

Divorzju jista' jingħata minn uffiċċju tar-reġistru jew minn nutar ladarba l-miżżewġin jaslu għal ftehim reċiproku bejniethom fuq il-bażi ta' talba konġunta bil-miktub, jew minn qorti fuq il-bażi ta' kawża miġjuba minn wieħed mill-miżżewġin kontra l-ieħor. Dan tal-aħħar jiġri f'każ li l-miżżewġin ma jkunux jaqblu dwar id-divorzju jew iċ-ċirkostanzi relatati mad-divorzju jew jekk uffiċċju tar-reġistrazzjoni ma jkunx kompetenti biex jagħti d-divorzju.
Uffiċċju tar-reġistrazzjoni jew nutar jistgħu jagħtu divorzju bi ftehim reċiproku bejn il-miżżewġin fuq il-bażi ta' talba konġunta bil-miktub u jekk iż-żewġ miżżewġin jkunu residenti l-Estonja.
Divorzju jista' jingħata minn qorti fuq il-bażi ta' kawża miġjuba minn wieħed mill-miżżewġin kontra l-ieħor, ladarba r-relazzjonijiet konjugali jkunu ntemmu definittivament. Ir-relazzjonijiet konjugali jintemmu ladarba tintemm il-koeżistenza matrimonjali u jkun hemm għax wieħed jifhem li l-miżżewġin mhux se jerġgħu jikkoabitaw. It-tmiem tar-relazzjonijiet konjugali tkun preżunta ladarba l-miżżewġin ikunu għexu separati għal tal-anqas sentejn.
Id-divorzju ma jaffettwax ir-relazzjonijiet personali bejn il-miżżewġin. Mad-divorzju, il-qorti jew l-uffiċċju tar-reġistru jistgħu jirritornaw il-kunjom preċedenti tal-persuna b'talba tagħha; jekk le l-kunjom ta' maż-żwieġ jinżamm.
Mad-divorzju, il-proprjetà tal-konjuġi tinqasam skont ir-reġim patrimonjali ta' bejniethom. Fil-każ ta' koproprjetà, il-miżżewġin ġeneralment jaqsmuha bejniethom f'ishma indaqs skont id-dispożizzjonijiet dwar it-tmiem tas-sjieda komuni. Il-kompożizzjoni tal-proprjetà tiġi stabbilita bħala mill-mument li fih intemmu r-reġim patrimonjali. Ma hemm l-ebda obbligu fuq il-miżżewġin biex jaqsmu l-proprjetà tagħhom malli jiddivorzjaw. Sakemm tinqasam il-koproprjetà, il-miżżewġin jeżerċitaw id-drittijiet u jwettqu l-obbligi relatati magħha flimkien. Barra minn hekk, il-miżżewġin għandhom id-dritt li jippossjedu flimkien kull oġġett li jifforma parti mill-koproprjetà tagħhom. Meta r-reġim patrimonjali, li bih kull żieda fil-beni tinqasam, jintemm, ikunu aċċertati l-beni akkwistati ta' kull wieħed mill-miżżewġin u tiġi ddeterminata l-pretensjoni finanzjarja li tiġi mid-dmir għall-qsim tal-beni akkwistati.
Jekk il-miżżewġin ikunu jixtiequ jaqsmu l-proprjetà tagħhom mad-divorzju, il-proprjetà tinqasam skont ir-reġim patrimonjali magħżul jew skont ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali. Jekk il-miżżewġin jiffirmaw ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, dan jintemm fil-mument tad-divorzju. Ma' tmiem il-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali fil-każ ta' divorzju, kull dritt u dmir li joħroġ mill-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali jintemm ukoll. Il-proprjetà titqassam skont il-ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali.
Id-divorzju ma jaffettwax ir-responsabbiltà tal-ġenituri u l-ġenituri jibqa' jkollhom kustodja konġunta.
B'mod ġenerali, il-ġenituri għandhom jaqblu dwar ma' min se jgħixu t-tfal, min se jkun involut fit-trobbija tat-tfal u sa liema punt, kif ukoll kemm se jitħallas bħala manteniment u għal kemm żmien. Il-ħlas ta' kull xahar tal-manteniment għal tifel wieħed ma jistax ikun inqas minn nofs il-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern Estonjan.
Jekk il-ġenituri ma jixtiqux u mhumiex kapaċi jeżerċitaw id-dritt tal-kustodja konġunta, kull ġenitur għandu d-dritt iressaq rikors il-qorti biex jingħatalu parzjalment jew kompletament il-jedd ta' kustodja tat-tifel. Il-bidliet fid-dritt tal-kustodja ma jaffettwawx l-obbligu tal-għoti tal-manteniment.
Konjuġi divorzjat huwa intitolat li jirċievi l-manteniment:
Missier huwa mistenni jipprovdi manteniment lil omm ibnu għat-tmien ġimgħat li jippreċedu t-twelid tat-tifel u għat-12-il ġimgħa ta' wara.
Qorti tista' teħles lil konjuġi divorzjat mill-obbligu li jipprovdi manteniment għal raġunijiet stipulati fil-liġi.
Konjuġi divorzjat intitolat li jirċievi manteniment jista' biss jitlob l-obbligu legali għall-għoti ta' manteniment wara li jiftaħ kawża.
Il-miżżewġin jitqiesu li jkunu legalment separati meta ma jibqgħux joqogħdu flimkien u ma jkollhomx xi tip ta' koeżistenza matrimonjali u jidher biċ-ċar li tal-inqas wieħed mill-miżżewġin ma għandux ir-rieda li jirritorna għaliha jew joħloqha.
Il-miżżewġin jgħixu separati.
Jekk miżżewġin ikunu legalment separati, kull wieħed minnhom ikun jista':
Jekk il-miżżewġin ikunu legalment separati, kull wieħed mill-miżżewġin irid jipprovdi manteniment fil-forma ta' ammonti ta' flus imħallsa b'mod regolari biex ikopru l-ispejjeż imġarrba mill-konjuġi l-ieħor fl-interess tal-familja.
L-annullament taż-żwieġ ifisser li ż-żwieġ jitqies li kien null mill-bidu nett. Żwieġ jista' jiġi annullat biss b'sentenza tal-qorti.
Annullament taż-żwieġ jista' jkun ibbażat fuq raġunijiet ta' invalidità taż-żwieġ speċifikati fl-Att dwar il-Liġi tal-Familja (perekonnaseadus), jiġifieri qorti tista' tannulla żwieġ permezz ta' kawża jekk:
Barra minn hekk, żwieġ jitqies li jkun null, jekk:
Mal-annullament taż-żwieġ, iż-żwieġ jitqies li kien null mill-bidu nett, sakemm iż-żwieġ ma ġiex annullat minħabba li kien żwieġ bejn persuni tal-istess sess. F’dak il-każ iż-żwieġ jiġi annullat abbażi tad-dħul fis-seħħ tas-sentenza tal-qorti. Persuni li ż-żwieġ tagħhom ikun ġie annullat ma jibqax ikollhom id-drittijiet u d-dmirijiet fir-rigward ta' xulxin li jiġu miż-żwieġ (inklużi dawk li jiġu minn kwalunkwe ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, li jitqies null ukoll).
Jekk żwieġ jiġi annullat minħabba li wieħed mill-miżżewġin ikun ħeba lill-konjuġi prospettiv l-ieħor li kien diġà miżżewweġ, jew ikun influwenza lill-konjuġi l-ieħor biex jiżżewġu bi frodi jew ġegħil, qorti tista' tordna lil dik il-persuna biex tħallas manteniment lill-persuna li kienet fi żwieġ null magħha billi tapplika r-regoli li jikkonċernaw l-għoti ta' manteniment lil konjuġi. Fuq talba tal-parti li tkun ġiet imġiegħla tiżżewweġ illegalment, qorti tista' tapplika dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-proprjetà matrimonjali għar-reġim patrimonjali tal-partijiet (jiġifieri koproprjetà tal-miżżewġin).
Tfal minn żwieġ annullat ikollhom l-istess drittijiet u dmirijiet bħal tfal minn żwieġ validu.
Uffiċċju tar-reġistru jew nutar jistgħu jagħtu d-divorzju bi ftehim bejn il-miżżewġin. Il-konsegwenzi legali ta' divorzju (eż. il-qsim tal-proprjetà matrimonjali) jistgħu jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-konjuġi involuti.
Fil-każ li l-miżżewġin ikollhom kwalunkwe tilwima fir-rigward taċ-ċirkostanzi tad-divorzju, ma hemm l-ebda mezzi ekstraġudizzjarji biex tinstab soluzzjoni.
Talba għal divorzju tista' tintbagħat lil:
Talba għall-annullament ta' żwieġ għandha tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tal-ewwel istanza (il-qorti tal-kontea) tal-post tar-residenza tal-intimat.
Divorzju jingħata minn uffiċċju tar-reġistru fuq il-bażi ta' talba personali konġunta bil-miktub. Il-konjuġi għandhom jikkonfermaw fit-talba li ma għandhom l-ebda tilwim rigward tfal, il-qsim tal-koproprjetà jew l-ordnijiet għall-manteniment. Talbiet għal divorzju għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument li jiċċertifika ż-żwieġ. Jekk konjuġi minħabba raġunijiet validi ma jkunx jista' jidher personalment fl-uffiċċju tar-reġistru biex iressaq it-talba konġunta, huwa jkun jista' jibgħat talba separata li tkun iċċertifikata minn nutar. Dokumenti b'lingwa barranija għandhom jintbagħtu lill-uffiċċju tar-reġistru bi traduzzjoni ċċertifikata minn nutar, uffiċjal konsulari jew traduttur ġuramentat. Kull dokument li jiċċertifika ż-żwieġ li jkun inħareġ minn pajjiż barrani jrid ikun legalizzat jew ikollu postilla, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fi ftehim internazzjonali.
Divorzju jingħata minn nutar fuq il-bażi ta' talba personali konġunta bil-miktub mingħand il-miżżewġin. Talbiet għal divorzju għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument li jiċċertifika ż-żwieġ. Jekk konjuġi minħabba raġunijiet validi ma jkunx jista' jidher personalment fl-uffiċċju tan-nutar biex iressaq it-talba konġunta, huwa jkun jista' jibgħat talba separata li tkun iċċertifikata minn nutar. Dokumenti b'lingwa barranija għandhom jintbagħtu lill-uffiċċju tar-reġistru bi traduzzjoni ċċertifikata minn nutar, uffiċjal konsulari jew traduttur ġuramentat. Kull dokument li jiċċertifika ż-żwieġ li jkun inħareġ minn pajjiż barrani jrid ikun legalizzat jew ikollu postilla, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fi ftehim internazzjonali.
Fi kwistjoni matrimonjali biex tkun aġġudikata minn qorti Estonjana, kawża trid titressaq fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza matrimonjali tal-miżżewġin jew, jekk din ir-residenza ma teżistix fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza tal-intimat. Jekk il-post tar-residenza tal-intimat ma tkunx fl-Estonja, il-kawża trid titressaq fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza ta' wild minuri tal-partijiet jew, fin-nuqqas ta' wlied minuri tal-partijeit, fil-qorti li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-post tar-residenza tar-rikorrent. Biex tinfetaħ kawża l-qorti għal divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta' żwieġ, ir-rikors irid jissodisfa r-rekwiżiti formali kollha stabbiliti fil-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (tsiviilkohtumenetluse seadustik) fir-rigward ta' kawża ċivili. Ir-rikors u kull evidenza dokumentata għandhom jintbagħtu lill-qorti bil-miktub jew b'mod elettroniku, bl-Estonjan u f'format A4.
Fir-rikors irid jiġi indikat isem il-qorti, id-dettalji personali tar-rikorrent u tal-intimat (il-miżżewġin) u ta' wliedhom minuri. Irid jiġi indikat ukoll min se jipprovdi għall-manteniment tat-tfal u min se jrabbihom u ma’ min se jgħixu; ir-rikors irid ikun fih ukoll proposta għall-arranġament futur tad-drittijiet tal-ġenituri u t-trobbija tat-tfal. Barra minn hekk, għandhom jiġu indikati ċ-ċirkostanzi fattwali li jikkostitwixxu l-bażi għall-kawża; ir-rikorrent għandu wkoll jelenka u jippreżenta kull evidenza li jista' jkollu.
Minbarra dan, jekk tkun se tinqasam xi koproprjetà, il-kompożizzjoni tal-proprjetà u fejn tinsab għandu jkun indikat fir-rikors, u għandu jiġi ddeterminat il-valur tal-oġġetti li jappartjenu lir-rikorrent u għandha ssir proposta dwar il-qsim tal-koproprjetà. Jekk il-miżżewġin kienu ffirmaw ftehim dwar il-proprjetà matrimonjali, dan għandu jinhemeż mar-rikors.
Ir-rikors irid ikun iffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu. Jekk dan isir minn rappreżentant, għandu jiġi inkluż dokument ta' awtorizzazzjoni jew dokument ieħor li jiċċertifika s-setgħat tar-rappreżentant.
Jekk il-persuna li titlob l-għajnuna legali ma tkunx tiflaħ tħallas l-ispejjeż proċedurali minħabba l-qagħda finanzjarja tiegħu jew jiflaħ iħallas biss parti minnhom jew bin-nifs, u jekk hemm raġuni suffiċenti biex jidher li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-proċedimenti twassal biex jerbaħ il-kawża, il-qorti tista' tirrilaxxah mill-obbligu li jħallas l-ispejjeż proċedurali kollha jew għal parti minnhom u tħalli lill-istat ikopri dawk l-ispejjeż.
Appell jista' jitressaq kontra sentenza li tirrigwarda divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament taż-żwieġ skont id-dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-proċedimenti f'każ ta' appell, jekk l-parti li tappella tħoss li s-sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza kienet ibbażata fuq interpretazzjoni ħażina tal-liġi (eż. il-qorti tal-ewwel istanza tkun applikat inkorrettament dispożizzjoni ġuridika tad-dritt sostantiv jew tad-dritt proċedurali).
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, sentenza dwar divorzju li ssir fi Stat Membru wieħed tkun rikonoxxuta awtomatikament fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea (ħlief fid-Danimarka) mingħajr il-ħtieġa ta' ebda proċedura speċjali.
Biex tikkontesta r-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju, separazzjoni ġudizzjarja jew annullament ta' żwieġ, għandha tiġi indirizzata l-qorti tal-appell tal-Istat Membru kif indikat fil-lista ppubblikata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003.
Fl-Estonja din il-funzjoni taqdiha l-qorti distrettwali.
Il-proċedura u l-iskadenza għal appell minn deċiżjoni tal-qorti tiġi stabbilita fid-deċiżjoni tal-qorti.
Fil-każ ta' divorzju, tapplika l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż fejn jinsab il-post tar-residenza komuni tal-miżżewġin. Jekk il-miżżewġin joqogħdu f'pajjiżi differenti imma għandhom l-istess ċittadinanza, il-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ huma definiti fil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż li huma ċittadini tiegħu. Jekk il-miżżewġin joqogħdu f'pajjiżi differenti u għandhom ċittadinanza differenti, il-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ huma determinati fuq il-bażi tal-liġi tal-pajjiż fejn kellhom l-aħħar residenza komuni, sakemm wieħed mill-miżżewġin ikun għadu joqgħod f'dak il-pajjiż. Jekk fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, il-liġi applikata għall-konsegwenzi ġuridiċi ġenerali taż-żwieġ ma jistgħux jiġu ddeterminati, tapplika l-liġi tal-pajjiż li l-miżżewġin għandhom l-iktar rabta qawwija miegħu fi kwalunkwe mod ieħor.
Jekk id-divorzju mhux permess skont il-liġi msemmija hawn fuq jew hija permessa biss skont kundizzjonijiet stretti ħafna, il-liġi Estonjana tapplika minflok jekk wieħed mill-miżżewġin ikun residenti l-Estonja jew ikollu ċittadinanza Estonjana jew kien residenti l-Estonja jew kellu ċittadinanza Estonjana fil-mument taż-żwieġ.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.