- 1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
- 2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
- 3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
- 4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
- 5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
- 6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
- 7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
- 8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
- 9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
- 10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
- 11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
- 12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
- 13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
- 14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
- 15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
- 16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
Il-prekundizzjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni tal-qorti dwar divorzju hija l-bidu tal-proċeduri tal-qorti xierqa għad-divorzju (ċivili jew mhux kontenzjuż) mill-persuna/i awtorizzata/i (locus standi), skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50, tal-Artikolu 369 u tal-Artikolu 453 tal-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja (Obiteljski zakon) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 103/15, minn hawn ’il quddiem: ObZ 2015). Jekk il-konjuġi jkollhom wild minuri komuni, it-talba għal divorzju kunsenswali trid tkun akkumpanjata mid-dokumenti mehmuża xierqa (rapport dwar il-konsultazzjoni obbligatorja u pjan għal kontroll konġunt tal-ġenituri - l-Artikolu 55 flimkien mal-Artikolu 456 ObZ 2015). Japplikaw regolamenti simili meta l-konjuġi jkollhom wild minuri komuni u parti waħda biss mill-konjuġi tibgħat talba għal divorzju (rapport dwar il-konsultazzjoni obbligatorja u prova tal-parteċipazzjoni fl-ewwel laqgħa ta’ medjazzjoni tal-familja - l-Artikolu 57 flimkien mal-Artikolu 379 ObZ 2015).
2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
Il-prekundizzjonijiet għad-divorzju huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tal-ObZ 2015. Skont id-dispożizzjonijiet legali msemmija qabel, il-qorti xxolji żwieġ: 1. jekk ikun hemm ftehim bejn il-konjuġi rigward id-divorzju, 2. jekk ikun ġie stabbilit li r-relazzjoni matrimonjali li bejn il-konjuġi tkissret b’mod sever u permanenti, jew 3. jekk tkun għaddiet sena mit-“terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali”.
3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?
Konsegwenza legali ta’ terminazzjoni taż-żwieġ hija l-waqfien tad-drittijiet u d-dmirijiet individwali tal-konjuġi (l-Artikoli 30-33 tal-Obz 2015). L-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja jistabbilixxi espressament li fil-każ ta’ terminazzjoni taż-żwieġ (permezz ta’ annullament jew divorzju), kull parti mill-ex-konjuġi tista’ żżomm il-kunjom li kellha fil-mument li kien itterminat iż-żwieġ (l-Artikolu 48 tal-Obz 2015).
3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi
Qabel ix-xoljiment ta’ proprjetà matrimonjali (bi qbil jew permezz ta’ terminazzjoni ġudizzjarja - fi proċedimenti mhux kontenzjużi), l-aktar kwistjoni komuni hija dik li tiddistingwi d-drittijiet u l-oġġetti li huma parti mill-proprjetà matrimonjali mid-drittijiet u l-oġġetti li huma l-assi individwali ta’ parti waħda mill-konjuġi jew tal-oħra (li tiddistingwi t-tliet settijiet ta’ assi). Dawn il-kwistjonijiet jiġu riżolti billi jinbdew proċeduri ċivili abbażi tad-dispożizzjonijiet xierqa tal-ObZ (l-Artikoli 34-39 u l-Artikoli 43-46 tal-ObZ 2015), jekk il-konjuġi ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim dwar id-diviżjoni tar-relazzjonijiet ta’ proprjetà reċiproka (kuntratt taż-żwieġ - l-Artikoli 40-42 tal-ObZ 2015), bl-applikazzjoni alternattiva tal-Att dwar is-Sjieda u Drittijiet Reali Oħrajn, l-Att dwar l-Obbligi Ċivili, l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Artijiet, l-Att dwar il-Kumpaniji, l-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Att dwar il-Proċedura Ċivili (l-Artikoli 38, 45 u 346 tal-ObZ 2015).
3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi
Il-konsegwenzi legali tat-terminazzjoni ta’ żwieġ li japplikaw għal tfal minuri jinkludu bosta kwistjonijiet importanti: ma’ liema ġenitur se jgħix il-wild wara t-terminazzjoni taż-żwieġ, li jiġu stabbiliti l-arranġamenti mal-ġenitur l-ieħor, il-manteniment tal-wild, kif se jiġu organizzati l-oqsma li jifdal tal-kustodja tal-ġenituri (ir-rappreżentanza tal-wild, it-twettiq ta’ atti legali, il-ġestjoni u d-disponiment tal-assi tal-wild, l-edukazzjoni u s-saħħa tal-wild, eċċ.). Il-konjuġi jistgħu jaslu għal ftehim rigward dawn il-konsegwenzi legali tad-divorzju (ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri) u b’hekk jagħżlu proċediment ta’ divorzju mhux ġudizzjarju li jkun aktar sempliċi u aktar mgħaġġel. (l-Artikoli 52, 54-55, 106, 453-460 tal-ObZ 2015). Jekk il-konjuġi ma jipproduċu ebda ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri li jkun jinkludi ftehim dwar il-konsegwenzi legali rilevanti tad-divorzju, id-deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet tinħareġ awtomatikament mill-qorti fi proċediment ġudizzjarju mibdi permezz ta’ kawża ta’ divorzju (l-Artikoli 53-54, 56-57 u 413 tal-ObZ 2015). Madankollu, teżisti l-possibbiltà li l-ġenituri jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-konsegwenzi legali tad-divorzju matul il-proċedimenti ġudizzjarji tad-divorzju. F’dan il-każ, il-qorti tasal għad-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tal-ftehim tal-ġenituri jekk hija tħoss li dan il-ftehim ikun fl-aħjar interess tat-tfal (l-Artikolu 104/3 flimkien mal-Artikolu 420 tal-ObZ 2015).
3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?
L-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja jipprevedi l-possibbiltà li konjuġi jitlob manteniment qabel jiġi konkluż il-proċess tad-divorzju. Jekk ma tkun ġiet ippreżentata ebda talba għal manteniment matul il-proċess tad-divorzju, ex-konjuġi jista’ jiftaħ kawża sabiex jitlob għal manteniment fi żmien sitt xhur mit-terminazzjoni finali taż-żwieġ, jekk il-kundizzjonijiet għall-manteniment kienu jeżistu fil-ħin tal-konklużjoni tal-proċess tad-divorzju u komplew jeżistu b’mod kontinwu sakemm ġie konkluż il-proċess tal-manteniment (l-Artikoli 295-301, 423-432 tal-ObZ 2015). Il-kundizzjonijiet legali għall-manteniment huma li r-rikorrent ma għandux mezzi suffiċjenti sabiex isostni lilu nnifsu jew ma jkunx jista’ jasal għal dan mill-assi tiegħu, u ma jkunx jista’ jaħdem jew isib impjieg, diment li l-konjuġi li jħallas il-manteniment ikollu mezzi u kapaċitajiet suffiċjenti sabiex jissodisfa dan l-impenn (l-Artikolu 295 tal-ObZ 2015). Il-manteniment jiġi ddeterminat għal perjodu ta’ żmien fiss. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 298 tal-ObZ 2015 jiddikjaraw li l-manteniment ta’ konjuġi jista’ jkompli jingħata sa sena, skont it-tul taż-żwieġ u l-possibbiltà tar-rikorrent li jikseb għajxien adegwat fil-futur prevedibbli b’mod ieħor. L-ObZ 2015 jipprevedi wkoll il-modalitajiet tal-ħlas tal-manteniment. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 296 tal-ObZ 2015, il-manteniment huwa ddeterminat bħala somma regolari ta’ kull xahar li titħallas bil-quddiem. Madankollu, huwa possibbli li l-qorti, fuq talba ta’ parti waħda mill-konjuġi jew tat-tnejn li huma, tordna l-ħlas bħala somma ta’ darba, skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 302 tal-ObZ 2015, il-konjuġi jistgħu jikkonkludu ftehim għal manteniment fil-każ ta’ divorzju (l-Artikoli 302 u 470-473 tal-ObZ 2015).
4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
Ma jeżisti ebda terminu ekwivalenti għal “separazzjoni legali” fil-liġi tal-familja Kroata. Terminu korrispondenti għal “separazzjoni legali” li jinstab fil-leġiżlazzjoni attwali jkun “terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” (prestanak bračne zajednice). It-“terminazzjoni ta’ unjoni matrimonjali” sseħħ jekk il-konjuġi jitterminaw ir-relazzjonijiet reċiproċi kollha li normalment jeżistu f’koabitazzjoni, jiġifieri jekk ma jkunx għad għandhom ix-xewqa li jgħixu flimkien bħala konjuġi u li jaqsmu u jirrealizzaw il-kontenut speċifiku tal-ħajja konjugali. It-terminazzjoni ta’ unjoni matrimonjali għandha tifsira fil-qasam tal-liġi matrimonjali minħabba li, f’konformità mal-Artikolu 51 tal-ObZ 2015, waħda mill-bażijiet legali tat-terminazzjoni taż-żwieġ hija li tkun għaddiet sena mit-terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali. It-terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali għandha wkoll tifsira speċifika meta jiġu ddeterminati r-relazzjonijiet tal-proprjetà bejn il-konjuġi minħabba li, skont l-Artikolu 36 tal-ObZ 2015, il-proprjetà li l-konjuġi jkunu akkwistaw permezz tal-ħidma tagħhom matul l-unjoni matrimonjali (kuntrarju għal matul iż-żwieġ), jew li toriġina minn din il-proprjetà, titqies bħala proprjetà matrimonjali.
5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
Ma jeżisti ebda terminu ekwivalenti għal “separazzjoni legali” fil-liġi tal-familja Kroata. Terminu korrispondenti għal “separazzjoni legali” li jinstab fil-leġiżlazzjoni attwali jkun “terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” (prestanak bračne zajednice). L-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja ma jipprovdix kundizzjonijiet għat-“terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” minħabba li l-unjoni matrimonjali hija standard legali u tirrappreżenta l-kontenut tal-ħajja konjugali. It-terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali tirriżulta jekk il-konjuġi jitterminaw ir-relazzjonijiet reċiproċi kollha li altrimenti jinkludu l-ħajja konjugali, jiġifieri, jekk ma għadx għandhom ix-xewqa li jgħixu bħala koppja miżżewġa u li jirrealizzaw il-kontenut speċifiku ta’ tali relazzjoni (eż. jieqfu jikkomunikaw, eċċ.). It-terminazzjoni ta’ unjoni matrimonjali tintwera fil-prattika bl-aktar mod komuni meta parti waħda mill-konjuġi tħalli d-dar komuni u titlaq lill-parti l-oħra.
6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
Ma jeżisti ebda terminu ekwivalenti għal “separazzjoni legali” fil-liġi tal-familja Kroata. Terminu korrispondenti għal “separazzjoni legali” li jinstab fil-leġiżlazzjoni attwali jkun “terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” (prestanak bračne zajednice). “Terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” għandha tifsira fil-qasam tal-liġi matrimonjali minħabba li, skont l-Artikolu 51 tal-ObZ 2015, waħda mill-bażijiet legali tat-terminazzjoni taż-żwieġ hija li jkunu għaddew aktar minn sena mit-“terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali”. “Terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” għandha wkoll tifsira speċifika meta jiġu definiti r-relazzjonijiet tal-proprjetà bejn il-konjuġi minħabba li, skont l-Artikolu 36 tal-ObZ 2015, il-proprjetà li l-konjuġi jkunu akkwistaw permezz tal-ħidma tagħhom matul l-unjoni matrimonjali (kuntrarju għal matul iż-żwieġ), jew li toriġina minn din il-proprjetà, titqies bħala proprjetà matrimonjali. Il-loġika li hija l-bażi ta' din il-leġiżlazzjoni hija li t-tul tal-unjoni matrimonjali ma għandhiex bżonn tikkoinċidi eżattament mat-tul taż-żwieġ, speċjalment meta ż-żwieġ jintemm f’divorzju. Bħala regola, it-terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali sseħħ qabel ma jinbdew il-proċedimenti tad-divorzju. Għalhekk, il-proċedimenti tad-divorzju jistgħu jkunu għadhom għaddejjin wara t-“terminazzjoni tal-unjoni matrimonjali” u ġeneralment fil-fatt hekk ikun (speċjalment jekk jiġu applikati rimedji legali fil-proċedimenti).
7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
“Annullament taż-żwieġ” (poništaj braka) huwa waħda mill-bażijiet għat-terminazzjoni taż-żwieġ (l-Artikoli 47 tal-ObZ 2015) u jikkostitwixxi waħda mit-tliet tilwimiet matrimonjali rregolati mis-sistema legali Kroata (l-Artikolu 369 tal-Obz 2015). “Annullament taż-żwieġ” jirrappreżenta sanzjoni tal-liġi tal-familja fuq żwieġ li sar kontra d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-validità taż-żwieġ (l-Artikolu 25-29 tal-ObZ 2015) u tiġi effettwata fi proċedimenti ġudizzjarji istitwiti minn azzjoni (l-Artikolu 369 tal-ObZ 2015). Id-dispożizzjonijiet dwar l-“annullament taż-żwieġ” japplikaw jekk żwieġ ma jkunx validu (l-Artikoli 29, 49, 369-378 tal-ObZ 2015).
8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
Żwieġ li jkun sar kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 25 sa 28 tal-ObZ 2015 (żwieġ bejn persuni taħt l-età, persuni li ma kellhomx il-kapaċità li jagħmlu distinzjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin, persuni mċaħħdin mill-kapaċità legali li jagħmlu dikjarazzjonijiet rigward is-sitwazzjoni personali tagħhom, persuni li huma qraba mid-demm, persuni li kienu ġew adottati jew jekk l-għarus jew l-għarusa kellhom żwieġ eżistenti jew sħubija stabbli qabel) huwa invalidu u għalih japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar l-“annullament taż-żwieġ” (l-Artikolu 29 tal-ObZ 2015).
9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
Il-konsegwenzi legali tal-“annullament taż-żwieġ” huma rregolati bl-istess mod bħal fit-terminazzjoni taż-żwieġ permezz ta’ divorzju (ara r-risposta għall-mistoqsija nru. 3).
10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
Fis-sistema legali Kroata, id-divorzju huwa rregolat bħala proċediment ġudizzjarju, u ma teżisti ebda possibbiltà ta’ proċedimenti mhux ġudizzjarji tad-divorzju. Madankollu, wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-liġi tal-familja, li hija partikolarment importanti fil-proċedimenti tad-divorzju, huwa l-prinċipju tar-riżoluzzjoni tar-relazzjonijiet familjari b’mod kunsenswali, li jinkoraġġixxi r-riżoluzzjoni kunsenswali tar-relazzjonijiet familjari u jenfasizza li dan huwa l-kompitu tal-korpi kollha li jipprovdu għajnuna professjonali lill-familja jew li jiddeċiedu dwar ir-relazzjonijiet familjari (l-Artikolu 9 tal-ObZ 2015). Għalhekk, il-liġi tal-familja tipprevedi żewġ tipi ta’ proċedimenti mhux ġudizzjarji, li l-għan tagħhom jinkludi r-riżoluzzjoni kunsenswali ta’ kwistjonijiet relatati mad-divorzju: counselling mandatorju (l-Artikolu 321-330 tal-ObZ 2015) u medjazzjoni tal-familja (l-Artikoli 331-344 tal-ObZ 2015). Il-counselling mandatorju jsir minn tim ta’ esperti mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali u jikkostitwixxi forma ta’ appoġġ għall-membri tal-familja (eż. konjuġi li għandhom il-ħsieb li jibdew proċedimenti ta’ divorzju u li għandhom wild minuri komuni) sabiex jaslu għal deċiżjonijiet kunsenswali dwar ir-relazzjonijiet familjari, billi tingħata attenzjoni partikolari għall-ħarsien tar-relazzjonijiet familjari li jinvolvu kwalunkwe wild (eż. billi jitfassal pjan dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri, li għandu jistipula fid-dettall: il-post u l-indirizz tar-residenza tal-wild, il-ħin li l-wild se jqatta’ ma’ kull wieħed mill-ġenituri, kif se tiġi kondiviża l-informazzjoni rigward il-kunsens għal deċiżjonijiet importanti, kif se tiġi kondiviża l-informazzjoni importanti dwar il-wild, l-ammont ta’ manteniment bħala obbligu tal-ġenitur li miegħu ma jkunx jirrisjedi l-wild, kif ukoll kif se jiġu riżolti l-kwistjonijiet futuri) u dwar il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ lħuq ta’ ftehim u l-bidu ta’ proċeduri tal-qorti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar id-drittijiet personali tal-wild. Il-medjazzjoni tal-familja hija proċess li fih il-partijiet jipprovaw isolvu t-tilwimiet familjari b’mod kunsenswali bl-għajnuna ta’ medjatur tal-familja wieħed jew aktar. L-iskop prinċipali tal-proċess huwa li jistabbilixxi pjan dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri u ftehimiet oħrajn konnessi mal-wild, kif ukoll mal-kwistjonijiet l-oħrajn kollha ta’ natura materjali u mhux materjali.
11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Il-konjuġi mingħajr wild minuri komuni jistgħu jibdew kawża ġudizzjarja billi parti waħda mill-konjuġi tressaq rikors għad-divorzju, jew iż-żewġ konjuġi jressqu rikors għal divorzju kunsenswali (l-Artikolu 50 tal-ObZ 2015). F’dawn iż-żewġ każijiet, il-proċediment mhux ġudizzjarju tal-counselling mandatorju (forma ta’ għajnuna esperta lill-membri tal-familja sabiex jaslu għal deċiżjonijiet kunsenswali dwar ir-relazzjonijiet familjari, imwettqa minn tim ta’ esperti mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali) ma jiġix implimentat (l-Artikoli 321-322 tal-ObZ 2015) u l-konjuġi jidħlu fi proċeduri tal-qorti (ġudizzjarji jew mhux ġudizzjarji) tad-divorzju immedjatament, li jista’ jsir b’mod relattivament faċli u malajr. Dan kollu li ntqal hawn fuq japplika, kif xieraq, għall-proċeduri tal-qorti dwar l-annullament taż-żwieġ meta l-konjuġi ma jkollhomx wild minuri komuni.
Il-konjuġi b’wild minuri komuni jistgħu jistitwixxu proċeduri tal-qorti billi parti waħda mill-konjuġi tiftaħ kawża jew billi ż-żewġ konjuġi jressqu rikors għal divorzju kunsenswali (l-Artikolu 50 tal-ObZ 2015). Madankollu, qabel jistitwixxu proċedimenti ta’ divorzju (permezz ta’ kawża jew billi jressqu rikors għal divorzju kunsenswali) meta jkun hemm wild minuri komuni, il-konjuġi huma obbligati li jieħdu sehem fil-proċediment ekstraġudizzjarju ta’ counselling mandatorju (forma ta’ għajnuna esperta lill-membri tal-familja sabiex jaslu għal deċiżjonijiet kunsenswali dwar ir-relazzjonijiet familjari, imwettqa minn tim ta’ esperti mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali) (l-Artikoli 321-322 tal-ObZ 2015). L-iskop ta’ proċeduri bħal dawn huwa li l-konjuġi jiġu pprovduti b’għajnuna professjonali, li tinkludi l-produzzjoni ta’ ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri - ftehim dwar il-konsegwenzi legali tad-divorzju, li għandu jistipula fid-dettall: il-post u l-indirizz tar-residenza tal-wild, il-ħin li l-wild se jqatta’ ma’ kull wieħed mill-ġenituri, kif se tiġi kondiviża l-informazzjoni rigward il-kunsens għal deċiżjonijiet importanti, kif se tiġi kondiviża l-informazzjoni importanti dwar il-wild, l-ammont ta’ manteniment bħala obbligu tal-ġenitur li miegħu ma jkunx jirrisjedi l-wild, kif ukoll kif se jiġu riżolti l-kwistjonijiet futuri). Il-ġenituri jistgħu jipproduċu l-ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri matul il-proċess tal-counselling mandatorju, madankollu, huma jistgħu jipproduċuh ukoll b’mod indipendenti jew matul il-proċedura tal-medjazzjoni tal-familja (proċess mhux ġudizzjarju li fih il-partijiet jipprovaw isolvu t-tilwimiet mir-relazzjonijiet familjari b’mod kunsenswali bl-għajnuna ta’ medjatur tal-familja wieħed jew aktar - l-Artikolu 331 tal-ObZ 2015). Billi jipproduċu ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri, il-konjuġi jistgħu jibdew proċediment ekstraġudizzjarju aktar sempliċi u mgħaġġel tad-divorzju, li jitnieda bil-preżentata ta' rikors (l-Artikoli 52, 54-55, 106, 453-460 tal-ObZ 2015). Il-konjuġi b’wild minuri komuni huma obbligati li jippreżentaw rapport dwar il-counselling mandatorju msemmi fl-Artikolu 324 tal-ObZ 2015 mar-rikors tagħhom għal divorzju kunsenswali, kif ukoll ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri, kif imsemmi fl-Artikolu 106 tal-ObZ 2015 (l-Artikolu 456 tal-ObZ 2015).
Jekk il-konjuġi ma jipproduċu ebda ftehim dwar il-kustodja konġunta tal-ġenituri li jkun jinkludi ftehim dwar il-konsegwenzi legali tad-divorzju msemmija hawn fuq, id-deċiżjoni dwar dawn il-kwistjonijiet tinħareġ mill-qorti ex officio fi proċediment ġudizzjarju mibdi permezz ta’ kawża ta’ divorzju (l-Artikoli 53-54, 56-57 u 413 tal-ObZ 2015). Jekk il-konjuġi jkollhom wild minuri komuni, huma obbligati li jehmżu rapport dwar il-counselling mandatorju mill-Artikolu 324 tal-ObZ 2015 mal-kawża tad-divorzju tagħhom, kif ukoll prova tal-parteċipazzjoni fl-ewwel laqgħa ta’ medjazzjoni tal-familja (l-Artikolu 379 tal-ObZ 2015).
12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
Fil-Kroazja, l-għajnuna legali u l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-ħlas għall-proċeduri tal-qorti u eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti huma rregolati mill-Att dwar l-Għajnuna Legali Mingħajr Ħlas (Zakon o besplatnoj pravnoj pomoći) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 143/2013 - minn hawn ’il quddiem ZBPP). Il-persuni jistgħu jikkwalifikaw għal għajnuna legali primarja fil-proċedimenti kollha, inklużi tilwimiet matrimonjali u proċedimenti oħrajn relatati mal-liġi tal-familja, diment li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali (l-Artikoli 9-11 taz-ZBPP). Il-persuni jistgħu jikkwalifikaw għal għajnuna legali sekondarja fil-proċedimenti relatati mal-liġi tal-familja u fi proċedimenti oħrajn stipulati fil-liġi, diment li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali (l-Artikoli 12-25 taz-ZBPP). Il-kwistjoni tal-kisba tad-deċiżjoni li tagħti eżenzjoni mill-ħlas tal-proċeduri tal-qorti għal proċedimenti speċifiċi, inklużi proċedimenti relatati mal-liġi tal-familja, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(3) taz-ZBPP. Il-kwistjoni tal-kisba tad-deċiżjoni li tagħti eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti għall-proċedimenti kollha, inklużi proċedimenti relatati mal-liġi tal-familja, hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(4) taz-ZBPP. Għandha ssir enfasi partikolari fuq id-dispożizzjonijiet: a) li jirregolaw l-għoti ta’ għajnuna legali sekondarja mingħajr ma tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuna inkwistjoni (l-Artikolu 15 taz-ZBPP), b) li jirregolaw il-proċess għall-kisba ta’ għajnuna legali sekondarja (l-Artikoli 16-18 taz-ZBPP), ċ) li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għoti ta’ għajnuna legali sekondarja (l-Artikolu 19 taz-ZBPP), d) li jirregolaw il-kwistjonijiet proċedurali u kwistjonijiet oħrajn li huma importanti sabiex tinkiseb għajnuna legali mingħajr ħlas (l-Artikoli 20-25 taz-ZBPP). Fl-istess ħin, tinġibed l-attenzjoni għall-Artikolu 6 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Zakon o sudskim pristojbama) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 74/95, 57/96, 137/02, (26/03), 125/11, 112/12, 157/13, 110/15), fir-rigward tal-partijiet li huma dejjem eżentati mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti.
13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
Huwa possibbli li sentenza relatata ma’ divorzju jew annullament taż-żwieġ tiġi appellata. Iż-żewġ partijiet għandhom dan id-dritt matul il-proċedimenti. L-Att dwar il-Proċedimenti tal-Familja ma jirregolax espressament l-appell f’tilwimiet matrimonjali, iżda d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 346 jistipulaw l-applikazzjoni alternattiva tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o parničnom postupku) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 91/92, 58/93, 112/99, 88/01, 117/03, 88/05, 02/07, 84/08, 123/08, 57/11, 148/11, 25/13 u 89/14 - minn hawn ’il quddiem: ZPP).
Fl-Artikolu 348, iz-ZPP jirregola l-appelli kontra verdett, filwaqt li l-Artikolu 378 jirregola l-appelli kontra deċiżjoni. Fir-rigward tar-rimedji legali, l-ObZ 2015 jistipula li reviżjoni mhijiex permessibbli (l-Artikolu 373 tal-ObZ 2015) kontra verdetti tat-tieni istanza mogħtija f’tilwima matrimonjali.
14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri (ir-Regolament Brussell IIa), sentenza mogħtija fi Stat Membru tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru l-ieħor mingħajr ma tkun meħtieġa xi proċedura speċjali (l-Artikolu 21(1)), madankollu, skont l-Artikolu 21(3), kwalunkwe parti interessata tista’ tippreżenta rikors għal deċiżjoni li s-sentenza tkun jew ma tkunx rikonoxxuta. F’dak il-każ, ir-rikorsi għal rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti rilevanti mil-lista nnotifikata minn kull Stat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 68 fil-formola prevista mill-Artikolu 37 tar-Regolament Brussell IIa. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell IIa, ma hija meħtieġa ebda proċedura speċjali sabiex jiġu aġġornati r-reġistri tal-istat ċivili ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenza relatata ma’ divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor, u li kontra tagħha ma hemm ebda appell ulterjuri li jaqa’ taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.
15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Ir-rikorsi għal rikonoxximent jew nuqqas ta’ rikonoxximent (l-Artikolu 21(3) tar-Regolament Brussell IIa) huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti rilevanti mil-lista, kif iddikjarat fir-risposta għall-mistoqsija Nru 14. F’dan il-każ, tiġi applikata l-proċedura skont it-taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament Brussell IIa.
Ir-rimedju legali, jiġifieri appell skont l-Artikolu 33 tar-Regolament Brussell IIa, jiġi ppreżentat lill-qrati (tal-kontea) tat-tieni istanza permezz tal-qorti tal-prim’istanza li tkun tat id-deċiżjoni (il-qorti tal-ġuriżdizzjoni lokali mil-lista msemmija hawn fuq).
16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Il-liġi applikabbli għal divorzju hija dik tal-pajjiż li l-konjuġi jkunu ċittadini tiegħu fil-ħin li tinfetaħ il-kawża.
Jekk fil-ħin li tinfetaħ il-kawża, il-konjuġi jkunu ċittadini ta’ pajjiżi differenti, jiġu applikati l-liġijiet kumulattivi tal-pajjiżi li jkunu ċittadini tagħhom, skont l-Artikolu 35(2) tal-Att dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitti tal-Liġi mar-Regolamenti ta’ Pajjiżi Oħrajn f’Ċerti Relazzjonijiet (Zakon o rješavanju sukoba zakona s propisima drugih zemalja u određenim odnosima) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 53/91, 88/01). Jekk żwieġ ma jkunx jista’ jiġi tterminat skont il-liġi tal-pajjiżi li l-konjuġi jkunu ċittadini tagħhom, tiġi applikata l-liġi Kroata għat-terminazzjoni taż-żwieġ, jekk parti waħda mill-konjuġi kienet qed tirrisjedi b’mod permanenti fil-Kroazja fil-ħin li tinfetaħ il-kawża.
Jekk wieħed mill-konjuġi jkun ċittadin Kroat mingħajr residenza permanenti fil-Kroazja u ż-żwieġ ma jkunx jista’ jiġi tterminat skont il-liġi speċifikata fl-Artikolu 35(2) tal-Att dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Konflitti tal-Liġi mar-Regolamenti ta’ Pajjiżi Oħrajn f’Ċerti Relazzjonijiet, mela tiġi applikata l-liġi Kroata.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.