

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-liġi tistabbilixxi r-rekwiżiti ġuridiċi għad-divorzju (ara t-Taqsima 2). Il-qorti trid taċċerta ruħha li ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha għas-sentenza ta’ divorzju.
Din il-verifika trid issir anki f’każ ta’ rikors kunġunt ta’ divorzju; il-ftehim tal-partijiet fih innifsu mhux raġuni għad-divorzju - fir-realtà, għalhekk ma hemmx divorzju proprjament konġunt fl-Italja: Il-qorti trid dejjem tistabbilixxi l-fatti mir-rikors qabel tawtorizza d-divorzju.
Jekk iż-żwieġ ġie ċċelebrat skont ir-rekwiżiti tal-Kodiċi Ċivili, id-divorzju jħollu, u jekk iż-żwieġ sar bil-Knisja u ġie rreġistrat fir-reġistru pubbliku tat-twelid, taż-żwieġ u l-mewt, id-divorzju jġib fi tmiemhom l-effetti ċivili. Il-prosekutur pubbliku jieħu sehem f’dawn il-proċedimenti.
Sorsi: L-Att Nru 898 tal-1 ta’ Diċembru 1970, kif emendat mill-Att Nru 436 tal-1 ta’ Awwissu 1978 u mill-Att Nru 55 tas-6 ta’ Mejju 2015.
Kull wieħed mill-konjuġi jista’ jitlob għad-divorzju għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:
1) meta l-konjuġi l-ieħor, wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ, jiġi kkundannat, b’sentenza li għaliha ma jkunx sar appell, għal reat partikolarment serju, kemm jekk kommess qabel jew wara ż-żwieġ, jiġifieri:
2) f’każijiet fejn:
- il-konjuġi l-ieħor ġie liberat mill-akkuża ta’ reati ta’ inċest jew abbuż sesswali msemmija fil-punt 1(b) u (c), jekk il-qorti hija tal-fehma li l-konvenut mhux f’pożizzjoni li jkompli jew imur lura jgħix mal-familja tiegħu;
- Il-koppja ilha legalment separata, kemm bi ftehim reċipriku jew fuy rikors ta’ waħda mill-partijiet, għal perjodu kontinwu ta
- il-proċediment kriminali għal wieħed mir-reati msemmija fil-punt 1(b) u (c) twaqqaf għaliex ir-reat kien preskritt, iżda l-qorti li qed tisma’ d-divorzju tistabbilixxi li r-reat fih innifsu xorta kien jagħti lok għal responsabbiltà kriminali;
- il-proċediment kriminali għar-reat ta’ inċest ikkonkluda li ma kienx hemm responsabbiltà kriminali għaliex ir-reat ma’ ħoloqx “skandlu pubbliku”;
- il-konjuġi l-ieħor li huwa ċittadin barrani ġab l-annullament jew il-ħall taż-żwieġ f’pajjiż ieħor jew reġa’ żżewweġ f’post barrani;
- iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat;
- wieħed mill-konjuġi biddel is-sess b’mod uffiċjali: f’dan il-każ it-talba għad-divorzju tista’ titressaq jew mill-konjuġi li biddel is-sess jew mill-konjuġi l-ieħor;
Għalhekk fil-qosor, minbarra l-każijiet ta’ liġi kriminali (li jinkludu, minbarra l-kundanni għal reati serji, każijiet fejn il-persuna tiġi liberata minħabba nuqqas ta’ kapaċità ġuridika, każijiet fejn ir-reat ikun preskritt, u f’każ ta’ inċest meta r-rekwiżit oġġettiv għar-responsabbiltà kriminali jkun nieqes), ir-raġunijiet li għalihom jista’ jintalab id-divorzju huma; Is-separazzjoni legali; l-annullament, il-ħall taż-żwieġ jew żwieġ ġdid tal-konjuġi l-ieħor iċċelebrat barra l-pajjiż; iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat; U l-bidla fil-ġeneru.
L-għoti ta’ sentenza ta’ divorzju tfisser li:
L-ewwel nett, ir-rabta taż-żwieġ tinħall: kull parti terġa’ tmur lura għall-istatus ta’ xebba/ġuvni u għandha dritt terġa’ tiżżewweġ.
Il-mara titlef kunjom żewġha jekk tkun żiditu ma’ kunjomha ta’ xebba; madankollu l-qorti tista’ tawtorizza lill-mara, b’talba tagħha biex iżżomm kunjom żewġha flimkien ma’ kunjomha ta’ xebba, fejn dan ikun fl-interess tagħha jew tat-tfal għal raġunijiet li jistħoqqilhom protezzjoni.
Id-divorzju ma jħollx l-irbit bl-affinità u b’mod partikolari ma jneħħix l-impediment ta’ żwieġ kostitwit miż-żwieġ fil-linja diretta (It-Taqsima 87(4) tal-Kodiċi Ċivili).
Il-konjuġi barranin ma jitilfux iċ-ċittadinanza li jkunu kisbu biż-żwieġ.
Id-divorzju jħoll il-komunjoni tal-akkwisti (comunione legale, stabbilita bil-liġi (li tinkludi l-akkwisti kollha li jkunu saru mill-konjuġi flimkien jew separatament matul iż-żwieġ, minbarra l-oġġetti personali mniżżla fit-Taqsima 179 tal-Kodiċi Ċivili) kif ukoll kull fond li jkun ġie mwaqqaf għall-bżonnijiet tal-familja (fondo patrimoniale). Madankollu dan il-fond jibqa’ jeżisti sakemm it-tfal ikunu laħħqu l-età adulta. Id-divorzju ma jaffettwax il-proprjetà konġunta regolata minn ftehim ieħor (comunione ordinaria, pereżempju, għal akkwisti li jkunu saru qabel iż-żwieġ pro rata, jew matul iż-żwieġ fi żmien meta kien ġie miftiehem li l-proprjetà tal-miżżewwġin tibqa’ separata (separazione dei beni)): ir-rabta fir-rigward tal-proprjetà konġunta ta’ dan it-tip tista’ tinħall b’talba ta’ wieħed mill-konjuġi.
Ġenitur li jgħix mat-tifel minuri jista’ jingħata d-dritt li jibqa’ jgħix fid-dar matrimonjali jekk ikun fl-interess tal-minuri li jibqa’ jgħix f’dik id-dar.
Il-qorti li tordna d-divorzju tagħti kustodja konġunta tat-tfal minuri; il-kustodja lil ġenitur wieħed esklussivament isseħħ f’każijiet eċċezzjonali; Il-qorti tistabbilixxi r-regoli dwar iż-żmien li jistgħu iqattgħu it-tfal minuri mal-ġenitur li ma jgħix magħhom. Hija tagħti struzzjonijet dwar l-amministrazzjoni tal-propjetà tat-tfal u tistabbilixxi kontribuzzjoni fix-xahar għall-manteniment tat-tfal li titħallas lill-ġenitur li jgħix magħhom.
Meta tordna d-divorzju, l-qorti, b’talba ta’ waħda mill-partijiet, tordna li jsir ħlas regolari ta’ manteniment lill-parti li ma jkollhiex biżżejjed mezzi ta’ għajxien jew li mhix kapaċi tipprovdi għaliha nnfisha għal raġunijiet oġġettivi. L-obbligu ta’ ħlas ta’ manteniment jieqaf jekk il-benefiċjarju jerġa’ jiżżewweġ. Jekk il-partijiet jaqblu, il-ħlas tal-manteniment jista’ jsir ukoll f’darba bit-trasferiment tad-drittijiet fuq il-proprjetà lill-konjuġi benefiċjarju (għal aktar informazzjoni ara: “Talbiet għall-Manteniment – l-Italja”).
Il-konjuġi li jonqos li jħallas il-manteniment f’każ ta’ separazzjoni jew wara d-divorzju jkun ħati ta’ reat ta’ ksur tal-obbligu tal-għajnuna lill-familja (l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Kriminali).
Hemm effetti oħra. Il-konjuġi li huwa divorzjat iżda li ma reġax iżżewweġ u li għandu dritt għall-manteniment għandu dritt ukoll għal sehem minn kull ħlas minħabba t-terminazzjoni tal-impjieg li jsir lill-konjuġi l-ieħor. F’każ tal-mewt tal-eks konjuġi, il-konjuġi superstiti għandu dritt jirċievi l-pensjoni tad-decujus, jew li jaqsam din il-pensjoni ma’ kull konjuġi superstiti ieħor, u li jirċievi ħlas mill-wirt tad-decujus, jekk ikun f’qagħda finanzjarja diffiċli. Il-liġi tipprovdi wkoll li konjuġi li għandu dritt għall-manteniment għandu dritt għall-iskrizzjoni ta’ ipoteka ġudizzjarja jew li jitlob is-sekwestru tal-assi tal-konjuġi li jrid iħallas il-manteniment.
Is-separazzjoni personali tfisser li l-liġi ma teħtiġx aktar li jkun hemm il-koabitazzjoni. Is-separazzjoni de facto waħedha ma għandhiex effetti (ħlief f’sitwazzjonijiet li seħħew qabel l-Att ta’ Riforma Nru 151 tal- 1975).
Is-separazzjoni personali ma tħollx ir-relazzjoni matrimonjali iżda ddgħajjifha.
Is-separazzjoni personali tista’ sseħħ b’ordni tal-qorti jew b’mod bonarju.
Sorsi: Ir-regoli sostantivi qiegħdin fil-Kodiċi Ċivili (l-Artikoli 150 et seq.; dwar kwistjonijiet rigward is-suċċessjoni ara l-Artikoli 548 u 585).
Is-separazzjoni personali - jiġifieri s-separazzjoni personali bil-qorti - teħtieġ il-prova li l-konjuġi ma jistgħux jibqgħu jgħixu flimkien.
Meta din il-kundizzjoni tkun issodisfata, il-qorti tordna s-separazzjoni, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, anki kontra x-xewqat tal-parti l-oħra.
F’każijiet eċċezzjonali, il-qorti tista’ issib ukoll li waħda mill-partijiet kienet ħatja tas-separazzjoni: dan għandu konsegwenzi għall-għoti ta’ manteniment waqt is-separazzjoni u wara d-divorzju, u fir-rigward ta’ drittijiet ta’ suċċessjoni. Il-prosekutur pubbliku irid jieħu sehem f’dawn il-proċedimenti.
Is-separazzjoni personali bonarja hija bbażata fuq ftehim bejn il-konjuġi, iżda ssir effettiva biss wara l-approvazzjoni tal-qorti, li hija responsabbli biex tara li l-ftehim milħuq mill-konjuġi jkun fl-interessi superjuri tal-familja. B’mod partikolari, fejn il-ftehim dwar il-kustodja u l-manteniment tat-tfal ma jkunx fl-interessi tat-tfal stess, il-qorti terġa’ ssejjaħ lill-partijiet u titlobhom ibiddlu l-ftehim. Jekk il-partijiet ma jagħmlux dan, il-qorti tista’ tirrifjuta li tawtorizza s-separazzjoni.
Ir-relazzjonijiet personali: is-separazzjoni personali (kemm bil-qorti kif ukoll bonarja) tneħħi r-rekwiżit ta’ kull forma ta’ għajnuna assoċjata mal-koabitazzjoni. Hija tħassar ukoll il-preżunzjoni tal-paternità. Il-mara ma titlifx kunjom żewġha jekk tkun żiditu wara tagħha, iżda fuq talba tar-raġel il-qorti tista’ ma tħallihiex tużah fejn dan l-użu jista’ jikkawżalu ħsara serja. Bl-istess mod, il-qorti tista’ tawtorizza lill-mara biex ma tużax kunjom żewġha fejn dan ikun ta’ ħsara għaliha.
Is-sjieda tal-proprjetà konġunta: Il-komunjoni tal-akkwisti tinħall mad-dikjarazzjoni tan-nuqqas jew mewt preżunta ta’ wieħed mill-konjuġi, l-annullament, il-ħall jew tmiem tal-effetti ċivili taż-żwieġ, is-separazzjoni legali, is-separazzjoni ġudizzjarja tal-assi, il-bidla mifthema b’mod reċiproku fir-relazzjoni, jew wieħed mill-konjuġi jiġi ddikjarat fallut.
F’każ ta’ separazzjoni legali, il-propjetà konġunta tal-konjuġi tinħall meta l-qorti tawtorizzahom jgħixu separatament, jew mid-data li fiha jiġu ffirmati l-minuti tal-ftehim tas-separazzjoni bonarja quddiem l-imħallef, jekk ikunu approvati. L-ordni li tawtorizza lill-konjuġi biex jgħixu għal rashom tintbagħat lir-reġistratur ċivili sabiex tkun tista’ tiġi rreġistrata d-dissoluzzjoni tal-komunjoni tal-akkwisti.
Is-setgħa tal-ġenitur: il-qorti li tordna s-separazzjoni tirregola l-kustodja tat-tfal minuri u tistabbilixxi l-ammont ta’ manteniment għat-tfal li jrid jitħallas mill-ġenitur li ma jgħix magħhom (jew fil-każ eċċezzjonali ta’ kustodja esklussiva, il-manteniment li jrid jitħallas mill-ġenitur li lilu ma ngħatatx il-kustodja). Fl-għoti tad-dritt ta’ abitazzjoni fid-dar matrimonjali, il-ġenitur li jgħix mal-minuri jingħata prijorità (għal aktar informazzjoni ara “Responsabbiltà tal-ġenituri”).
Għoti ta’ manteniment: b’talba ta’ waħda mill-partijiet, il-qorti tista’ tagħti lill-konjuġi mhux ħati tas-separazzjoni d-dritt għal manteniment mill-konjuġi l-ieħor, jekk huwa ma jkollux biżżejjed mezzi għall-għajxien. Konjuġi fil-bżonn xorta għandu dritt għall-manteniment, jiġifieri somma regolari meħtieġa għall-għajxien, anki jekk kien ħati tas-separazzjoni (għal aktar dettalji ara “Talbiet għall-manteniment”– l-Italja).
L-aġġustament awtomatiku tal-ħlas tal-manteniment minħabba l-inflazzjoni huwa provdut espressament fil-każ ta’ koppji divorzjati; il-ġurisprudenza estendiet dan il-prinċipju wkoll għall-koppji separati.
Il-miżuri stabbiliti mill-qorti dwar il-kustodja tat-tfal u l-kalkolu tal-ammont ta’ manteniment għall-konjuġi u għat-tfal jista’ jiġu emendati aktar tard. In-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment huwa reat skont l-Artikolu 570 tal-Kodiċi Kriminali.
Is-separazzjoni bi jew mingħajr ħtija: il-konjuġi separati li mhumiex ħatja tas-separazzjoni jkompli jgawdu mill-istess drittijiet tas-suċċessjoni daqs il-konjuġi mhux separati.
Il-konjuġi ħatja tas-separazzjoni min-naħa l-oħra għandhom biss dritt għall-manteniment mill-wirt tad-decujus, u dan biss jekk fi żmien li jkunu għaddejjin il-proċedimenti tas-suċċessjoni kienu intitolati għall-manteniment mingħand id-decujus (l-Artikoli 548 u 585 tal-Kodiċi Ċivili).
Effetti oħra: fin-nuqqas ta’ konformità, is-sentenza ta’ separazzjoni tagħti d-dritt ta’ iskrizzjoni ta’ ipoteka ġudizzjarja; u b’talba tal-persuna intitolata, il-qorti tista’ tordna l-qbid tal-assi tal-konjuġi ħati tas-separazzjoni jew toħroġ mandat ta’ sekwestru fuq is-salarju tiegħu.
Skont l-Artikoli 117 et seq. tal-Kodiċi Ċivili, żwieġ jitqies null u bla effett f’numru ta’ każijiet differenti. Is-suġġett irid jitqies f’termini ta’ nullità, billi wieħed iħares lejn ir-raġunijiet għan-nullità u l-liġi li tapplika għal kull każ.
Iż-żwieġ ikun null jekk ikun vizzjat minn wieħed mid-difetti stabbiliti mil-liġi, iżda d-difett irid jitqajjem il-qorti permezz ta’ kawża.
Il-kawża għall-annullament taż-żwieġ ma tintiritx mill-eredi sakemm is-sentenza ma tkunx diġà pendenti. Il-prosekutur pubbliku irid jieħu sehem f’dawn il-proċedimenti.
Sorsi: ir-regoli sostantivi qiegħdin fl-Artikoli 117 sa 129-bis fil-Kodiċi Ċivili.
Żwieġ jista’ jiġi ddikjarat null minħabba waħda mir-raġunijiet li ġejjin (l-Artikoli 177 et seq. tal-Kodiċi Ċivili):
Jekk il-konjuġi kienu in bona fide (jiġifieri ma kenux jafu bl-impediment meta żżewwġu), iż-żwieġ jiġi ddikjarat validu sakemm jiġi annullat, u l-annullament ikun effettiv biss minn meta tingħata s-sentenza (il-prinċipju taż-“żwieġ putattiv” (matrimonio putativo)). Żwieġ li ġie ddikjarat null u bla effett għandu l-effetti ta’ żwieġ validu fil-konfront tat-tafal, anke jekk iż-żewġ ġenituri kienu in mala fede.
Il-qorti tista’ wkoll tordna li wieħed mill-konjuġi jibgħat ħlas regolari lill-konjuġi l-ieħor, għal mhux aktar minn tliet snin, jekk il-konjuġi l-ieħor ma jkollux biżżejjed mezzi għall-għajxien u ma jkunx reġa’ żżewweġ.
Jekk wieħed mil-konjuġi biss kien in bona fide, l-effetti ta’ żwieġ validu jitiqiesu li dejjem kienu jeżistu favur dak il-konjuġi u t-tfal. Il-konjuġi in mala fede jkollu jħallas kumpens ġust ekwivalenti għal manteniment ta’ tliet snin u jħallas ukoll manteniment addizzjonali jekk ma jkun hemm ħadd aktar obbligat iħallas il-manteniment.
Permezz tad-Digriet-Liġi Nru 132 tat-12 ta’ Settembru 2014 li sar Liġi Nru 162/2014, il-gvern Taljan introduċa żewġ proċeduri ġodda alternattivi li ma jinvolvux qrati:
1) il-partijiet jistgħu ifasslu ftehim ta’ negozjazzjoni fil-preżenza ta’ avukat, u b’hekk għandhom iċ-ċans li jsolvu b’mod amikevoli it-tilwim tagħha mingħajr qrati, bl-għajnuna tal-avukati tagħhom. Din il-possibiltà hija disponibbli għal konjuġi li jixtiequ jaslu għal separazzjoni bonarja, biex iwaqqfu l-effetti ċivili taż-żwieġ tagħhom jew biex iħolluh, jew biex jemendaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw is-separazzjoni jew divorzju tagħhom, anke jekk għandhom tfal taħt l-età jew li huam adulti iżda għandhom diżabilitajeit serji jew mhux finanzjarjament indipendenti. Permezz ta’ din il-proċedura, il-koppji jistgħu jevitaw li jmorru l-qorti (l-Artikoli 2 u 6);
2) jekk ma għandhomx tfal minuri jew li huma adulti iżda b’diżabilitajeit serji jew mhux finanzjarjament indipendenti, il-konjuġi dan l-aħħar ingħataw il-possibiltà li jilħqu ftehim, quddiem reġistratur ċivili, li jikkonferma s-separazzjoni legali tagħhom jew il-ħall jew tmiem tal-effetti ċivili taż-żwieġ tagħhom, jew jemendaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw is-separazzjoni jew divorzju tagħhom (l-Artikolu 12).
Ir-regoli dwar proċedimenti ta’ divorzju japplikaw ukoll għall-proċedimenti ta’ separazzjoni, mutatis mutandis. Fuq skala iżgħar, japplikaw ukoll l-Artikoli 706 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Il-proċedimenti għandhom l-għamla ta’ proċedura speċjali ta’ tiftix tal-fatti, iggvernata minn regoli differenti minn dawk li japplikaw għall-proċedimenti ordinarji, partikolarment fl-istadju preliminari (bażikament dan huwa proċess b’żewġ fażijiet: il-fażi ta’ konċiljazzjoni u l-fażi struttorja-kontenzjuża).
Il-qorti kompetenti hija l-qorti ġenerali (tribunale), iffurmata minn kulleġġ ta’ imħallfin, tal-post tal-aħħar residenza konġunta tal-konjuġi, jew ta’ kull post ieħor indikat mil-liġi (l-Artikolu 706 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili) , jew fejn ma jistax isir kuntatt mal-konvenut jew għaliex jgħix barra l-Italja, tal-post ta’ residenza jew domiċilju tar-rikorrent; u fejn iż-żewġ partijiet jgħixu barra l-Italja, kull qorti fil-pajjiż tista’ tisma’ l-kawża. Jekk id-divorzju jkun kunsenswali, il-konjuġi jistgħu jagħżlu bejn il-post ta’ residenza jew domiċilju ta’ kull wieħed minnhom.
Il-proċedimenti: it-talba għad-divorzju jew separazzjoni ssir permezz ta’ rikors (ricorso) li jiġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti kompetenti. Mar-rikors jiġu mehmuża d-dokumenti ta’ sostenn iżda dawn jistgħu jiġu ppreżentati wkoll waqt is-seduta. Ir-rikorrent għandu jassigura li l-konvenut jiġi nnotifikat bir-rikors u bl-ordni tal-imħallef presjedenti fejn tkun ġiet iffissata d-data għas-smigħ tal-partijiet. Jekk it-tentattiv ta’ rikonċilazzjoni tal-partijiet waqt l-ewwel seduta ma jirnexxix, l-imħallef presjedenti jagħti ordnijiet provviżorji fl-interess tal-partijiet u tat-tfal tagħhom, u jiffissa data għas-smigħ quddiem il-qorti struttorja, li teżamina l-każ skont ir-regoli ordinarji dwar il-provi.
Id-divorzju kunsenswali: rikors konġunt jeħtieġ ftehim bejn il-konjuġi għad-divorzju u għall-kundizzjonijiet dwar it-tfal tagħhom u l-kwistjonijiet finanzjarji. Il-proċediment huwa sempliċi.
Sorsi: l-Att Nru 898 tal-1970 kif emendat; f’każ ta’ separazzjoni personali japplikaw l-Artikoli 706 sa 711 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Il-benefiċċju tal-għajnuna legali huwa possibbli (patrocinio a spese dello Stato) jiġifieri l-possibiltà ta’ avukat mingħajr ħlas tad-drittijiet tiegħu u l-ispejjeż l-oħra tal-qorti. L-għajnuna legali hija disponibbli wkoll għaċ-ċittadini barranin li għandhom residenza fl-Italja. Il-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà jinsabu fl-Att Nru 1990/217 u fl-iskeda dwar l-għajnuna legali. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali jridu jiġu ppreżentati lill-Kamra tal-Avukati rilevanti (consiglio dell’ordine degli avvocati); ara s-siti elettroniċi rilevanti (għall-Kamra tal-Avukati ta’ Ruma) u s-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Sorsi: l-Att Nru 217 tal-1990, kif emendat mill-Att Nru 134 tal-2001.
Jista’ jsir appell mis-sentenzi ta’ separazzjoni personali, divorzju jew annullament. Is-sentenzi mhux finali fi proċedimenti ta’ divorzju, (jiġifieri deċiżjonijiet dwar l-istatus tal-konjuġi) jew fi proċedimenti ta’ separazzjoni (pereżempju deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà jew il-ħlas tal-manteniment) ma jistgħux jiġu appellati fi stadju ulterjuri, jiġifieri flimkien ma’ appell mis-sentenza finali: iridu jiġu appellati fil-limiti taż-żmien ordinarji.
Hawnhekk japplika r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003. Huwa jipprovdi għal proċedura standard fl-Istati Membri kollha tal-UE.
Ir-rikonoxximent huwa awtomatiku. Għalhekk ma hemmx bżonn ta’ xi proċedura speċjali sabiex jiġi aġġornat ir-reġistru taż-żwieġ, twelid u mwiet tal-Istat Membru wara sentenza finali ta’ divorzju, separazzjoni personali jew annullament.
Madankollu, kull parti interessata tista’ tapplika għal dikjarazzjoni li tgħid li sentenza barranija għandha jew ma għandhiex tiġi rikonoxxuta. Ir-raġunijiet speċifiċi biex ma jsirx ir-rikonoxximent huma mniżżla fir-Regolament. L-azzjoni, f’forma ta’ rikors (ricorso)lill-qorti, trid tiġi ppreżentata quddiem il-qorti tal-appell (corte di appello) b’ġuriżdizzjoni territorjali fil-post ta’ implimentazzjoni tas-sentenza kif previst mid-dritt intern tal-Italja. Il-qorti għandha tagħti deċiżjoni mingħajr dewmien, bi jew mingħajr is-smigħ tal-parti l-oħra, u s-sentenza għandha tiġi nnotifikat lir-rikorrent.
Kull parti tista’ tappella minn deċiżjoni ta’ rikonoxximent quddiem il-qorti tal-appell li tat id-deċiżjoni, fi żmien xahar min-notifika tagħha (jew xahrejn jekk il-parti l-oħra tgħix f’pajjiż ieħor). F’dan it-tieni stadju, il-partijiet iridu jinstemgħu skont il-prinċipju tal-kontradittorju, u japplikaw ir-regoli ordinarji tal-litigazzjoni.
Is-sentenza mogħtija dwar din l-oġġezzjoni ta’ rikonoxximent tista’ mbagħad tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (Corte di Cassazione, ara l-Annessi tar-Regolament).
Is-separazzjoni personali u d-divorzju huma regolati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali komuni għaż-żewġ partijiet fi żmien li jsir ir-rikors għas-separazzjoni personali jew id-divorzju; f’każ ta’ konjuġi b’ċittadinanzi differenti, il-qorti trid tidentifika l-liġi li tapplika skont il-pajjiż fejn il-koppja qattgħet il-biċċa l-kbira tal-ħajja miżżewwġa tagħha; il-qorti għandha dritt ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward.
Jekk il-liġi barranija li għandha tapplika ma jkollhiex dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni personali jew id-divorzju, tapplika l-liġi Taljana (l-Artikolu 31 tal-Att Nru 218 tal-1995) jiġifieri tapplika l-lex fori. Għandu jiġi nnutat li l-liġi Taljana tapplika indipendentement jekk ir-rikorrent huwiex ċittadin Taljan, u l-liġi Taljana tista’ titqajjem ukoll minn persuna mingħajr ċittadinanza Taljana fi żwieġ imħallat jew bejn persuni mhux b’ċittadinanza Taljana.
Il-konjuġi Taljani li jiftħu kawżi għas-separazzjoni personali jew għad-divorzju fl-Italja huma soġġetti għal-liġi Taljana anki jekk mhumiex residenti l-Italja. Il-konjuġi b’ċittadinanzi differenti huma soġġetti għal-liġi tal-pajjiż fejn huma jqattgħu l-biċċa l-kbira tal-ħajja miżżewwġa tagħhom; madankollu, fejn il-liġi tal-pajjiż ikkonċernat ma għandhiex dispożizzjonijiet dwar is-separazzjoni personali jew id-divorzju, il-qorti Taljana tapplika l-liġi Taljana.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.