

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-konjuġi jagħmel talba bil-miktub (petition) lill-qorti kompetenti. Ir-rikorsi għad-divorzju jiġu ttrattati mill-Qorti Suprema (Supreme Court) u l-konjuġi jridu jressqu l-każ tagħhom quddiem dik il-qorti għad-divorzju tagħhom. Ir-rikorrent irid jipprova li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment u għandu jipprovdi evidenza ta’ wieħed mill-ħames fatti elenkati hawn taħt.
Ebda rikors għal divorzju ma jista’ jiġi ppreżentat fi żmien sentejn mid-data taż-żwieġ. L-uniċi eċċezzjonijiet għal din ir-regola huma meta r-rikorrent ikun sofra tbatija eċċezzjonali, jew il-konvenut ikun wera tħassir morali eċċezzjonali, jew fejn ir-rikorrent kellu anqas minn 16-il sena fid-data taż-żwieġ.
L-unika raġuni għal divorzju huwa t-tkissir irrimedjabbli taż-żwieġ. Sabiex jiġi pprovat li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, huwa meħtieġ li titressaq evidenza ta’ wieħed jew aktar “fatti” konjugali.
Il-qorti tivverifika sa fejn huwa possibbli l-fatti allegati mir-rikorrent (petizzjonant) u kull fatt allegat mill-konjuġi l-ieħor (intimat). Jekk il-qorti tkun konvinta dwar l-evidenza li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, jingħata digriet ta’ divorzju minn imħallef tal-Qorti Suprema, sakemm il-qorti tkun sodisfatta bl-arranġamenti rigward it-tfal tal-partijiet li jkunu qegħdin jiddivorzjaw.
Jekk il-qorti tkun sodisfatta li ż-żwieġ tkisser irrimedjabbilment, hija l-ewwel tagħti “decree nisi” (digriet ta’ divorzju proviżorju). Wara perjodu ta’ sitt ġimgħat tista’ issir talba mill-parti li talbet id-divorzju, sabiex tikseb deċiżjoni finali ta' divorzju (decree absolute). Ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ma hemm l-ebda terminu perentorju għal rikors biex digriet isir assolut (finali).
Madankollu, jekk it-talba ta’ deċiżjoni finali ssir aktar minn 12-il xahar wara d-decree nisi, il-parti attriċi tkun meħtieġa tippreżenta magħha spjegazzjoni bil-miktub:
L-imħallef jista’ jitlob lill-parti attriċi sabiex tippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata li tattesta l-ispjegazzjoni li hija tkun tat, u jista’ jagħti kull ordni dwar ir-rikors kif jidhirlu xieraq.
Iż-żwieġ jinħall b’tali mod li ma hemm l-ebda dmir ieħor ta' koabitazzjoni jew ta' tkomplija ta' kull relazzjoni personali ulterjuri sakemm il-partijiet ma jkunux jixtiequ dan. Il-partijiet huma liberi li jerġgħu jiżżewġu jekk ikunu jixtiequ. Huma jistgħu jagħżlu li jżommu kunjomhom ta' miżżewġin jew jerġgħu lura għal kunjomhom ta' qabel iż-żwieġ jekk jixtiequ.
Dan jiġi ddeterminat mill-qorti fis-smigħ tal-fatti ta’ kull każ. Anki meta jkun hemm ftehim bejn il-partijiet, il-qorti għandha s-setgħa b’mod ġenerali li tapprovah jew li temendah.
Jew qabel jew wara li l-Qorti Suprema tagħti d-deċiżjoni finali, hija għandha s-setgħa li tiddeċiedi dwar il-kustodja, il-manteniment u l-edukazzjoni tat-tfal taż-żwieġ jew anki tordna li jinbdew il-proċedimenti biex it-tfal jitqiegħdu taħt il-protezzjoni tal-Qorti. Il-Qorti Suprema ma tistax tagħti deċiżjoni definittiva ta’ divorzju sakemm ma tkunx issodisfatta li jkunu saru arranġamenti sodisfaċenti għat-tfal.
Fuq l-għoti ta' decree nisi għad-divorzju jew f'kull ħin sussegwenti, il-Qorti Suprema għandha s-setgħa li tordna li r-raġel iħallas lil martu, matul il-ħajja komuni tagħhom, tali somma kull xahar jew kull ġimgħa għall-manteniment u appoġġ tal-mara kif il-Qorti jidhrilha xieraq. L-intitolament tal-mara għal manteniment jieqaf ladarba hija terġa' tiżżewweġ iżda kull manteniment għat-tfal ta’ żwieġ ma jiġix affettwat minn żwieġ mill-ġdid tal-omm.
Skont il-liġi ta’ Ġibiltà, is-separazzjoni legali hija riferuta bħala “separazzjoni ġudizzjarja”. Meta jingħata tali ordni, ir-rikorrent ikun liberu li ma jgħixx aktar taħt l-istess saqaf bħall-konjuġi tiegħu. Madankollu, huwa ma jkunx jista' jerġa’ jiżżewweġ. Fil-fatt, is-separazzjoni ġudizzjarja hija għażla għal konjuġi li ż-żwieġ tagħhom tkisser iżda li ma jixtiqux jerġgħu jiżżewġu. Rikorrent għal separazzjoni ġudizzjarja mhuwiex obbligat jipprova li ż-żwieġ tiegħu jkun tkisser b’mod irrimedjabbli. Huwa possibbli li ssir talba għal ordni ta' divorzju wara li jingħata ordni ta’ separazzjoni ġudizzjarja.
Ir-rikorrent għandu jipprovdi evidenza ta’ wieħed jew aktar mill-fatti meħtieġa biex jiġi ppruvat ix-xoljiment taż-żwieġ, u, għall-kuntrarju għat-talba ta' divorzju, ma għandux għalfejn jistenna tliet snin mid-data taż-żwieġ biex jibda l-proċeduri.
Jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut mingħajr ma tkun għamlet testment, il-proprjetà tagħha titqassam abbażi tar-regoli ta’ suċċessjoni ab intestato u deċiżjoni għal separazzjoni ġudizzjarja għandha l-istess effett bħal divorzju. Għalhekk, ebda konjuġi ma jkollu sussegwentement dritt ta’ proprjetà tal-parti ab intestato. Madankollu, jekk parti f'separazzjoni ġudizzjarja tmut wara li tkun għamlet testment, is-separazzjoni ġudizzjarja ma jkollhiex effett fuq l-intitolament abbażi ta' dak it-testment meta, pereżempju, il-parti superstiti li tkun separata b'ordni tal-qorti tiġi nnominata bħala benefiċjarja abbażi ta' dak it-testment.
Fir-rigward tat-tqassim tal-beni, id-dispożizzjonijiet applikabbli għal divorzju jgħoddu wkoll għal separazzjoni ġudizzjarja.
Hemm żewġ forom ta’ annullament taż-żwieġ. Iż-żwieġ jista’ jiġi ddikjarat “null”, li jfisser li ż-żwieġ qatt ma kien validu u qatt ma eżista. F'ċerti ċirkustanzi, iż-żwieġ jista’ ikun “annullat”, li tfisser li wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob sabiex iż-żwieġ jiġi ddikjarat bħala invalidu. Huwa possibbli li ż-żwieġ ikompli jekk iż-żewġ konjuġi jkunu kuntenti b'dan.
Żwieġ ikun null u invalidu jekk:
Żwieġ huwa vvizzjat b'nullità relattiva meta:
Ladarba tiġi ddikjarata n-nullità ta’ żwieġ, dan ikun null u bla effett. Madankollu, meta jkun hemm xi tfal minn dan iż-żwieġ, il-Qorti Suprema trid tkun issodisfata li jkunu saru arranġamenti xierqa. Jista' jsir provvediment għall-ħlas ta’ manteniment u għall-kustodja / manteniment tat-tfal.
Il-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà biss hija kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar id-divorzju. Madankollu, tista' tinkiseb xi assistenza soċjali permezz ta’ konsulenzi matrimonjali.
Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar.
It-talba ssir permezz ta’ rikors u għandha tkun sostnuta permezz ta' evidenza ġuramentata, inkluż kopja taċ-ċertifikat taż-żwieġ, kopji taċ-ċertifikati tat-twelid tat-tfal, u mir-raġunijiet għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament. Għandha ssir referenza wkoll għat-tfal taż-żwieġ u ċ-ċirkustanzi finanzjarji tar-rikorrent. Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar, telefown (+ 350) 200 75608.
L-għajnuna legali tista’ tinkiseb jekk il-kriterji rilevanti ta’ dħul jiġu sodisfatti. Il-formularji u aktar dettalji huma disponibbli mir-Reġistru tal-Qorti Suprema: Supreme Court Registry, 277 Main Street, Gibraltar.
Ir-revoka ta’ deċiżjoni ta’ divorzju jew annullament tista’ ssir f’kull ħin qabel ma d-deċiżjoni ssir definittiva. F’każ ta’ separazzjoni ġudizzjarja, f’ċerti ċirkustanzi, id-deċiżjoni tista’ tiġi annullata f'kull ħin wara l-għoti tagħha. L-ordnijiet dwar il-manteniment u l-kustodja u l-manteniment tat-tfal jistgħu jiġu riveduti wara li d-deċiżjoni ssir definittiva.
Ir-Regolament KE tal-Unjoni Ewropea Nru 2201/2003 jipprovdi li deċiżjoni li twassal għal divorzju, separazzjoni legali (separazzjoni ġudizzjarja) jew annullament ta’ żwieġ mogħtija fi Stat Membru wieħed tkun tista' tiġi rikonoxxuta fi Stati Membri oħra. Id-dokumenti meħtieġa jistgħu jinkisbu mill-qorti li ħarġet l-ordni u għandhom jitressqu quddiem il-Qorti Suprema.
Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-kwistjonijiet ta’ tort, il-konsegwenzi tal-proprjetà fiż-żwieġ, il-manteniment jew xi kwistjonijiet anċillari oħra. Għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti kkonċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġuriżdizzjoni.
Ir-rikonoxximent jista’ jiġi rrifjutat jekk id-deċiżjoni tkun kuntrarja għall-ordni pubbliku, meta tingħata b’kontumaċja, jekk il-konvenut ma jkunx ġie notifikat b’dokumenti rilevanti fi żmien suffiċjenti, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi proċedimenti bejn l-istess partijiet f’Ġibiltà, jew jekk tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti f’pajjiż ieħor, sakemm is-sentenza preċedenti tista' tiġi rikonoxxuta f’Ġibiltà.
Kull parti interessata tista' titlob għal deċiżjoni ta' rikonoxximent jew ta' nonrikonoxximent tas-sentenza. Il-Qorti Suprema tista’ tissospendi l-proċedimenti jekk ikun ġie preżentat appell mis-sentenza li tagħha qiegħed jintalab ir-rikonoxximent.
Jekk id-deċiżjoni ma tistax tiġi rikonoxxuta skont dan ir-Regolament l-arranġamenti għar-rikonoxximent ta’ divorzji miksuba barra mill-pajjiż huma previsti fl-Att dwar il-Kawżi Matrimonjali (Matrimonial Causes Act). Dan jipprovdi li:
Il-validità ta' divorzju jew separazzjoni legali miksuba barra mill-pajjiż permezz ta' proċedimenti ġudizzjarji għandha tkun rikonoxxuta jekk:
Id-divorzji u s-separazzjonijiet legali f’pajjiżi oħra jkunu rikonoxxuti mil-liġi ta’ Ġibiltà jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Jekk issir oġġezzjoni għar-rikonoxximent ta’ tali divorzju/separazzjoni legali, jista’ jkun minħabba li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Att dwar il-Kawżi Matrimonjali ma tkunx ġiet sodisfatta. Fit-tali każ, jista’ jkun xieraq li ssir talba lill-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà sabiex tinkiseb dikjarazzjoni li tikkonstata l-invalidità ta' divorzju / separazzjoni legali partikolari miksuba f’pajjiż ieħor.
Il-qrati f’Ġibiltà dejjem japplikaw il-liġi f’Ġibiltà għall-kawżi mressqa quddiemhom. Il-qrati jkollhom ġuriżdizzjoni biex jittrattaw każijiet ta' divorzju, anki jekk iż-żwieġ ikun sar barra mill-pajjiż, jekk xi waħda mill-partijiet fiż-żwieġ:
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.