- 1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
- 2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
- 3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
- 4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
- 5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
- 6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
- 7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
- 8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
- 9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
- 10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
- 11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
- 12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
- 13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
- 14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
- 15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
- 16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?
Hemm każ ta' divorzju ekstraġudizzjarju:
- id-divorzju bil-kunsens reċiproku tal-partijiet permezz ta' skrittura privata bil-kontrofirma tal-avukati u depożitata fil-atti ta' nutar pubbliku
Hemm erba' tipi ta' divorzju:
- id-divorzju bonarju,
- id-divorzju bl-aċċettazzjoni tal-prinċipju tat-tkissir taż-żwieġ jew "divorzju aċċettat",
- divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ,
- divorzju minħabba ħtija.
2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?
- Il-konjuġi jistgħu jagħżlu divorzju bonarju permezz ta' skrittura privata bil-kontrofirma ta' avukati iddepożitata fl-atti ta' nutar pubbliku jekk jaqblu dwar ir-raġuni għall-firda u fuq il-konsegwenzi kollha tad-divorzju. Flimkien mal-avukati tagħhom ifasslu ftehim li jiġi ffirmat minnhom it-tnejn u mill-avukati tagħhom wara perjodu ta' riflessjoni. Jekk ikollhom it-tfal, huma għandhom jiġu mgħarrfa bid-dritt li jinstemgħu. Jekk tal-inqas wieħed mill-minuri jitlob li jiġi mismugħ, il-partijiet allura jridu jmorru quddiem il-qorti tal-familja b'talba għal divorzju bonarju ġudizzjarju sabiex ikun jista' jiġi mismugħ il-minuri.
- Id-divorzju bonarju ġudizzjarju jista' jintalab biss jekk minuri jixtieq jiġi mismugħ u jekk il-konjuġi jaqblu dwar ir-raġuni għall-firda kif ukoll dwar il-konsegwenzi kollha tagħha. F'dak il-każ, ma għandhomx għalfejn jindikaw ir-raġuni għad-divorzju iżda jridu jressqu quddiem l-imħallef abbozz ta' ftehim li jirregola l-konsegwenzi kollha tad-divorzju għall-awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni tiġi micħuda mill-imħallef biss jekk ma jiġux imħarsa biżżejjed l-interessi tal-minuri jew ta' xi ħadd mill-konjuġi.
- Id-"divorzju aċċettat" jista' jintalab minn wieħed mil-konjuġi u aċċettat mill-ieħor jew mit-tnejn li huma. Għall-kuntrarju tad-divorzju bonarju, il-konjuġi jaċċettaw il-prinċipju tad-divorzju iżda jkunu għadhom ma kisbux ftehim dwar il-konsegwenzi tiegħu. Għalhekk huwa l-imħallef li jrid jiddeċiedi f'dan ir-rigward.
- Id-divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ jista' jintalab minn wieħed mill-konjuġi sakemm il-koppja tkun ilha ma tgħix flimkien għal sentejn mid-data tal-preżentata tar-rikors għad-divorzju. Dan jippreżumi nuqqas ta' koabitazzjoni u xewqa biex jintemm iż-żwieġ.
- Id-divorzju minħabba ħtija jista' jintalab minn wieħed mill-konjuġi għal atti ħtija tal-konjuġi l-ieħor fejn dawn l-atti jikkostitwixxu ksur serju jew ripetut tad-dmirijiet u obbligi matrimonjali li jrendu l-ħajja flimkien impossibbli.
3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:
3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?
- L-obbligi tal-fedeltà, il-koabitazzjoni u l-assistenza jiġu fi tmiemhom meta' tkun għaddiet res judicata d-deċiżjoni tal-qorti li tilqa' d-divorzju, jiġifieri ma jkunx hemm aktar il-possibiltà ta' appell.
- Kull wieħed mill-konjuġi mbagħad huwa liberu li jerġa jiżżewweġ.
- Wara d-divorzju, kull wieħed mill-konjuġi jitlef id-dritt li juża isem l-ieħor. Madankollu, konjuġi jista' jibqa' juża isem l-ieħor, jew bil-kunsens tiegħu jew bl-awtorizzazzjoni tal-imħallef jekk jista' jressaq argumenti għalfejn huwa partikolarment importanti għalih jew għat-tfal.
3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi
- Id-divorzju jwassal għat-tmiem tar-reġim tal-propjetà matrimonjali, u fejn xieraq, id-diviżjoni tal-assi.
- Id-divorzju ma għandux impatt fuq il-benefiċċji matrimonjali li seħħew matul iż-żwieġ jew fuq assi li ngħataw b'rigal. Għal kuntrarju, id-divorzju jwassal għar-revoka awtomatika tal-benefiċċji matrimonjali li seħħew mat-tmiem tar-reħim tal-propjetà matrimonjali, mal-mewt ta' xi ħadd mill-konjuġi jew fuq trasferimenti causa mortis.
- F'każ ta' divorzju bonarju ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju, l-għoti ta' sentenza ta' divorzju jiddependi mill-ftehim tal-konjuġi dwar il-likwidazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom. F'tipi oħra ta' divorzju, il-konjuġi jistgħu jaqblu dwar dan qabel ma jingħata d-divorzju iżda mhux dan mhux obbligatorju. F'dan il-każ, il-likwidazzjoni sseħħ aktar tard.
3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi
Id-divorzju ma għandux konsegwenzi partikolari fuq ir-regoli dwar l-eżerċizzju tal-patria potestà li, fil-prinċipju, għalhekk tibqa' f'idejn iż-żewġ ġenituri. Madankollu, l-imħallef jista' jiddeċiedi li jafda l-eżerċizzju tal-patria potestà lil ġenitur wieħed biss jekk dan ikun fl-interessi tat-tfal. Kif wieħed jeżerċità l-patria potestà jrid jiġi rregolat (residenza abitwali, dritt ta' aċċess, eċċ...).
Il-ġenituri jridu jibqgħu jikkontribwixxu għall-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal. Dan il-kontribut jieħu l-forma ta' manteniment imħallas minn wieħed mill-ġenituri lill-ieħor iżda jistaż jieħu l-forma ta', kollhu kemm hu jew parzjalment, tal-ħlas dirett tal-ispejjeż tat-tfal. Jista' jieħu wkoll il-forma ta' dritt ta' użu u ta' abitazzjoni.
3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?
Ħu nota: Il-ħlas tal-manteniment minn wieħed mill-konjuġi lill-ieħor huwa miżura temporanja, jiġifieri l-manteniment jitħallas biss sakemm jingħata d-divorzju. Ladarba jkun ingħata d-divorzju, wieħed mill-konjuġi jista' jitlob biss għal ħlas ta' kumpens (‘prestation compensatoire’) jew għad-danni mill-parti l-oħra. Il-manteniment jista' jingħata b'mod bonarju f'każ ta' divorzju bonarju ġudizzjarju jew esktraġudizzjarju u mill-imħallef f'każijiiet oħra.
- L-għan ta' dan il-ħlas huwa biex jagħmel tajjeb għall-inugwaljanza li joħloq it-tkissir taż-żwieġ fl-istandard ta' għajxien tal-konjuġi. L-ammont ta' ħlas jiġi stabbilit mill-imħallef skont l-introjtu u l-bżonnijiet ta' kull konjuġi. Min-natura tiegħu huwa somma ta' flus imħallsa, fil-prinċipju, f'forma ta' kapital:
- jew permezz tal-ħlas ta' somma ta' flus, bi ftehim dwar il-metodu għall-ħlas;
- jew permezz tal-allokazzjoni tal-assi għas-sjieda jew għad-dritt tal-użu, l-abitazzjoni jew l-użufrutt, fuq bażi temporanja jew għal tul il-ħajja.
B'mod eċċezzjonali, l-għajnuna ta' kumpens tista' tieħu wkoll il-forma ta' vitalizju li jista', f'każ ta' tibdil fir-riżorsi jew fil-bżonnijiet tal-konjuġi, jiġi rivedut u mnaqqas.
- Id-danni jistgħu jingħataw lil konjuġi jekk id-divorzju jkollhu konsegwenzi partikolarment serji għalih:
- jekk huwa kien il-konvenut f'kawża ta' divorzju li ngħata minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ u ma kienx hu li ressaq ir-rikors għad-divorzju,
- jew fejn id-divorzju jingħata kontra l-konjuġi l-ieħor għaliex il-ħtija tkun kollha tiegħu.
(Ara ‘Talbiet għall-manteniment - Franza’.)
4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?
Is-separazzjoni legali hija arranġament legali li jtemm ċerti obbligi matrimonjali, bħal pereżempju l-obbligu tal-koabitazzjoni, iżda li ma jħollx iż-żwieġ innifsu. Iż-żwieġ għat-tieni darba għalhekk mhux possibbli u jibqa' d-dmir tal-għajnuna.
5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?
- Il-każijiet u l-proċedura huma l-istess bħal tad-divorzju ġudizzjarju iżda ma tistax issir b'mod bonarju ekstraġudizzjarju.
- Fil-prinċipju, il-konjuġi li kontrih infetħet kawża għas-separazzjoni jista' jippreżenta kontro talba għad-divorzju jew separazzjoni legali u, viċe versa, il-konjuġi li kontrih infetħet kawża għad-divorzju jista' jiftaħ kawża għad-divorzju jew separazzjoni legali.
- Fil-każ ta' divorzju minħabba t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ, ma tistax issir kontro talba għas-separazzjoni legali, iżda biss għad-divorzju.
- Meta' t-talba għad-divorzju u rikors għas-separazzjoni legali jsiru fl-istess ħin, l-imħallef l-ewwel jisma' t-talba għad-divorzju. Huwa biss jekk l-imħallef jiddeċiedi li ma' jilqax it-talba għad-divorzju illi mbagħad jgħaddi biex jeżamina r-rikors għas-separazzjoni legali. Meta' ż-żewġ talbiet jkunu bbażati fuq il-ħtija, l-imħallef jikkunsidrahom flimkien u, jekk jaċċettahom, jilqa' t-talba għad-divorzju fuq il-bażi ta' ħtija konġunta.
6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?
L-effetti tas-separazzjoni legali.
- Is-separazzjoni legali ġġib fi tmiemu l-obbligu tal-koabitazzjoni għalkemm jibqgħu fis-seħħ l-obbligi tal-għajnuna, il-fedeltà u l-assistenza. Barra minn hekk, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-imħallef, il-mara tista' tkompli tuża kunjom żewġha. L-obbligu tal-għajnuna jfisser illi wieħed mill-konjuġi jista' jkollu jħallas manteniment lill-ieħor jekk ikun fil-bżonn. L-ammont ta' dan il-manteniment huwa stabbilit irrispettivament mill-ħtija sakemm il-konjuġi li qed jirċievi l-ħlas ma jkunx naqas serjament milli jissodisfa l-obbligi tiegħu matul iż-żwieġ. Il-manteniment jista' jiġi mibdul minn somma ta' kapital jekk l-assi tal-konjuġi li jrid iħallas hekk jippermettu.
- Fir-rigward tal-assi, il-konsegwenzi tas-sentenza huma l-ħall u l-likwidazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali, bħal f'każ ta' divorzju.
- F'każ ta' mewt ta' wieħed mill-konjuġi, id-drittijiet ta' suċċessjoni tal-ieħor jibqgħu l-istess u jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ġuridiċi stabbiliti għall-konjuġi superstiti. Madankollu, f'separazzjoni legali bonarju ġudizzjarja, il-konjuġi jistgħu jiddeċiedu li jinkludu rinunzja tad-drittijiet ta' suċċessjoni fil-ftehim.
Konverżjoni ta' separazzjoni legali f’divorzju
Fuq talba ta' wieħed mill-konjuġi, sentenza mogħtija f'separazzjoni legali tista' tiġi konvertita f'sentenza ta' divorzju jekk is-separazzjoni legali damet sentejn. F’dan il-każ, l-imħallef jilqa' t-talba għad-divorzju u jiddeċiedi dwar il-konsegwenzi tiegħu. I-raġunijiet għas-separazzjoni legali jsiru r-raġunijiet għad-divorzju. L-għoti tal-ħtija ma jistax jinbidel.
Kull kawża ta' separazzjoni legali tista' tinbidel f'kawża ta' divorzju bonarju, fuq talba taż-żewġ partijiet. Madankollu, fejn it-talba għas-separazzjoni legali bonarja ġudizzjarja tiġi milqugħa, tista' tiġi konvertita f'divorzju biss b'mod bonarju.
7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?
L-annullament taż-żwieġ, li jippreżumi sentenza, jannulla b'mod retroattiv l-effetti kollha taż-żwieġ, daqslikieku qatt ma eżista.
Dan huwa differenti mid-divorzju jew mis-separazzjoni legali, għaliex l-effetti tagħhom jinħassu biss fil-futur.
8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?
Ir-raġunijiet għall-annullament taż-żwieġ huma varji, skont jekk huwiex żwieġ annullabbli (fejn il-kunsens ikun vizzjat jew jiġi mqajjem in-nuqqas ta' awtorizzazzjoni tal-persuni li kellhom jawtorizzaw iż-żwieġ) jew żwieġ null (fejn ma jkunx ġie ssodisfat ir-rekwiżit tal-ordni pubbliku).
Żwieġ annullabbli
Hemm tliet każijiet possibbli:
- kien hemm żball dwar il-persuna, jew dwar il-kwalitajiet essenzjali tagħha
- il-koerċizzjoni
- ma nkisbitx, mingħand il-persuni li mingħandhom hija neċessarja, l-awtorizzazzjoni għaż-żwieġ.
Ir-rikors għall-annullament jista' jsir biss minn ċerti persuni: il-konjuġi li l-kunsens tagħhom kien vizzjat jew li kien legalment inkapaċi meta' ġie ċċelebrat iż-żwieġ u l-persuni li suppost taw il-kunsens tagħhom għaż-żwieġ jew il-Prosekutur Pubbliku.
Rikors għall-annullament huwa ammissibbli biss jekk isir fi żmien ħames snin mid-data tat-tieġ (terminu ta' ħames snin mid-data li fiha l-parti kkonċernata jkollha l-età rikjesta biex tagħti l-kunsens tagħha għaż-żwieġ.
Żwieġ null
In-nuqqas totali tal-kunsens, żwieġ ma' minuri, il-bigamija, l-inċest, in-nuqqas ta' wieħed mill-konjuġi dakinhar tat-tieġ, l-inkompetenza tar-reġistratur u żwieġ klandestin.
Ir-rikors jista' jsir minn kull persuna li għandha interess fit-teħid ta' azzjoni jew mill-Prosekutur Pubbliku, fi żmien tletin sena li jibdew jgħoddu mill-jum taċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ (terminu ta' ħames snin li jibda jgħodd mid-data li fiha l-parti kkonċernata jkollha l-età rikjesta biex tagħti l-kunsens tagħha għaż-żwieġ).
9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?
L-effetti huma identiċi f'każ ta' żwieġ annullabli jew null.
- L-effetti personali u finanzjarji taż-żwieġ jiġu nulli, għaliex ir-rabta taż-żwieġ titqies li qatt ma eżistiet. Pereżempju, jekk imut wieħed mill-konjuġi, l-annullament taż-żwieġ jiċħad lill-konjuġi l-ieħor mid-drittijiet ta' suċċessjoni.
Madankollu, dan il-prinċipju jista' jiġi mitigat jekk wieħed jew iż-żewġ konjuġi aġixxew in bona fide matul iż-żwieġ. F'dan il-każ, iż-żwieġ putattiv jibqa' null u bla effett iżda jiġi meqjus bħala maħlul. B'hekk, l-effetti ċivili, personali u finanzjarji qabel l-għoti tal-annullament jibqgħu fis-seħħ.
- Fir-rigward tat-tfal, l-annullament taż-żwieġ tal-ġenituri tagħhom ma għandux effetti legali u s-sitwazzjoni tagħhom tiġi trattata bħal f'każijiet ta' divorzju.
10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?
Id-divorzju u l-konsegwenzi tiegħu jistgħu jiġu deċiżi matul il-proċedimenti tad-divorzju bonarju esktraġudizzjarju li jfisser l-intervent ta' żewġ avukati u ta' nutar iżda mhux ta' mħallef ħlief f'każ fejn minuri jixtieq jiġi mismugħ.
F'każijiet oħra, l-intervent ta' mħallef huwa obbligatorju iżda l-partijiet jistgħu imorru għal medjazzjoni tal-familja qabel imorru quddiem imħallef jew waqt li għaddejjin bil-medjazzjoni.
L-imħallef jista' wkoll jipproponi l-medjazzjoni. Dina tiġi fdata f'idejn persuna fiżika jew lill-assoċjazzjoni li huma responsabbli għas-smigħ tal-partijiet, li jqisu l-fehmiet tagħhom u jgħinuhom isibu soluzzjoni għat-tilwima tagħhom.
Wara l-medjazzjoni, l-partijiet li jkunu laħqu ftehim jistgħu jissottomettu l-ftehim tagħhom lill-imħallef għall-approvazzjoni jew jagħżlu l-proċedura ta' divorzju bonarju ekstraġudizzjarju.
11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?
Fejn nippreżenta r-rikors tiegħi
- Ir-rikors għad-divorzju ġudizzjarju jew għas-separazzjoni personali
Dawn ir-rikorsi jieħdu l-forma ta' talba ppreżentata minn avukat lir-reġistru tal-qorti reġjonali (‘Tribunal de grande instance’).
Il-qorti b'ġurisdizzjoni territorjali hija:
- il-qorti tal-post ta' residenza tal-familja;
- jekk il-konjuġi ma jgħixux flimkien u għandhom is-setgħa tal-ġenituri, il-qorti tal-post ta' residenza tal-konjuġi li miegħu jgħixu t-tfal minuri;
- jekk il-konjuġi ma jgħixux flimkien u s-setgħa tal-ġenituri hija eżerċitata minn wieħed minnhom biss, il-qorti tal-post ta' residenza ta' dak il-ġenitur;
- f'każijiet oħra, il-qorti tal-post ta' residenza tal-konjuġi li ma ppreżentax ir-rikors;
- fil-każ ta' rikors konġunt, skont l-għażla tal-konjuġi, il-qorti tal-post ta' residenza ta' xi ħadd minnhom.
Rikors għall-annullament
- It-talba għal annullament taż-żwieġ trid issir lill-qorti reġjonali tal-post ta' residenza tal-konvenut. It-talba ssir permezz ta' ċitazzjoni nnotifikata mill-bailiff.
- Id-divorzju bonarju permezz ta' skrittura privata kontro firmata mill-avukati. Il-ftehim iffirmat mill-partijiet u mill-avukati tagħhom jrid jiġi ddepożitat fl-arkivji ta' nutar prattikant fi Franza.
Id-dokumenti li jridu jiġu fornuti
- Ir-rikors għad-divorzju ġudizzjarju jew għas-separazzjoni personali
Fil-kawżi kollha għad-divorzju, il-konjuġi jridu jipprovdu l-informazzjoni neċessarja kollha biex jidentifikaw ruħhom u l-fond tal-assigurazzjoni medika tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar is-servizzi u l-organizzazzjonijiet li jipprovdulhom b'pagamenti, pensjonijiet u benefiċċji oħra.
Fejn issir talba għall-għajnuna kumpensatorja lill-imħallef, il-konjuġi jridu jipprovdu dikjarazzjoni li tiċċertifika b'ġurament il-korrettezza tal-introjtu, riżorsi, assi u kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom.
F'każ ta' divorzju bonarju ġudizzjarju, it-talba mhemmx għalfejn tindika r-raġunijiet għad-divorzju iżda trid tinkludi ftehim anness, iddatat u ffirmat mill-konjuġi u mill-avukati tagħhom, fejn jifthemu dwar l-effetti kollha tad-divorzju u li jinkludi, fejn xieraq, dikjarazzjoni dwar il-likwidazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali (‘état liquidatif du régime matrimonial’).
F'każijiet oħra, ir-rikors ma għandux għalfejn isemmi l-bażi ġuridika jew ir-raġunijiet għad-divorzju iżda jrid jinkludi, fejn xieraq, it-talbiet għall-miżuri provviżorji.
- Rikors għall-annullament
Mhuma meħtieġa l-ebda dokumenti partikolari, iżda r-rikorrent irid jippreżenta d-dokumenti li jistgħu jippruvaw li r-raġuni jew raġunijiet imqajjma jistgħu jwasslu għall-annullament taż-żwieġ.
12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?
L-għajnuna legali, kemm jekk sħiħa jew parzjali, tista' tinkiseb skont il-mezzi finanzjarji tal-persuna konċernata (Ara "Għajnuna Legali - Franza").
13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?
Dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjarji huma soġġetti għall-proċeduri normali ta' appell.
14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?
Id-deċiżjonijiet mogħtija matul proċedimenti ta' divorzju jiġu rikonoxxuti awtomatikament mingħajr il-bżonn ta' xi proċedura partikolari.
Dan huwa l-każ ukoll għad-deċiżjonijiet mogħtija fil-qasam tal-annullament taż-żwieġ.
15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?
Għal appell kontra r-rikonoxximent ta' dawn id-deċiżjonijiet, trid tiġi preżentata kawża sabiex is-sentenza tiġi ddikjarata mhux eżegwibbli (‘action en inopposabilité’) permezz tal-qorti reġjonali. Deċiżjoni ta' non eżegwibilità tipprovdi l-bażi sabiex tiġi opposta kull talba ulterjuri għall-exequatur mill-parti l-oħra (pereżempju talba sabiex id-deċiżjoni ta' Stat ieħor tiġi ddikjarata eżegwibbli fi Franza). Inkella, iċ-ċaħda hija ekwivalenti għall-exequatur.
Il-proċedura hija l-istess bħal dik għal kawża ta' exequatur.
16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?
Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali, il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għad-divorzju jew għas-separazzjoni legali tagħhom.
Fin-nuqqas ta' għażla, id-divorzju jew is-separazzjoni legali huma soġġetti għal-liġi tal-Istat:
- fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwali fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew fin-nuqqas ta' dan,
- fejn il-konjuġi kienu residenti abitwali l-aħħar, sakemm il-perijodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel li nġieb il-każ quddiem il-Qorti, sa fejn wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fiż-żmien meta jinġieb il- każ quddiem il-qorti; jew fin-nuqqas ta' dan,
- li tiegħu ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fiż-żmien li jinġieb il-każ quddiem il-Qorti; jew fin-nuqqas ta' dan,
- fejn jinġieb il-każ quddiem il-Qorti.
Madankollu, jekk ir-rikors jikkonċerna l-konverżjoni tas-separazzjoni legali f’divorzju, il-liġi applikabbli għad-divorzju għandha tkun il-liġi applikata għas-separazzjoni legali, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor.
Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għall-miżżewwġin f'każ ta' divorzju bonarju permezz ta' skrittura privata bil-kontrofirma tal-avukati u ddepożitata għand nutar; il-miżżewwġin ma jistgħux madankollu jużaw il-kunċett ta' "liġi tal-pajjiż" għaliex l-ebda qorti ma tiġi invokata.
Ħoloq relatati
Is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.