun naqas milli jissodisfa l-obbligu tiegħu li jipprovdi r-rekords tal-kontabbiltà tiegħu fil-limiti taż-żmien legali, li jħejji dawk ir-rekords, u jekk id-debitur ikun ipprovda r-rekords tal-kontabbiltà, li jivverifikahom, jikkoreġihom u jlestihom;

d) li jħejji pjan għar-riorganizzazzjoni tan-negozju tad-debitur, skont il-kontenut tar-rapport imsemmi fil-punt (a);

e) li jissorvelja l-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi tad-debitur;

f) li jwettaq in-negozju tad-debitur, kollu kemm hu jew parti minnu, fl-aħħar każ li josserva l-ispeċifikazzjonijiet espressi tal-imħallef delegat dwar id-dmirijiet tal-amministratur u dwar il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ ħlas mill-kont tal-assi tad-debitur;

g) li jlaqqa’, jippresjedi u jipprovdi servizzi segretarjali għal-laqgħat tal-kredituri jew tal-azzjonisti, is-sħab jew il-membri ta’ debitur li jkun persuna ġuridika;

h) li jippreżenta rikorsi għall-annullament ta’ atti jew tranżazzjonijiet frodulenti min-naħa tad-debitur li jitwettqu għad-detriment tad-drittijiet tal-kredituri, u ta’ ċerti trasferimenti ta’ assi, tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi mid-debitur u garanziji kuntrattati mid-debitur li x’aktarx jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-kredituri;

i) li jinnotifika lill-imħallef delegat, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jekk l-amministratur isib li d-debitur ma jkollu l-ebda assi jew jekk mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ispejjeż legali;

j) li jittermina ċerti kuntratti konklużi mid-debitur;

k) li jivverifika l-pretensjonijiet u, fejn applikabbli, li jagħmel oġġezzjoni għalihom, li jinnotifika lill-kredituri fejn il-pretensjonijiet ma jkunux ġew ammessi jew ġew ammessi b’mod parzjali biss, u li jħejji l-listi ta’ pretensjonijiet;

l) li jirkupra l-pretensjonijiet, li jfittex l-irkupru tal-pretensjonijiet fir-rigward tal-assi tad-debitur jew somom ta’ flus ittrasferiti mid-debitur qabel ma jkunu bdew il-proċedimenti, u li jippreżenta u jipprosegwixxi l-azzjonijiet li jfittxu l-irkupru ta’ pretensjonijiet miżmuma mid-debitur, li għal dan il-għan jista’ jinvolvi s-servizzi ta’ avukati;

m) li jikkonkludi kompromessi, li jirrilaxxa d-djun, li jirrilaxxa l-garanti, u li jirrinunzja għall-kollateral, soġġett għall-konferma mill-imħallef delegat;

n) li jinforma lill-imħallef delegat bi kwalunkwe kwistjoni li tkun teħtieġ li tiġi ddeterminata minn dan tal-aħħar;

o) li jfassal inventarju tal-assi tad-debitur;

p) li jordna l-evalwazzjoni tal-assi tad-debitur, li għandha timtela sad-data stabbilita għas-sottomissjoni tal-lista finali tal-pretensjonijiet;

q) li jibgħat avviż għall-pubblikazzjoni fil-Bullettin tal-Proċedimenti ta’ Insolvenza (BPI) fir-rigward tad-dħul tar-rapport ta’ evalwazzjoni fl-atti tal-kawża, fi żmien jumejn mid-dħul.

L-imħallef delegat jista’ b’deċiżjoni (încheiere) jagħti lill-amministratur maħtur mill-qorti dmirijiet oħra, minbarra dawk elenkati taħt il-paragrafu 1, ħlief għal dawk li bil-liġi jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-imħallef.

L-amministratur maħtur mill-qorti għandu jissottometti rapport ta’ kull xahar li jiddeskrivi kif huwa jwettaq id-dmirijiet tiegħu, inklużi dawk li jirrigwardaw il-monitoraġġ ta’ tranżazzjonijiet fuq il-bażi ta’ approvazzjoni minn qabel, fejn jiġġustifika n-nefqa mġarrba fl-amministrazzjoni tal-proċedura u kwalunkwe spiża oħra mħallsa mill-assi tad-debitur u, fejn applikabbli, jagħti dettall tal-progress bl-inventarju. Ir-rapport jinkludi informazzjoni dwar il-konformità ma’ obbligi fiskali, il-kisba u t-tiġdid tal-approvazzjoni għat-twettiq tal-attività, dokumenti mħejjija mill-awtoritajiet ta’ superviżjoni u r-rimunerazzjoni tal-amministratur maħtur mill-qorti, bi spjegazzjoni ta’ kif hija kkalkolata din ir-rimunerazzjoni (l-Artikolu 59(1) tal-Liġi Nru 85/2014).

Sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu, l-amministratur maħtur mill-qorti jista’ jinvolvi s-servizzi ta’ professjonisti bħal avukati, kontabilisti, valutaturi jew speċjalisti oħra. Ħadd ma jista’ jinħatar skont il-paragrafu (1) jekk ikun marbut b’kuntratt li jista’ jikkawża konflitt ta’ interess; f’dak il-każ, dak li jkun irid jirrikuża ruħu jew ikun jista' jiġi kkontestat fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 43 u 44 tal-Liġi Nru 134/2010 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, ippubblikata mill-ġdid, kif emendata u aġġornata (l-Artikolu 61(2)). L-amministratur maħtur mill-qorti, u kwalunkwe wieħed mill-kredituri, jistgħu jressqu oġġezzjonijiet kontra r-rapporti ta’ valutazzjoni mħejjija fil-kawża.

Likwidatur maħtur mill-qorti (lichidator judiciar)

Jekk l-imħallef delegat joħroġ ordni ta’ stralċ, huwa jaħtar likwidatur biex japplikaha. Id-dmirijiet ta’ amministratur maħtur mill-qorti jieqfu fid-data meta l-imħallef delegat jistabbilixxi d-dmirijiet tal-likwidatur. Id-dmirijiet ewlenin tal-likwidatur maħtur mill-qorti huma:

a) li jistħarreġ in-negozju tad-debitur li fir-rigward tiegħu tkun infetħet il-proċedura ssimplifikata, b’referenza għas-sitwazzjoni fattwali, u li jħejji rapport bir-reqqa dwar il-kawżi u ċ-ċirkostanzi li jkunu wasslu għall-insolvenza, filwaqt li jispeċifika għal min jista’ jkun imputabbli l-istat ta’ insolvenza u l-preżenza ta’ raġunijiet li dawn ikunu responsabbli għalihom;

b) li jmexxi n-negozju tad-debitur;

c) li jippreżenta rikorsi għall-annullament ta’ atti u tranżazzjonijiet frodulenti mwettqa mid-debitur għad-detriment tad-drittijiet tal-kredituri, u ta’ ċerti trasferimenti ta’ assi, tranżazzjonijiet kummerċjali konklużi mid-debitur u raġunijiet ta’ preferenza stabbiliti mid-debitur li x’aktarx jagħmlu ħsara lid-drittijiet tal-kredituri;

d) li japplika s-siġilli, li jfassal inventarju tal-assi u li jieħu l-azzjoni xierqa għall-preservazzjoni tagħhom;

e) li jittermina ċerti kuntratti konklużi mid-debitur;

f) li jivverifika l-pretensjonijiet u, fejn applikabbli, li jagħmel oġġezzjoni għalihom, li jinnotifika lill-kredituri meta l-pretensjonijiet ma jkunux ġew ammessi jew ikunu ġew ammessi b’mod parzjali biss, u li jħejji l-listi ta’ pretensjonijiet;

g) li jfittex l-irkupru tal-pretensjonijiet fir-rigward tal-assi tad-debitur li jirriżultaw mit-trasferiment tal-assi jew somom ta’ flus mid-debitur qabel ma jkunu bdew il-proċedimenti, li jirkupra l-pretensjonijiet, u li jippreżenta u jipprosegwi b’azzjonijiet li jfittxu l-irkupru ta’ pretensjonijiet miżmuma mid-debitur, li għal dan il-għan huwa jista’ jinvolvi s-servizzi ta’ avukati;

h) li jirċievi ħlas f’isem id-debitur u li jdaħħlu fil-kont tal-assi tad-debitur;

i) li jbigħ l-assi miżmuma mid-debitur skont din il-liġi;

j) soġġett għall-konferma mill-imħallef delegat, li jikkonkludi kompromessi, li jirrilaxxa d-djun, li jirrilaxxa l-garanti, u li jirrinunzja għall-kollateral;

k) li jinforma lill-imħallef delegat bi kwalunkwe kwistjoni li tkun teħtieġ li tiġi ddeterminata minn dan tal-aħħar; l) li jwettaq kwalunkwe dmirijiet oħra imposti b’deċiżjoni tal-imħallef delegat.

Fil-proċedura għal arranġament mal-kredituri (concordat preventiv), id-debitur jieħu sehem fil-proċedura permezz tar-rappreżentanti legali jew miftiehma tiegħu.

Id-dmirijiet tal-amministratur ta’ arranġament mal-kredituri (administrator concordatar) huma:

a) li jħejji l-lista ta’ kredituri, inkluż kredituri li l-pretensjonijiet tagħhom kienu kkontestati jew huma pendenti quddiem qorti, u l-lista ta’ kredituri li ffirmaw arranġament; fejn kreditur ikollu pretensjoni kontra debituri li jkunu responsabbli in solidum taħt il-proċedura għal arranġamenti mal-kredituri, dak il-kreditur jitniżżel fil-lista ta’ kredituri bil-valur nominali tal-pretensjoni sakemm tiġi koperta kollha;

b) li jħejji, flimkien mad-debitur, l-arranġament propost u l-komponenti tiegħu jew l-abbozz tal-pjan ta’ arranġament u rkupru;

c) li jieħu azzjoni sabiex isolvi b’mod bonarju kwalunkwe tilwima bejn id-debitur u l-kredituri jew bejn il-kredituri;

d) li japplika quddiem l-imħallef delegat għall-approvazzjoni tal-arranġament;

e) li jissorvelja t-twettiq tal-obbligi assunti mid-debitur fl-arranġament;

f) li jinforma, bħala kwistjoni ta’ urġenza, lil-laqgħa tal-kredituri li huma parti għall-arranġament dwar kwalunkwe nuqqas min-naħa tad-debitur li jissodisfa jew b’mod xieraq biex jissodisfa l-obbligi tiegħu;

g) li jħejji u jibgħat rapporti kull xahar jew kull tliet xhur lil-laqgħa tal-kredituri li huma parti għall-arranġament dwar ix-xogħol tal-amministratur tal-arranġament u n-negozju tad-debitur; ir-rapport tal-amministratur tal-arranġament għandu jinkludi wkoll l-opinjoni tal-amministratur fuq il-presenza jew l-assenza ta’ raġunijiet għat-terminazzjoni bikrija tal-arranġament;

h) li jsejjaħ il-laqgħa tal-kredituri li huma parti għall-arranġament;

i) li japplika quddiem il-qorti għall-għeluq tal-proċedura għal arranġament mal-kredituri;

j) li jwettaq kwalunkwe dmir ieħor msemmi f’dan il-kapitolu stipulat fl-arranġament mal-kredituri jew impost mill-imħallef delegat (l-Artikolu 19 tal-Liġi Nru 85/2014).

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza ma jaffettwa l-ebda dritt tal-kreditur li jinvoka tpaċija għal pretensjoni miżmuma mid-debitur fil-konfront ta’ dak il-kreditur jekk ir-rekwiżiti stabbiliti bil-liġi għat-tpaċija legali jiġu ssodisfati dakinhar tal-ftuħ tal-proċedimenti. It-tpaċija tista’ tiġi rreġistrata wkoll mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti. It-tpaċija tapplika wkoll għal pretensjonijiet reċiproċi li jirriżultaw wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Il-kuntratti li jkunu għadhom għaddejjin jibqgħu fis-seħħ meta jinfetħu l-proċedimenti. Kwalunkwe klawsola f’kuntratt li tipprevedi t-terminazzjoni, iċ-ċaħda tal-benefiċċju tat-terminu naturali tal-kuntratt, jew il-pagabilità bikrija, fuq il-bażi tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, tkun nulla u bla effett. Ir-regola li l-kuntratti li jkunu għadhom għaddejjin jibqgħu fis-seħħ, u li klawsoli għat-terminazzjoni jew it-tressiq tal-obbligi jkunu nulli u bla effett, ma hijiex applikabbli għal kuntratti finanzjarji kwalifikati jew għal tranżazzjonijiet ta’ nettjar bilaterali taħt kuntratt finanzjarju kwalifikat jew għal ftehim ta’ nettjar bilaterali.

Sabiex jiġi mmassimizzat il-valur tal-assi tad-debitur f’perjodu ta’ dekadenza ta’ tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti, l-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti jista’ jtemm kwalunkwe kuntratt, kirjiet li jkunu għadhom ma skadewx, u kwalunkwe kuntratt ieħor fit-tul sakemm dawn il-kuntratti ma jkunux twettqu bis-sħiħ jew sa ċertu punt mill-partijiet kollha involuti. Meta kuntratt jiġi hekk itterminat, il-parti l-oħra tista’ tippreżenta talba għal kumpens kontra d-debitur.

Meta fi żmien l-ewwel tliet xhur wara l-ftuħ tal-proċedimenti, kuntrattur jibgħat notifika fejn titlob lill-amministratur jew lil-likwidatur maħtur mill-qorti jittermina l-kuntratt, l-amministratur jew likwidatur irid jirrispondi fi żmien 30 jum minn meta jirċiviha, u fin-nuqqas ta’ dan, il-kuntratt jitqies itterminat u l-amministratur jew il-likwidatur ma jkunx jista’ jkompli jeżiġi t-twettiq.

Il-liġi tirregola wkoll l-istatus ta’ ċerti kuntratti partikolari, bħal dawk dwar il-provvista ta’ utilitajiet, kirjiet jew li jirregolaw ftehimiet ta’ nettjar.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Mid-data tal-komunikazzjoni tad-deċiżjoni biex jiġi approvat l-arranġament mal-kredituri, l-azzjonijiet individwali ppreżentati minn kredituri firmatarji kontra debituri, u l-perjodu ta’ dekadenza għad-dritt li japplikaw għall-eżekuzzjoni tal-pretensjonijiet tagħhom kontra d-debitur, jiġu awtomatikament sospiżi.

Ma jkun hemm l-ebda sospensjoni ta’ rati ta’ imgħax, pieni u kwalunkwe spejjeż oħra magħmula fir-rigward ta’ kredituri firmatarji, ħlief meta jkunu esprimew il-kunsens tagħhom bil-miktub għall-kuntrarju, fejn dan il-kunsens ikun indikat fl-abbozz tal-arranġament mal-kredituri.

Fl-ordni li tapprova l-arranġament mal-kredituri, l-imħallef delegat jissospendi l-proċedimenti kollha ta’ rkupru sfurzat.

Fuq talba tal-amministratur tal-arranġament, sakemm id-debitur ikun ta garanziji lill-kredituri, l-imħallef delegat jista’ jimponi fuq kredituri li mhumiex firmatarji għall-arranġament, perjodu ta’ differiment tal-iskadenza tal-pretensjoni tagħhom ta’ mhux aktar minn 18-il xahar. F’dan il-perjodu, ma jiġġarrbu l-ebda rati ta’ imgħax, pieni jew spejjeż oħra li jappartjenu għall-pretensjoni. Ir-regola dwar id-differiment tal-iskadenza tal-pretensjoni mhijiex applikabbli għal kuntratti finanzjarji kwalifikati u tranżazzjonijiet ta’ nettjar bilaterali taħt kuntratt finanzjarju kwalifikat jew ftehim ta’ nettjar bilaterali.

L-arranġament mal-kredituri jkun effettiv fil-konfront ta’ kredituri tal-baġit pubbliku (creditori bugetari) soġġett għall-konformità mad-dispożizzjonijiet legali dwar l-għajnuna mill-Istat fil-liġi domestika u Ewropea.

Matul arranġament approvat mal-kredituri, ma jistgħux jinfetħu proċedimenti ta’ insolvenza kontra d-debitur.

Kull kreditur li jikseb titolu infurzabbli kontra d-debitur matul il-proċediment, jista’ japplika biex jingħaqad fl-arranġament, jew jista’ jirkupra l-pretensjoni tiegħu b’kull mezz ieħor stipulat mil-liġi.

L-azzjonijiet kollha tal-qorti u barra mill-qorti, u kwalunkwe miżura għall-irkupru sfurzat ta’ talbiet kontra l-assi tad-debitur, jiġu awtomatikament sospiżi mill-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. Id-drittijiet tagħhom jistgħu jiġu eżerċitati biss fi ħdan il-proċedimenti ta’ insolvenza, billi japplikaw għall-ammissjoni tal-pretensjonijiet tagħhom. Il-ftuħ tal-proċedura jissospendi kwalunkwe perjodu ta’ dekadenza biex jiġu ppreżentati l-azzjonijiet.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

L-azzjonijiet kollha tal-qorti u barra mill-qorti, u kwalunkwe miżura għall-irkupru sfurzat ta’ talbiet kontra l-assi tad-debitur, jiġu awtomatikament sospiżi mill-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Dawn li ġejjin mhumiex soġġetti għal sospensjoni:

a) appelli ppreżentati mid-debitur kontra azzjonijiet mibdija minn kreditur jew kredituri qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, u kawżi ċivili magħquda ma’ prosekuzzjonijiet kriminali (acţiunile civile din procesele penale) kontra d-debitur;

b) azzjonijiet tal-qorti ppreżentati kontra l-kodebituri u / jew garanti minn partijiet terzi;

c) proċedimenti barra l-qorti pendenti quddiem kummissjonijiet sportivi fi ħdan federazzjonijiet sportivi li joperaw taħt il-Liġi Nru 69/2000 dwar l-edukazzjoni fiżika u l-isport (Legea educaţiei fizice şi sportului nr. 69/2000), kif sussegwentement emendata aġġornata, dwar l-irtirar unilaterali ta’ plejers minn kuntratti ta’ impjieg individwali jew ftehim ċivili u pieni sportivi applikabbli għal sitwazzjonijiet bħal dawn, u kwalunkwe tilwimiet oħra dwar id-dritt tal-plejers li jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet.

d) azzjonijiet tal-qorti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u/jew l-ammont ta’ pretensjonijiet kontra d-debitur li jirriżultaw wara d-data tal-ftuħ tal-proċedimenti. Għal tali pretensjonijiet, waqt il-perjodu ta’ osservazzjoni jew riorganizzazzjoni, talba għal ħlas tista’ ssir u tintbagħat b’avviż tal-wasla. Din it-talba tiġi analizzata mill-amministratur maħtur mill-qorti fi żmien 15-il jum mill-wasla, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106(1), li japplika kif meħtieġ, mingħajr l-inklużjoni ta’ dawn il-pretensjonijiet fil-lista ta’ pretensjonijiet.

Miżuri ordnati mill-amministratur maħtur mill-qorti huma soġġetti għal appell.

Għandu jiġi nnutat li din is-sospensjoni tal-azzjonijiet tapplika biss għal kawżi li jinvolvu pretensjonijiet kontra l-assi tad-debitur, u mhux għal dawk li jirrigwardaw drittijiet u obbligi mhux patrimonjali, li jkomplu fil-qorti invokata.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Issir laqgħa tal-kredituri kollha tad-debitur insolventi.

Il-laqgħa tal-kredituri (adunarea creditorilor) tissejjaħ u tiġi ppreseduta mill-amministratur jew il-likwidatur maħtur mill-qorti. Il-kredituri magħrufa jissejħu mill-amministratur jew likwidatur fil-każijiet espressament stipulati mil-liġi kull meta jkun meħtieġ.

Il-kredituri jitlaqqgħu b’avviż ippubblikat fil-Bullettin tal-Proċedimenti ta’ Insolvenza mill-inqas ħamest ijiem qabel il-laqgħa li għandu jkun fih l-aġenda tal-laqgħa. Il-kredituri jistgħu jkunu rappreżentati fil-laqgħa minn aġenti li jkollhom prokura speċifika u awtentika jew, għal kredituri tal-baġit pubbliku u persuni ġuridiċi oħra, att delegat iffirmat mill-kap ta’ unità. Ħlief meta espressament ipprojbit bil-liġi, il-kredituri jistgħu wkoll jivvutaw permezz ta’ korrispondenza.

Ħlief meta l-liġi tkun tirrekjedi maġġoranza speċjali, il-laqgħa tal-kredituri tista’ taġixxi b’mod validu sakemm jattendu għaliha d-detenturi ta’ pretensjonijiet li jammontaw għal mill-inqas 30 % tal-valur totali tal-pretensjonijiet bid-dritt tal-vot fir-rigward tal-assi tad-debitur, u d-deċiżjonijiet tal-laqgħa jiġu adottati b’vot favorevoli espressament mitfugħ mill-maġġoranza, skont il-valur tal-pretensjoni, tad-detenturi tal-pretensjoni preżenti bid-dritt tal-vot. Vot soġġett għal kundizzjonijiet jitqies bħala vot negattiv. Il-kredituri li jitfgħu l-voti validi permezz ta’ korrispondenza wkoll jitqiesu li jkunu preżenti.

Wara li titlaqqa’ l-ewwel laqgħa, l-imħallef delegat u mbagħad il-kredituri jistgħu jaħtru kumitat li jkun magħmul, skont in-numru ta’ kredituri, minn tlieta jew ħames kredituri minn fost dawk bid-dritt li jivvutaw, bi pretensjonijiet ta’ preferenza, pretensjonijiet baġitarji u pretensjonijiet mhux garantiti skont l-ordni tal-valur. Il-kumitat tal-kredituri (comitetul creditorilor) ikollu t-termini ta’ referenza li ġejjin:

a) li jirrevedi s-sitwazzjoni tad-debitur u li joħroġ rakkomandazzjonijiet għal-laqgħa tal-kredituri fir-rigward tal-kontinwazzjoni tan-negozju tad-debitur u l-pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni proposti;

b) li jinnegozja t-termini tal-ħatra mal-amministratur jew likwidatur li l-kredituri jkunu jixtiequ jaraw maħtura mill-qorti;

c) li jieħu nota tar-rapporti mħejjija mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, li jirrevedihom u, fejn applikabbli, li jippreżenta oġġezzjonijiet dwarhom;

d) li jħejji rapporti li għandhom jiġu ppreżentati fil-laqgħa tal-kredituri fir-rigward tal-miżuri meħuda mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti u l-effetti tagħhom, u li jipproponu miżuri oħra, filwaqt li jagħti r-raġunijiet għal dan;

e) li jitlob it-tneħħija tad-dritt tad-debitur li jamministra l-affarijiet tiegħu;

f) li jippreżenta rikorsi legali għall-annullament ta’ ċerti atti jew tranżazzjonijiet frodulenti mwettqa mid-debitur għad-detriment tal-kredituri meta dawn l-azzjonijiet legali ma jkunux ġew imressqa mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Skont is-sitwazzjoni speċifika tad-debitur u jekk id-debitur ikunx imċaħħad mid-dritt tiegħu li jamministra l-affarijiet tiegħu jew le, il-prattikant tal-insolvenza jkollu d-dmirijiet li ġejjin.

Amministratur maħtur mill-qorti jissorvelja l-operazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-assi tad-debitur. Huwa jmexxi n-negozju tad-debitur, kollu jew parti minnu, f’dan l-aħħar każ billi josserva l-ispeċifikazzjonijiet espressi tal-imħallef delegat dwar id-dmirijiet tal-amministratur u dwar il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni ta’ ħlas mill-kont tal-assi tad-debitur.

Huwa jirkupra l-pretensjonijiet, jikkonkludi l-kompromessi, ifassal l-inventarju, u jbigħ l-assi li jappartjenu lid-debitur.

Id-debitur jista’ juża l-assi biss fejn ikun żamm id-dritt tiegħu li jamministra l-affarijiet tiegħu u fil-limiti tan-negozju attwali tiegħu; dan huwa sorveljat u kkontrollat mill-amministratur maħtur mill-qorti.

Wara li jkunu bdew proċedimenti ta’ stralċ, likwidatur maħtur mill-qorti jamministra n-negozju tad-debitur, itemm il-kuntratti, jirkupra l-pretensjonijiet, ibigħ l-assi, jikkonkludi l-kompromessi, jirċievi ħlasijiet f’isem id-debitur eċċ. Fi stralċ, il-likwidatur maħtur mill-qorti biss jista’ jiddisponi mill-assi tad-debitur.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom jkunu datati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, bl-eċċezzjoni ta’ impjegati, li l-pretensjonijiet tagħhom jkunu rreġistrati mill-amministratur maħtur mill-qorti fuq il-bażi tar-rekords tal-kontabbiltà, għandhom jippreżentaw rikors għall-ammissjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fi skadenza stabbilita fl-ordni li tiftaħ il-proċedimenti, u li jinkludu d-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa. Il-pretensjonijiet kollha sottomessi għall-ammissjoni u r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-qorti jiġu preżunti bħala validi u eżatti jekk ma jiġux ikkontestati mid-debitur, mill-amministratur maħtur mill-qorti jew mill-kredituri. Il-pretensjonijiet inklużi fil-lista ta’ pretensjonijiet jitħallsu bħala parti mill-proċedimenti ta’ insolvenza fl-ordni ta’ distribuzzjoni stabbilita bil-liġi.

Il-pretensjonijiet li jirriżultaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti, fil-perjodu ta’ osservazzjoni jew fil-kors ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarji, jitħallsu skont id-dokumenti li jissostanzjawhom u m’għandhomx għalfejn jiġu inklużi fil-patrimonju tal-insolvenza. Din ir-regola tapplika wkoll għal pretensjonijiet li joħorġu wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ stralċ.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Ħlief għall-impjegati, li l-pretensjonijiet tagħhom jkunu rreġistrati mill-amministratur maħtur mill-qorti fuq il-bażi tar-rekords tal-kontabbiltà, il-kredituri kollha li l-pretensjonijiet tagħhom ikunu datati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti għandhom jippreżentaw rikors għall-ammissjoni tal-pretensjonijiet tagħhom fi skadenza stabbilita fl-ordni li tiftaħ il-proċedimenti. Ir-rikors irid jinkludi: l-isem tal-kreditur u l-indirizz tad-dar jew l-uffiċċju rreġistrat, l-ammont dovut, ir-raġunijiet tal-pretensjoni u dettalji ta’ kwalunkwe raġuni potenzjali għal klassifikazzjoni preferenzjali. Id-dokumenti li jappoġġaw il-pretensjoni u kwalunkwe raġuni għal klassifikazzjoni preferenzjali għandhom jiġu mehmuża mar-rikors mhux aktar tard mill-iskadenza stabbilita għas-sottomissjoni tar-rikors innifsu.

Ir-rikors għall-ammissjoni ta’ pretensjoni irid jiġi ppreżentat anki jekk il-pretensjoni ma tintweriex b’titolu eżegwibbli. Il-pretensjonijiet li fid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti jkunu għadhom mhumiex dovuti jew li jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet jiġu ammessi għall-inklużjoni fil-proprjetà tal-insolvenza.

Meta jsir rikors għall-ammissjoni ta’ pretensjoni li tkun qed titressaq minn parti leża f’kawża ċivili magħquda ma’ prosekuzzjoni kriminali, il-pretensjoni tiġi rreġistrata, soġġetta għal sospensjoni sakemm ikun hemm riżoluzzjoni finali tar-rikors favur il-parti leża.

Il-pretensjonijiet li jikkwalifikaw għal trattament preferenzjali jiġu inklużi fil-lista finali sal-valur tas-suq tal-garanzija, li tiġi stabbilita permezz ta’ valutazzjoni ordnata mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti u mwettqa minn stimatur (evaluator).

Il-pretensjonijiet kollha jiġu soġġetti għal proċedura ta’ verifika, ħlief il-pretensjonijiet ikkonfermati f’sentenzi eżegwibbli u deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ eżegwibbli; il-proċedura lanqas tkopri pretensjonijiet ta’ baġit pubbliku li jirriżultaw minn titlu eżekuttiv li ma kienx ikkontestat fit-termini stabbiliti mil-liġijiet speċifiċi.

L-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti jħejji lista preliminari ta’ pretensjonijiet, li tista’ tiġi kkontestata quddiem l-imħallef delegat minn kwalunkwe parti interessata, debitur jew kreditur. Ħlief meta l-ftuħ tal-proċedimenti jkun ġie nnotifikat bi ksur tar-regoli tat-taħrik u l-avviż tal-atti proċedurali, id-detentur ta’ pretensjoni li tiġi ppreżentata qabel il-ftuħ tal-proċedimenti li jonqos milli jissottometti rikors għall-ammissjoni tal-pretensjoni sal-limitu ta’ żmien stabbilit (il-limitu ta’ żmien jiġi indikat fl-avviż u mhux aktar minn 45 jum mill-ftuħ tal-proċedimenti) jitlef id-dritt li jiġi inkluż fil-lista tal-kredituri u ma jakkwistax il-pożizzjoni ta’ kreditur intitolat li jieħu sehem fil-proċedimenti fir-rigward ta’ dik il-pretensjoni. Il-kreditur ma jkunx intitolat li jeżegwixxi l-pretensjoni kontra d-debitur, jew kontra kwalunkwe membru jew soċju f’entità legali li jkollha responsabbiltà illimitata, wara li l-proċedimenti jkunu ngħalqu, ħlief jekk id-debitur ikun ħati ta’ falliment kriminali (bancrută simplă) jew falliment frodulenti (bancrută frauduloasă) jew ikun miżmum responsabbli għal ħlas jew trasferimenti frodulenti. It-telf tal-intitolament ikun ikkonfermat mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, li ma jdaħħalx lill-kreditur fil-lista tal-kredituri.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Il-fondi miksuba mill-bejgħ tal-assi u d-drittijiet mill-proprjetà tad-debitur li jkunu garantiti favur il-kreditur fuq bażi preferenzjali jiġu distribwiti fl-ordni li ġejja:

  1. tariffi, taxxi tal-boll u kwalunkwe nefqa oħra li tirriżulta mill-bejgħ tal-assi kkonċernati, inklużi spejjeż meħtieġa għall-konservazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ dawk l-assi, spejjeż imġarrba mill-kreditur taħt il-proċedura ta’ rkupru sfurzat, pretensjonijiet ta’ fornituri ta’ utilitajiet li jiġu ppreżentati wara l-ftuħ tal-proċedura, u rimunerazzjoni dovuta lil persuni impjegati fl-interess komuni tal-kredituri kollha fid-data tad-distribuzzjoni, li jitħallsu fuq bażi pro rata fi proporzjon mal-valur tal-assi kollha tad-debitur;
  2. pretensjonijiet ta’ kredituri li jgawdu preferenza li jirriżultaw matul il-proċedimenti ta’ insolvenza; dawn il-pretensjonijiet jinkludu l-kapital, l-imgħax u aċċessorji oħra, fejn applikabbli;
  3. pretensjonijiet ta’ kredituri li jgawdu preferenza, inkluż il-kapital kollu, imgħax, u żidiet u pieni ta’ kull tip.

Jekk is-somom miksuba mill-bejgħ ta’ dawn l-assi ma jkunux biżżejjed għall-ħlas sħiħ tal-pretensjonijiet ikkonċernati, il-kredituri jkollhom pretensjoni tal-baġit mhux garantita jew pubblika, skont il-każ, għad-differenza, li tiġi kklassifikata mal-pretensjonijiet l-oħra fil-kategorija xierqa. Jekk, wara l-ħlas tas-somom imsemmija qabel, jibqa’ bilanċ favorevoli, dan jiġi ddepożitat minn likwidatur maħtur mill-qorti fil-kont tal-patrimonju tad-debitur. Il-pretensjonijiet fi stralċ jitħallsu fl-ordni li ġejja:

1.  tariffi, taxxi tal-boll u kwalunkwe nefqa oħra li tirriżulta minn proċedimenti taħt l-istess titolu tal-Liġi, inklużi spejjeż meħtieġa għall-konservazzjoni u l-amministrazzjoni tal-assi tad-debitur, għat-tkomplija tan-negozju, u għall-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-persuni impjegati għall-finijiet tal-proċedimenti;

2. pretensjonijiet li jirriżultaw minn finanzjament mogħti matul il-proċedimenti;

3. pretensjonijiet li jirriżultaw minn relazzjonijiet ta’ impjieg;

4. pretensjonijiet li jirriżultaw mill-kontinwazzjoni tan-negozju tad-debitur wara l-ftuħ ta’ proċedimenti, pretensjonijiet dovuti lil kokuntratturi u lil akkwirenti terzi bona fide jew sottoakkwirenti li jirritornaw l-assi tagħhom jew il-valur tagħhom lill-patrimonju tad-debitur;

5. pretensjonijiet baġitarji;

6. pretensjonijiet għal somom dovuti minn debitur lil partijiet terzi fuq il-bażi ta’ obbligi ta’ manteniment, benefiċċji għal tfal minuri jew il-ħlas ta’ somom regolari bħala mezz ta’ sussistenza;

7. pretensjonijiet għal somom determinati mill-imħallef delegat biex isostnu lid-debitur u lill-familja tiegħu, jekk id-debitur ikun persuna fiżika;

8. pretensjonijiet li jirriżultaw minn self bankarju, bl-ispejjeż u l-imgħax relatati, pretensjonijiet li jirriżultaw minn provvisti ta’ oġġetti, provvista ta’ servizzi jew xogħol ieħor, pretensjonijiet minn kirjiet, u pretensjonijiet relatati ma’ lokazzjonijiet, inklużi bonds;

9. pretensjonijiet oħra mhux garantiti;

10. pretensjonijiet subordinati, fl-ordni ta’ preferenza li ġejja:

a) pretensjonijiet li jirriżultaw mill-assi ta’ partijiet terzi li jkunu akkwistaw oġġetti mid-debitur b’mala fede, pretensjonijiet ta’ sottoakkwirenti b’mala fede wara l-ammissjoni ta’ rikorsi għall-annullament, u self mogħti lil debitur li jkun persuna ġuridika minn soċju jew azzjonist li jkollu mill-inqas 10 % tal-kapital azzjonarju jew tad-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali jew, fejn applikabbli , minn membru ta’ grupp ta’ interess ekonomiku (grupu de interes economic);

b) pretensjonijiet li jirriżultaw minn atti gratwiti.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Jekk il-proċedura għal arranġament mal-kredituri tkun tlestiet b’suċċess fi jew sal-limitu ta’ żmien stabbilit fil-kuntratt, l-imħallef delegat jieħu deċiżjoni li jirreġistra l-kisba tal-oġġetti tal-arranġament. Il-bidliet fil-pretensjonijiet stabbiliti fl-arranġament mal-kredituri mbagħad isiru finali (l-Artikolu 36 tal-Liġi Nru 85/2014).

Il-proċedimenti għar-riorganizzazzjoni bil-kontinwazzjoni tan-negozju jew għal-likwidazzjoni ippjanata (lichidare pe bază de plan) jingħalqu b’sentenza mogħtija fuq il-bażi ta’ rapport imfassal mill-amministratur maħtur mill-qorti li jsib illi jkunu ġew issodisfati l-obbligi tal-ħlas kollha mwettqa fil-pjan ikkonfermat u li jkunu tħallsu l-pretensjonijiet kollha li għadhom dovuti. Jekk il-proċedimenti miftuħa bil-ħsieb ta’ riorganizzazzjoni mbagħad jinbidlu fi proċedimenti ta’ stralċ, dawn jingħalqu skont ir-regoli dwar il-proċedimenti ta’ stralċ. Mid-data tal-konferma tal-pjan għar-riorganizzazzjoni taħt is-superviżjoni tal-qorti, u għat-tul tar-riorganizzazzjoni, id-debitur jiġi rilaxxat mid-differenza bejn il-valur tal-obbligazzjonijiet li kellu qabel il-konferma tal-pjan u l-valur indikat fil-pjan.

Il-proċedimenti ta’ stralċ jingħalqu meta l-imħallef delegat ikun approva r-rapport finali, meta l-fondi u l-assi kollha mill-patrimonju tad-debitur ikunu ġew distribwiti u meta l-fondi mhux mitluba jkunu ġew depożitati mal-bank. Wara l-għeluq tal-proċedimenti, issir ordni biex jitneħħa d-debitur mir-reġistri fejn ikun imniżżel.

Bis-saħħa tal-għeluq tal-proċedimenti, l-imħallef delegat, l-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti u l-persuni kollha li jkunu assistewhom jiġu rilaxxati minn kwalunkwe dmirijiet jew obbligazzjonijiet relatati mal-proċedimenti, id-debitur u l-patrimonju tad-debitur, kredituri, detenturi ta’ drittijiet ta’ preferenza, azzjonisti jew soċji.

Bis-saħħa tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ stralċ, debitur li jkun persuna fiżika (li jinvolvi ruħu f’attivitajiet ekonomiċi) jiġi rilaxxat mill-obbligazzjonijiet tiegħu qabel l-istralċ, sakemm ma jkunx ġie kkundannat għal falliment frodulenti jew li jkun għamel ħlas jew trasferimenti frodulenti; f'dawn il-każijiet, huwa jiġi rilaxxat mill-obbligazzjonijiet biss sakemm dan ikun previst bħala parti mill-proċediment.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza ta’ kwalunkwe tip, il-kredituri ma jistgħux ifittxu lid-debitur għal pretensjonijiet li jkunu ġew ippreżentati qabel il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Il-kredituri xorta jistgħu jipproċedu għall-valur kollu tal-pretensjonijiet kontra l-kodebituri u l-garanti tad-debitur.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw minn proċedimenti stabbiliti legalment, inklużi dawk relatati ma’ avviż, stediniet u komunikazzjoni ta’ dokumenti proċedurali mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, għandhom jitħallsu mill-patrimonju tad-debitur (l-Artikolu 39 tal-Liġi Nru 85/2014). Jekk ir-riżorsi finanzjarji tad-debitur ma jkunux biżżejjed, issir sejħa fuq il-fond ta’ likwidazzjoni (fondul de lichidare).

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

L-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti jista’ jippreżenta rikorsi għall-annullament ta’ atti u tranżazzjonijiet frodulenti mwettqa mid-debitur għad-detriment tad-drittijiet tal-kredituri fis-sentejn qabel il-ftuħ tal-proċedimenti.

L-atti jew tranżazzjonijiet li ġejjin imwettqa mid-debitur jistgħu jiġu annullati sabiex jiġu rritornati l-assi ttrasferiti jew il-valur ta’ benefiċċji oħra pprovduti:

a) atti ta’ trasferiment mingħajr korrispettiv imwettqa fis-sentejn ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti; sponsorjar għal finijiet umanitarji huma eżentati;

b) tranżazzjonijiet fejn dak li jingħata mid-debitur ikun b’mod ċar akbar minn dak li jkun wasal, imwettqa fis-sitt xhur ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti;

c) atti mwettqa fis-sentejn ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti bl-intenzjoni min-naħat kollha li jipprevjenu li l-assi jiġu segwiti mill-kredituri, jew li jagħmlu ħsara għad-drittijiet tagħhom b’xi mod ieħor;

d) atti ta’ trasferiment ta’ sjieda lil kreditur għal jew lejn is-sodisfazzjon ta’ dejn minn qabel, imwettqa fis-sitt xhur ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, jekk l-ammont li l-kreditur ikun jista’ jikseb fil-każ ta’ stralċ tad-debitur ikun taħt il-valur tal-att ta’ trasferiment tas-sjieda;

e) l-istabbiliment ta’ dritt ta’ preferenza fir-rigward ta’ pretensjoni mhux garantita fis-sitt xhur ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti;

f) ħlas bil-quddiem ta’ djun li jkunu saru fis-sitt xhur ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti, jekk l-iskadenza kellha tkun data wara l-ftuħ tal-proċedimenti;

g) atti ta’ trasferiment jew assunzjoni ta’ obbligi mwettqa mid-debitur fis-sentejn ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti bl-intenzjoni li jaħbi jew li jdewwem l-istat ta’ insolvenza jew li jiffroda lill-kreditur.

L-atti jew it-tranżazzjonijiet li ġejjin jistgħu jiġu annullati wkoll, u l-benefiċċji rkuprati, jekk ikunu ġew konklużi fis-sentejn ta’ qabel il-ftuħ tal-proċedimenti mal-persuni f’relazzjonijiet legali mad-debitur:

a) dawk konklużi ma’ sieħeb limitat (asociat comanditat) jew ma’ sieħeb li jkollu mill-inqas 20 % tal-kapital tas-sħubija jew tad-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali tas-sħab, jekk id-debitur ikun dik is-sħubija limitata (societate în comandită) jew kumpanija agrikola (societate agricolă) f’forma ta’ sħubija (în nume colectiv) jew b’responsabbiltà limitata (cu răspundere limitată);

b) dawk konklużi ma’ membru jew direttur, jekk id-debitur ikun grupp ta’ interess ekonomiku;

c) dawk konklużi ma’ azzjonist li jkollu mill-inqas 20 % tal-ishma fid-debitur jew tad-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti fejn id-debitur ikun kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata (societate pe acţiuni);

d) dawk konklużi ma’ direttur, maniġer jew membru tal-korpi superviżorji tad-debitur, fejn id-debitur ikun kooperattiva, kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata jew kumpanija agrikola;

e) dawk konklużi ma’ kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha pożizzjoni ta’ kontroll fuq id-debitur jew in-negozju tiegħu;

f) dawk konklużi ma’ koproprjetarju jew ma’ parti li jkollha sjieda komuni ta’ assi komuni;

g) dawk konklużi mal-konjuġi, qraba mid-demm jew qraba bi żwieġ, sa u inkluż ir-raba’ grad ta’ parentela, tal-persuni fiżiċi mniżżla taħt il-punti (a)-(f).

Rikors għall-annullament ta’ atti frodulenti mwettqa mid-debitur għad-detriment tal-kredituri jista’ jiġi ppreżentat mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti fi żmien sena mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit għat-tħejjija tal-ewwel rapport mill-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti, iżda mhux aktar tard minn 16-il xahar mill-ftuħ tal-proċedimenti. Jekk ir-rikors jintlaqa’, il-partijiet tiegħu jerġgħu jiksbu l-pożizzjoni preċedenti tagħhom u l-obbligazzjonijiet eżistenti fid-data tat-trasferiment jiġu rreġistrati mill-ġdid.

Il-kumitat tal-kredituri jew kreditur li jkollu aktar minn 50 % tal-valur tal-pretensjonijiet imdaħħla fil-patrimonju tal-insolvenza jista’ jippreżenta tali rikors quddiem l-imħallef delegat jekk l-amministratur jew likwidatur maħtur mill-qorti jonqos milli jagħmel dan.

L-ebda rikors għall-annullament ma jista’ jitressaq kontra att kostituttiv (act de constituire) taħt il-liġi tal-proprjetà jew att ta’ trasferiment ta’ sjieda taħt il-liġi tal-proprjetà jekk ikun konkluż minn debitur fil-kors normali tan-negozju tiegħu ta’ kuljum. Rikors għall-annullament ta’ att kostituttiv jew ta’ att ta’ trasferiment ta’ sjieda jiddaħħal awtomatikament fir-reġistri pubbliċi xierqa.

Fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ atti u tranżazzjonijiet imsemmija hawn fuq ikun hemm il-preżunzjoni konfutabbli ta’ frodi għad-detriment tal-kredituri.

Wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti ta’ falliment, l-atti, it-tranżazzjonijiet u l-ħlasijiet kollha li jsiru mid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti jsiru awtomatikament nulli u bla effett; bl-eċċezzjoni tal-passi meħtieġa għat-tmexxija tan-negozju li jkun għadu għaddej, tal-passi awtorizzati mill-imħallef delegat, u tal-passi approvati mill-amministratur maħtur mill-qorti

L-aħħar aġġornament: 17/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.