Divorzju u separazzjoni legali

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Minn mindu daħlet fis-seħħ ir-riforma bil-Liġi Nru 15/2005, ma hemmx rekwiżiti marbuta ma’ separazzjoni minn qabel jew raġunijiet stabbiliti mil-liġi sabiex jinkiseb divorzju fi Spanja.

Il-proċedimenti tad-divorzju jistgħu jinbdew fuq talba ta’ wieħed mill-konjuġi biss, mit-tnejn li huma jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor. Biex wieħed jikseb sentenza ta’ divorzju huwa biżżejjed li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti u ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

  1. Ikunu għaddew tliet xhur miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab miż-żewġ konjuġi flimkien jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.
  2. Ikunu għaddew tliet xhur miċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ jekk id-divorzju jintalab minn konjuġi wieħed biss.
  3. Ir-rikors għad-divorzju jista’ jsir mingħajr perjodu ta’ stennija wara ż-żwieġ fejn ikun hemm prova ta’ riskju għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà, l-integrità morali jew il-libertà sesswali u l-integrità tal-konjuġi li jiftaħ ir-rikors jew tat-tfal taż-żewġ partijiet jew ta’ xi ħadd minnhom.

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq isegwi li huwa biżżejjed għal konjuġi li ma jkunx jixtieq ikompli biż-żwieġ li jressaq rikors għad-divorzju u jiksbu mingħajr ma l-intimat ikollu dritt jopponi għal raġunijiet materjali, ladarba jkun għadda l-perjodu msemmi hawn fuq u fl-aħħar każ anke mingħajr ma jistenna li jgħaddi dan il-perjodu.

Il-proċedimenti tad-divorzju jistgħu jkunu konsenswali jew ikkontestati.

Fl-ewwel każ, ir-rikors irid ikun akkumpanjat minn ftehim ta’ soluzzjoni li jistabbilixxi l-miżuri miftiehma fir-rigward tal-kura tat-tfal suġġetti għal awtorità konġunta tal-ġenituri, l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri u, fejn xieraq, arranġamenti għat-tfal biex ikollhom kuntatt u joqogħdu mal-ġenitur li normalment ma jgħixx magħhom, jekk jitqiesu meħtieġa, arranġamenti għan-neputijiet biex iżuru u jkollhom kuntatt man-nanniet tagħhom, dejjem b’kont meħud tal-interessi tat-tfal, l-arranġamenti għal kwalunkwe annimal domestiku, filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-membri tal-familja u l-benesseri tal-annimal; it-tqassim ta’ perjodi ta’ koabitazzjoni u kura fejn meħtieġ, kif ukoll l-ispejjeż assoċjati mal-kura tal-annimali, l-użu tad-dar u tal-għamara, il-kontribuzzjoni għall-ispejjeż taż-żwieġ u tal-manteniment, kif ukoll il-bażi għall-aġġornament tagħhom u kwalunkwe garanzija, il-likwidazzjoni, fejn ikun meħtieġ, tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali, u l-manteniment li għandu jitħallas, fejn xieraq, lil wieħed mill-konjuġi.

Fit-tieni każ, ir-rikors irid ikun akkumpanjat minn proposta għall-miżuri li jridu jirregolaw l-effetti tad-divorzju jew tas-separazzjoni u li jkunu se jiġu diskussi matul il-proċedimenti, u l-awtorità ġudizzjarja tiddeċiedi hi jekk il-konjuġi ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim.

Fi kwalunkwe każ, il-qrati għandhom il-ġuriżdizzjoni li jittrattaw kwalunkwe wild minuri jew tfal akbar mhux emanċipati li fir-rigward tagħhom il-qrati jkunu ordnaw miżuri ta’ appoġġ lill-ġenituri.

Jekk ma jkunx hemm tfal, il-ġuriżdizzjoni tiġi assenjata (skont l-għażla tal-partijiet) lill-iskrivan tal-qorti jew lin-nutar.

Fit-twettiq tad-dmirijiet notarili assenjati lilhom, l-uffiċjali diplomatiċi jew konsulari ma jistgħux jawtorizzaw att pubbliku ta’ separazzjoni jew divorzju.

Ir-regolamenti dwar l-annullament, is-separazzjoni legali u d-divorzju japplikaw għaż-żwiġijiet kollha bejn persuni tal-istess sess jew ta’ sessi differenti, minħabba li skont il-Liġi 13/2005 iż-żwieġ huwa suġġett għall-istess rekwiżiti u effetti, kemm jekk iż-żewġ partijiet ikunu tal-istess sess kif ukoll jekk ikunu ta’ sessi differenti.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Permezz tar-riforma li daħħlet il-Liġi 15/2005, id-divorzju fi Spanja ma jeħtieġx xi raġunijiet, għaliex iż-żamma tar-rabta taż-żwieġ hija meqjusa bħala manifestazzjoni tar-rieda ħielsa tal-konjuġi.

L-uniku rekwiżit huwa li l-perjodi msemmija fit-Taqsima 1 iridu jkunu għaddew.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

L-ewwel effett tad-divorzju huwa li r-rabta taż-żwieġ tinħall. Id-divorzju jtemm l-obbligu tal-koabitazzjoni u tal-għajnuna reċiproka derivanti minn din ir-rabta, u ż-żewġ konjuġi huma ħielsa li jerġgħu jiżżewġu.

Skont il-liġi Spanjola il-mara ma hemmx għalfejn tieħu kunjom żewġha meta’ tiżżewweġ, kif jiġri f’pajjiżi oħra.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Id-divorzju jġib miegħu il-ħall tar-reġim tal-proprjetà matrimonjali u l-likwidazzjoni tal-proprjetà konġunta li akkwistaw maż-żmien, u b’hekk id-diviżjoni tal-assi komuni, proċess li jiġi determinat mir-reġim ta’ proprjetà li jirregola ż-żwieġ.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Is-separazzjoni legali, l-annullament u d-divorzju ma jeħilsux lill-ġenituri mir-responsabbiltajiet tagħhom lejn it-tfal tagħhom.

Fir-rigward tal-miżuri personali li jikkonċernaw lit-tfal miż-żwieġ, trid tittieħed deċiżjoni dwar:

  1. il-kustodja tat-tfal,
  2. l-awtorità tal-ġenituri, u
  3. l-arranġamenti għaż-żjarat u l-permanenzi.

Dawn il-miżuri kollha jaqgħu taħt ir-“responsabbiltà tal-ġenituri” kif imsemmi fl-istrumenti tal-UE.

L-awtorità tal-ġenituri, bħala forma ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, dejjem trid tiġi eżerċitata fl-interessi tat-tfal, skont il-personalità tagħhom u b’rispett għad-drittijiet u l-integrità fiżika u mentali tagħhom. Din tinkludi d-dmirijiet u s-setgħat li ġejjin:

  1. il-kura, il-kustodja, l-ikel, it-trobbija u edukazzjoni sħiħa,
  2. ir-rappreżentanza u l-ġestjoni tal-proprjetà, u
  3. id-deċiżjoni dwar il-post tar-residenza abitwali tal-minuri, li jista’ jinbidel biss bil-kunsens taż-żewġ ġenituri jew, fin-nuqqas ta’ dan, b’awtorizzazzjoni ġudizzjarja.

Il-bdil tar-residenza ta’ tfal minuri mingħajr il-kunsens taż-żewġ ġenituri jista’ jikkostitwixxi ħtif.

Fir-rigward tal-kustodja, l-aħjar interessi tal-wild minuri jiddeterminaw jekk tingħatax kustodja kondiviża jew lil ġenitur wieħed.

Jeżistu sistemi leġiżlattivi differenti fil-komunitajiet awtonomi ta’ Spanja, li għandhom ir-regoli tal-liġi tal-familja tagħhom stess u li jridu jiġu kkonsultati f’kull każ.

Il-Kodiċi Ċivili jipprevedi li l-kustodja konġunta tat-tfal trid tingħata meta l-ġenituri jitolbuha fil-ftehim ta’ soluzzjoni propost jew meta jintlaħaq tali ftehim matul il-proċedimenti. Jekk ma jkun jista’ jintlaħaq ebda ftehim, il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar il-kustodja, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, wara rapport mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni (Ministerio Fiscal), abbażi tal-protezzjoni xierqa tal-aħjar interessi tal-minuri. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema stabbiliet li l-kustodja konġunta ma hijiex eċċezzjoni, iżda pjuttost miżura normali u saħansitra mixtieqa, sa fejn timplimenta d-dritt tat-tfal li jżommu kuntatt maż-żewġ ġenituri, anke fi kriżijiet, sakemm dan ikun fattibbli.

Fir-rigward tal-manteniment tal-ulied miż-żwieġ, il-prinċipju huwa li minkejja li jinfirdu, il-ġenituri xorta waħda jibqgħu responsabbli lejn uliedhom u t-tnejn iridu jikkontribwixxu għall-manteniment tat-tfal. Il-manteniment ikopri dak kollu li huwa essenzjali f’termini ta’ ikel, akkomodazzjoni, ilbies u kura medika, trobbija u edukazzjoni waqt li l-wild ikun minorenni u anke sussegwentement meta l-wild ma jkunx temm l-edukazzjoni tiegħu mhux bi ħtija tiegħu.

Normalment dan ifisser illi l-konjuġi li ma għandux il-kustodja tat-tfal irid iħallas il-manteniment lill-ġenitur li għandu l-kustodja tagħhom, sakemm it-tfal isiru finanzjarjament indipendenti jew ma rnexxilhomx jagħmlu dan minħabba tort tagħhom. Jekk tingħata kustodja konġunta, normalment kull ġenitur iħallas l-ispejjeż ordinarji tat-tfal matul il-perjodu li matulu jkunu għandu (ħwejjeġ, ikel jew akkomodazzjoni), filwaqt li għall-ispejjeż l-oħra jinfetaħ kont konġunt li fih kull ġenitur iħallas kontribuzzjonijiet kull xahar jew iħallas skont iċ-ċirkostanzi finanzjarji tiegħu. Madankollu, jekk iċ-ċirkostanzi finanzjarji taż-żewġ ġenituri jkunu differenti ħafna, ma hemm xejn li jwaqqaf lil ġenitur wieħed milli jagħti somma flus lill-ieħor sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jlaħħaq mal-ispejjeż tat-tfal matul iż-żmien li jkollu t-tfal għandu.

Il-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura (Consejo General del Poder Judicial) għandu Tabelli għad-determinazzjoni tal-ħlasijiet għall-manteniment tat-tfal fi proċedimenti tal-familja u joffri applikazzjoni tal-IT online għal kalkolu faċli f’kull każ. Dawn iservu biss bħala gwida.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Konjuġi li s-separazzjoni jew id-divorzju tiegħu jwasslu għal żbilanċ finanzjarju fir-rigward tal-ieħor, b’tali mod li l-konjuġi inkwistjoni jkun agħar minn qabel ix-xoljiment taż-żwieġ, ikollu dritt għal kumpens, li jista’ jieħu l-forma ta’ allowance temporanja jew indefinita, jew ħlas uniku, kif iddeterminat fil-ftehim ta’ soluzzjoni jew fis-sentenza.

Ċerti territorji għandhom arranġamenti speċjali f’dan ir-rigward.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Is-separazzjoni legali tfisser illi l-konjuġi ma jibqgħux jgħixu flimkien; fi kliem ieħor hija ttemm l-obbligu tal-koabitazzjoni iżda r-rabta taż-żwieġ tibqa’ valida. Il-possibbiltà li l-assi tal-konjuġi l-ieħor jintrabtu mal-eżerċizzju tal-awtorità domestika wkoll ma tibqax teżisti.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Bħad-divorzju, permezz tar-riforma li daħħlet il-Liġi 15/2005, id-divorzju fi Spanja ma jeħtieġx xi raġunijiet, għaliex iż-żamma tar-rabta taż-żwieġ hija meqjusa bħala manifestazzjoni tar-rieda ħielsa tal-konjuġi.

L-uniku rekwiżit huwa li jiġi osservat perjodu minimu ta’ żmien wara ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ qabel ma jinbdew il-proċedimenti tas-separazzjoni (ħlief f’ċerti każijiet). Dawn il-perjodi huma l-istess bħal dawk għall-proċedimenti tad-divorzju, kif stabbiliti fil-punt 1.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

L-effetti tas-separazzjoni legali huma l-istess bħal dawk tad-divorzju: il-konjuġi ma jibqgħux jgħixu flimkien u l-assi tal-konjuġi l-ieħor ma jistgħux jibqgħu marbuta mal-eżerċizzju ta’ awtorità domestika mid-data tas-sentenza jew tad-digriet finali li jiddikjara dan jew ladarba ż-żewġ konjuġi jkunu taw il-kunsens tagħhom f’att pubbliku. Id-differenza hija li s-separazzjoni tħoll ir-rabta taż-żwieġ iżda ma xxoljihiex.

Għalhekk, ir-rikonċiljazzjoni hija possibbli, peress li r-rabta taż-żwieġ ma tkunx ġiet xolta. Sabiex ir-rikonċiljazzjoni jkollha saħħa legali, trid tiġi nnotifikata lill-qorti miż-żewġ partijiet separatament. Fl-istess waqt, u jekk il-konjuġi jkunu żżewġu b’reġim ta’ proprjetà komuni (bħas-sociedad de gananciales, li bih nofs il-qligħ ta’ kull konjuġi jitqies li huwa proprjetà tal-konjuġi l-ieħor), dan ir-reġim jiġi xolt u sostitwit minn reġim ta’ separazzjoni tal-proprjetà.

Bl-istess mod, is-separazzjoni legali (u saħansitra s-separazzjoni fiżika) ittemm il-preżunzjoni ta’ paternità li biha tfal li jitwieldu anqas minn 300 jum wara s-separazzjoni jkunu preżunti li huma wlied ir-raġel.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

L-annullament taż-żwieġ (li japplika kemm għaż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess kif ukoll għal dawk ta’ sess differenti) jeħtieġ dikjarazzjoni tal-qorti fejn jingħad illi ż-żwieġ li ġie kkuntrattat kien ivvizzjat b’difetti li għamluh ineffettiv mill-bidu, jiġifieri li ż-żwieġ qatt ma eżista u li għalhekk qatt ma kellu effett legali. B’hekk, il-konjuġi jerġgħu lura għall-istatus ta’ xebba u ġuvni rispettivament.

L-annullament iġib miegħu il-ħall u l-likwidazzjoni tar-reġim tal-propjetà matrimonjali u t-tmiem tal-obbligu tal-koabitazzjoni u tal-għajnuna reċiproka.

Bid-differenza tas-separazzjoni legali jew id-divorzju, il-fatt li ż-żwieġ qatt ma eżista jfisser illi ma għandu jitħallas l-ebda kumpens, ghaliex dan għandu bżonn żwieġ validu li xi darba kien fis-seħħ; din is-sitwazzjoni hija mitigata mill-possibiltà illi l-konjuġi li aġixxa in bona fide jingħata kumpens għad-danni jekk il-konjuġi l-ieħor aġixxa in mala fide meta żżewġu.

L-effetti ġuridiċi diġà prodotti qabel is-sentenza tal-qorti li tannulla ż-żwieġ ikomplu jkollhom effett fir-rigward tat-tfal. Dawn l-effetti għalhekk huma l-istess bħal fil-każijiet ta’ separazzjoni jew ta’ divorzju.

Minbarra d-dikjarazzjoni tal-annullament minn qorti ċivili, fi Spanja jingħata wkoll rikonoxximent lill-effetti ċivili ta’ deċiżjonijiet ta’ qorti ekkleżjastika li jiddikjaraw l-annullament ta’ żwieġ kanoniku jew deċiżjonijiet pontifiċi dwar żwieġ qasir u mhux ikkunsmat, li jeħtieġu proċedura ta’ validazzjoni (simili għall-proċedura tal-exequatur), li ssir mill-Qrati tal-Prim’Istanza (Juzgados de Primera Instancia) (fejn jeżistu, dawk li jispeċjalizzaw fi kwistjonijiet tal-familja). Il-bażi għal dan ir-rikonoxximent tinsab fil-Ftehim bejn l-Istat Spanjol u s-Santa Sede dwar affarijiet legali, iffirmat fit-3 ta’ Jannar 1979.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Il-kundizzjonijiet li jwasslu għall-annullament ta’ żwieġ, kienet x’kienet il-forma tiegħu, huma kif ġej:

  1. Nuqqas ta’ kunsens għaż-żwieġ.
  2. Iż-żwieġ ġie kkuntrattat minkejja l-eżistenza ta’ wieħed mill-impedimenti għaż-żwieġ.
  3. Żwieġ ġie kkuntrattat mingħajr l-involviment ta’ kummissarju għall-ġustizzja, sindku jew kunsillier, skrivan tal-qorti, nutar jew uffiċjal li quddiemu għandu jiġi kkuntrattat, jew mingħajr il-preżenza ta’ xhieda.
  4. Żwieġ konkluż meta waħda mill-partijiet tkun żbaljata fir-rigward tal-identità tal-parti l-oħra jew tal-kwalitajiet personali tagħha, b’tali mod li dan seta’ kien deċiżiv biex taċċetta li tidħol għaż-żwieġ.
  5. Żwieġ ikkuntrattat taħt pressjoni jew koerċizzjoni morali.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

L-annullament taż-żwieġ jistabbilixxi li kien invalidu mill-mument taċ-ċelebrazzjoni tiegħu. B’hekk, il-konjuġi jerġgħu lura għall-istatus ta’ xebba u ġuvni rispettivament.

Madankollu, l-effetti prodotti fi żwieġ annullat minn meta ġie ċċelebrat sad-data tas-sentenza ta’ annullament jibqgħu validi fir-rigward tat-tfal u tal-konjuġi li aġixxa in bona fide.

Fejn tiġi likwidata l-propjetà matrimonjali, il-konjuġi li aġixxa in mala fide ma jgawdix minn sehmu tal-qligħ tal-konjuġi li aġixxa in bona fide.

Barra minn hekk, jekk kien hemm il-koabitazzjoni, il-parti li aġixxiet in bona fide tista’ tikseb kumpens biex tikkoreġi kwalunkwe żbilanċ finanzjarju li seta’ ġie kkawżat mid-digriet tal-annullament.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Fi Spanja, il-medjazzjoni tal-familja tiġi rregolata fuq livell statali, fil-Liġi dwar il-medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali: il-Liġi 5/2012 tas-6 ta’ Lulju 2012, li tittrasponi fil-liġi Spanjola d-Direttiva 2008/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2008 dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali.

Il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-medjazzjoni huma: in-natura volontarja u l-għażla ħielsa, l-imparzjalità, in-newtralità u l-kunfidenzjalità.


Minbarra dawn il-prinċipji hemm ukoll regoli jew linji gwida biex jiggwidaw l-azzjonijet tal-partijiet għall-medjazzjoni, bħar-rieda tajba u r-rispett reċiproku, u l-obbligu ta’ kooperazzjoni u għajnuna lejn il-medjatur.

Il-Liġi 5/2012 msemmija hawn fuq tirregola l-“medjazzjoni f’tilwim transfruntier”, jiġifieri dak fejn tal-inqas waħda mill-partijiet tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi stat differenti minn dak fejn huma domiċiljati l-partijiet ikkonċernati l-oħra, fejn jiftiehmu li jużaw il-medjazzjoni jew fejn il-medjazzjoni tkun obbligatorja skont il-liġi applikabbli. Dan ikopri wkoll kunflitti antiċipati jew solvuti bi ftehim waqt medjazzjoni, irrispettivament mill-post fejn ikun sar il-ftehim, fejn, wara bdil ta’ residenza minn parti jew oħra, ikun maħsub li l-ftehim jew xi konsegwenzi tiegħu jiġu eżegwiti fit-territorju ta’ stat differenti.

Il-biċċa l-kbira tal-komunitajiet awtonomi għaddew liġijiet dwar il-medjazzjoni tal-familja. Pereżempju: Andalusija – il-Liġi 1/2009 tas-27 ta’ Frar 2009 dwar il-medjazzjoni tal-familja f’Andalusija; Aragona - il-Liġi 9/2011 tal-24 ta’ Marzu 2011, dwar il-medjazzjoni tal-familja f’Aragona; l-Asturji – il-Liġi 3/2007 tat-23 ta’ Marzu 2007, dwar il-medjazzjoni tal-familja; il-Gżejjer Kanarji – il-Liġi 15/2003 tat-8 ta’ April 2003 dwar il-medjazzjoni tal-familja; il-Cantabria – il-Liġi 1/2011 tat-28 ta’ Marzu 2011,dwar il-medjazzjoni fil-Komunità Awtonoma tal-Cantabria; Kastilja-La Mancha – il-Liġi 4/2005 tal-24 ta’ Mejju 2005 dwar is-servizz soċjali li jispeċjalizza fil-medjazzjoni tal-familja; Kastilja-Leon – il-Liġi 1/2006 tas-6 ta’ April 2006 dwar il-medjazzjoni tal-familja f’Kastilja-Leon; il-Katalonja (partikolarment sinifikanti f’din il-komunità awtonoma, għaliex żviluppat il-kompetenza leġiżlattiva tagħha f’dan il-qasam, fejn tipprovdi fl-Artikolu 233(6) tal-Kodiċi Ċivili tal-Katalonja li l-awtorità ġudizzjarja tista’ tirreferi lill-konjuġi għal sessjoni ta’ tagħrif dwar il-medjazzjoni, fejn tqis li minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ ikun għadu possibbli li jintlaħaq ftehim); Valencia – il-Liġi 7/2001 tas-26 ta’ Novembru 2001 li tirregola l-medjazzjoni tal-familja f’Valencia; Galicia – il-Liġi 4/2001 tal-31 ta’ Mejju 2001 dwar il-medjazzjoni tal-familja; il-Gżejjer Baleariċi – il-Liġi 14/2010 tad-9 ta’ Diċembru 2010 dwar il-medjazzjoni tal-familja fil-Gżejjer Baleariċi; Madrid – il-Liġi 1/2007 tal-21 ta’ Frar 2007 dwar il-medjazzjoni tal-familja f’Madrid; u l-Pajjiż Bask – il-Liġi 1/2008 tat-8 ta’ Frar 2008 dwar il-medjazzjoni tal-familja, permezz tal-parlamenti awtonomi rispettivi.

Fil-livell tal-Istat, l-Artikolu 770(7) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili jipprevedi li, fi kwistjonijiet ta’ separazzjoni u divorzju, il-partijiet jistgħu, b’kunsens reċiproku, jitolbu s-sospensjoni tal-proċedimenti għall-finijiet ta’ medjazzjoni.

Fi proċedimenti matrimonjali transfruntieri, japplika l-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019, li jiddikjara “Kemm jista’ jkun malajr u fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti, il-qorti direttament jew, fejn adatt, bl-assistenza tal-Awtoritajiet Ċentrali, għandha tistieden lill-partijiet biex jikkunsidraw jekk humiex lesti li jimpenjaw ruħhom fil-medjazzjoni jew mezzi oħra ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, ħlief jekk dan imur kontra l-aħjar interessi tal-minuri, ma jkunx adatt fil-każ partikolari jew jekk dan idewwem bla bżonn il-proċedimenti.”

Il-medjazzjoni hija possibbli wkoll f’każijiet ta’ ħtif internazzjonali ta’ minorenni, għalkemm hawnhekk il-proċess ta’ medjazzjoni jrid ikun veloċi kemm jista’ jkun u kull azzjoni trid tkun ikkonċentrata fl-inqas sessjonijiet possibbli. Is-sospensjoni tal-proċess ta’ medjazzjoni qatt ma tista’ taqbeż il-perjodu previst mil-liġi biex jiġi solvut il-każ ta’ ħtif. Jekk il-medjazzjoni twassal għal ftehim (li jista’ jkopri wkoll kwistjonijiet oħra), dan irid jiġi approvat mill-imħallef, filwaqt li titqies il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-aħjar interessi tal-minorenni. Madankollu, il-ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet relatati mas-sekwestru ta’ minorenni hija differenti minn dik li tkopri l-proċedimenti tal-familja; tal-ewwel hija l-prerogattiva tal-qrati fil-bliet kapitali provinċjali, filwaqt li tal-aħħar tista’ tiġi eżerċitata mill-qrati fi kwalunkwe distrett ġudizzjarju.
Konsegwentement, jekk il-ftehim ikopri varjetà ta’ kwistjonijiet, jista’ jkun hemm bżonn li jiġi approvat minn imħallfin separati (jiġifieri l-qorti fil-kapitali provinċjali għal kwistjonijiet relatati mas-sekwestru ta’ minorenni u l-imħallef tal-familja rilevanti għall-aspetti l-oħra).

Fi proċedimenti ċivili li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qrati li jittrattaw il-vjolenza kontra n-nisa (Juzgados de Violencia sobre la Mujer), il-medjazzjoni hija pprojbita.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

a) Fejn irrid nippreżenta t-talba tiegħi

Ladarba tkun ġiet stabbilita l-ġuriżdizzjoni internazzjonali tal-qrati Spanjoli biex jisimgħu l-kawża (stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019) u, fejn xieraq, il-ġuriżdizzjoni biex jisimgħu l-miżuri supplimentari għad-deċiżjoni dwar ir-rabta, rikors għad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ (ħlief dawk ipproċessati minn nutar f’każijiet ta’ separazzjoni legali jew ta’ divorzju bi ftehim reċiproku mingħajr ebda wild minuri involut) irid jitressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. F’xi distretti ġudizzjarji hemm Qrati tal-Ewwel Istanza li jispeċjalizzaw fil-liġi tal-familja. Speċifikament, din hi l-Qorti tal-Ewwel Istanza:

  • Fil-post fejn tinsab id-dar matrimonjali.
  • Jekk il-konjuġi jgħixu f’distretti ġudizzjarji differenti, ir-rikorrent jista’ jagħżel bejn il-qorti ta’:
    • l-aħħar residenza matrimonjali,
    • jew ir-residenza tal-intimat,
    • jew jekk l-intimat ma jkollux domiċilju jew post ta’ residenza fiss, ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat fil-post fejn jirrisjedi jew fejn irrisjeda l-aħħar l-intimat, skont l-għażla tar-rikorrent.
  • Jekk l-intimat ma jkollux domiċilju jew post ta’ residenza fiss, ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat fil-post fejn jirrisjedi jew fejn kien jirrisjedi l-aħħar l-intimat, skont l-għażla tar-rikorrent.
  • Jekk lanqas b’dan il-mod ma tkun tista’ tiġi stabbilita l-ġuriżdizzjoni, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi dwar id-domiċilju tar-rikorrent.
  • Fejn it-talba għad-divorzju jew separazzjoni legali tiġi ppreżentata b’mod konġunt miż-żewġ konjuġi, huma jistgħu jagħmlu dan quddiem l-imħallef:
    • tal-post fejn l-aħħar għexu flimkien,
    • jew tad-domiċilju ta’ xi ħadd mir-rikorrenti.
  • Ir-rikorsi għall-adozzjoni ta’ miżuri preliminari provviżorji jistgħu jinstemgħu mill-Imħallef tal-Prim’Istanza tal-post ta’ domiċilju tar-rikorrent.

Fi Spanja, il-Liġi Organika 1/2004 tat-28 ta’ Diċembru 2004 dwar miżuri komprensivi ta’ protezzjoni kontra l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru ħolqot il-qrati li jittrattaw il-vjolenza kontra n-nisa b’ġuriżdizzjoni ċivili għas-separazzjoni legali, għal proċedimenti ta’ divorzju u annullament f’każijiet fejn waħda mill-partijiet għall-proċedimenti ċivili tkun mara li tkun il-vittma ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, kif imsemmi fl-Artikolu 87 b(1)(a) tal-Att dwar il-Ġudikatura, u waħda mill-partijiet għall-proċedimenti ċivili tkun qed tiġi investigata bħala l-awtur, l-istigatur jew il-kompliċi neċessarju f’att ta’ vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. F’dak il-każ, ir-rikors irid jiġi ppreżentat lill-qorti li tittratta l-vjolenza kontra n-nisa li tkun qed tisma’ l-proċedimenti kriminali.

Għal informazzjoni dwar l-istituzzjonijiet ġudizzjarji Spanjoli u biex issib qorti, tista’ tikkonsulta l-magna tat-tiftix tal-qrati fuq is-sit web tal-Kunsill Ġenerali tal-Ġudikatura.

Għall-każijiet ittrattati minn nutar, l-att pubbliku rilevanti jrid jiġi eżegwit min-nutar għall-post fejn il-konjuġi kienu jgħixu l-aħħar flimkien jew tad-domiċilju jew ir-residenza abitwali ta’ wieħed mir-rikorrenti.

Il-Gwida Prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIb tinsab f’din il-paġna: Pubblikazzjonijiet tan-NĠE.

b) Formalitajiet u dokumenti

Meta il-qorti tkun il-perkors magħżul, it-talba għall-annullament taż-żwieġ, is-separazzjoni legali jew id-divorzju trid tiġi ppreżentata bil-miktub u ffirmata mill-avukati tar-rikorrent (letrado u procurador). Is-servizzi ta’ dawn il-professjonisti jistgħu jinqasmu meta l-konjuġi jkunu qed jippreżentaw rikors konġunt għas-separazzjoni personali jew għad-divorzju.

It-talbiet għas-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju jridu jiġu akkumpanjati minn:

  • Iċ-ċertifikat taż-żwieġ u tat-twelid tat-tfal; mhux biżżejjed li jiġi ppreżentat biss ir-reġistru tal-familja (libro de familia).
  • Id-dokumenti li fuqhom ir-rikorrent qed jibbaża l-kawża tiegħu.
  • Id-dokumenti meħtieġa għal valutazzjoni tal-qagħda finanzjarja tal-konjuġi u, jekk applikabbli, tat-tfal, bħal dikjarazzjonijiet tat-taxxa, ir-rendikont tal-paga, ċertifikati bankarji, l-atti tat-titoli jew ċertifikati ta’ reġistrazzjoni tal-proprjetà, meta l-partijiet jippreżentaw rikors fuq kwistjonijiet relatati ma’ proprjetà.
  • Pjan ta’ trobbija dwar miżuri relatati ma’ tfal minuri jew tfal akbar mhux emanċipati fejn il-qrati jkunu ordnaw miżuri ta’ appoġġ lill-ġenituri.
  • Proposta għal ftehim ta’ soluzzjoni jekk it-talba għas-separazzjoni legali jew id-divorzju ssir permezz ta’ talba konġunta.

Jekk in-nutar ikun il-mezz magħżul (is-separazzjoni legali jew id-divorzju bi ftehim reċiproku mingħajr tfal minuri mhux emanċipati), bil-liġi l-konjuġi jridu jkunu akkumpanjati minn avukat prattikanti għall-eżekuzzjoni tal-att pubbliku u jridu jipprovdu, minbarra ċ-ċertifikati mir-Reġistru Ċivili, il-ftehim ta’ soluzzjoni.

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

Spanja tirrikonoxxi d-dritt ta’ ċittadini Spanjoli, ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u ta’ barranin fi Spanja għall-għajnuna legali jekk jistgħu juru li ma għandhomx biżżejjed mezzi finanzjarji biex jiftħu kawża.

L-individwi għandhom dritt għall-għajnuna legali jekk ma jkollhomx biżżejjed assi u jkollhom riżorsi u qligħ gross, ikkalkulat kull sena għal kull intestatura u għal kull unità domestika, li ma jaqbżux il-livelli limiti li ġejjin:

  1. Id-doppju tal-indiċi pubbliku tad-dħul għal iżjed minn skop wieħed (IPREM) fis-seħħ meta’ jsir ir-rikors għal persuni li ma jkunux membri ta’ xi unità domestika.
  2. Darbtejn u nofs l-indiċi pubbliku tad-dħul għal iżjed minn skop wieħed fis-seħħ meta’ jsir ir-rikors meta jkunu membri ta’ kwalunkwe tip ta’ unità domestika ta’ inqas minn erbgħa min-nies.
  3. Tliet darbiet dan l-indiċi għall-unitajiet domestiċi ta’ erbgħa min-nies jew aktar.

Il-kalkolu tal-IPREM

Il-kalkolu tal-IPREM: tista’ ssib informazzjoni dwar l-ammont tal-IPREM u t-tibdil fih fuq: http://www.iprem.com.es

L-applikazzjoni trid tiġi ppreżentata lill-Kamra tal-Avukati (Colegio de Abogados) fl-istess lokalità tal-qorti jew tribunal li se jkun qed jisma’ l-kawża prinċipali, jew lill-qorti tal-post ta’ domiċilju tal-applikant; f’dan l-aħħar każ, il-korp ġudizzjarju jibgħat l-applikazzjoni lill-Kamra tal-Avukati b’ġuriżdizzjoni territorjali.

Il-Kmamar tal-Avukati huma maħtura bħala l-awtorità riċeventi għall-applikazzjonijiet minħabba tilwim transfruntier. F’dan it-tip ta’ tilwim, l-awtorità li toħroġ l-applikazzjoni hija l-Kamra tal-Avukati tal-post ta’ residenza abitwali jew tad-domiċilju tar-rikorrent.

Ċittadin Ewropew li l-Istat tiegħu jkun parti għall-Ftehim Ewropew dwar it-Trażmissjoni ta’ Applikazzjonijiet għall-Għajnuna Legali jista’ japplika mal-awtorità ċentrali magħżula minn pajjiżu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Ir-rikors irid isir qabel jibdew il-proċedimenti jew, jekk il-parti li titlob l-għajnuna legali tkun il-konvenuta, qabel topponi r-rikors. Madankollu, kemm ir-rikorrent kif ukoll il-konvenut jistgħu sussegwentement jitolbu l-għajnuna legali wara li jkunu wrew illi nbidlu ċ-ċirkostanzi finanzjarji tagħhom.

Meta ma jkunx hemm assi komuni biżżejjed u wieħed mill-konjuġi ma jkunx jista’ jikseb għajnuna legali għaliex il-qagħda finanzjarja tal-ieħor ma tippermettix dan, dan tal-aħħar jista’ jkollu jħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża jew parti minnhom skont proċedura magħrufa bħala “litis expensas” (spejjeż tal-kawża skont arranġamenti speċjali għall-proċedimenti ta’ divorzju).

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati Spanjoli fi proċedimenti għas-separazzjoni legali, id-divorzju u l-annullament taż-żwieġ huma miftuħa għal appell. L-appelli jridu jiġu ppreżentati fi żmien 20 jum quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li tkun tat is-sentenza kkontestata, li quddiemha jiġi ffformulat l-appell formalment; il-kwistjoni taqa’ fl-ambitu tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti Provinċjali korrispondenti (Audiencia Provincial). F’ċerti każijiet, appell fil-kassazzjoni u, fejn xieraq, appell straordinarju għal ksur tal-proċedura jista’ jitressaq kontra s-sentenza ta’ appell quddiem l-Awla Ċivili tal-Qorti Suprema.

L-appelli kontra d-deċiżjoni skont il-liġi ma jissospendux l-effettività tal-miżuri approvati fid-deċiżjoni. Jekk l-appell ikun jikkonċerna biss deċiżjonijiet dwar miżuri, l-iskrivan tal-qorti jrid jiddikjara li d-deċiżjoni dwar l-annullament, is-separazzjoni jew id-divorzju hija finali u d-dħul tagħha fir-Reġistru tat-Twelid, taż-Żwiġijiet u tal-Imwiet se jiġi approvat.

Fil-proċedimenti għas-separazzjoni legali u d-divorzju bi ftehim reċiproku, is-sentenza li tapprova l-ftehim ta’ soluzzjoni propost fl-intier tiegħu ma hijiex miftuħa għal appell, ħlief mis-Servizz tal-Prosekuzzjoni, jekk ikun involut, li jista’ jippreżenta appell fl-interess ta’ kwalunkwe wild minuri jew inabilitat. Jekk ma tiġi approvata l-ebda miżura, jista’ jiġi ppreżentat appell.

Fir-rigward ta’ miżuri provviżorji u preliminari li mħallef jista’ jadotta qabel jew matul il-proċedimenti għas-separazzjoni legali, l-annullament jew id-divorzju, id-deċiżjoni li tadotta miżuri bħal dawn ma hijiex miftuħa għal appell, minħabba l-validità temporanja tagħha, peress li tkun se tiġi ssostitwita mis-sentenza mogħtija fil-proċedimenti għas-separazzjoni legali, l-annullament jew id-divorzju.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

F’dan il-qasam,

japplika r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tat-25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (riformulazzjoni), magħruf bħala r-Regolament Brussell IIb, fis-seħħ għall-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 (ir-Regolament Brussell IIb) issostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (ir-Regolament Brussell IIa) mill-1 ta’ Awwissu 2022. Skont il-kamp ta’ applikazzjoni temporali, irid jiġi applikat strument wieħed jew l-ieħor.

Jekk l-uniku għan ikun li tiġi aġġornata d-data fir-Reġistru Ċivili (u tar-Renju Unit sal-31 ta’ Diċembru 2020) fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet tal-qorti marbuta ma’ proċedimenti għal divorzju, separazzjoni legali jew annullament taż-żwieġ mogħtija fi Stat Membru ieħor, u jekk, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, dawk id-deċiżjonijiet ma jkunux jistgħu aktar jiġu appellati, ikun biżżejjed li titressaq applikazzjoni għal dak il-għan lir-Reġistru Ċivili, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament applikabbli, akkumpanjata minn:

  • kopja tad-deċiżjoni, li tissodisfa r-rekwiżiti meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha skont il-liġi tal-pajjiż minn fejn ingħatat;
  • ċertifikat konformi mal-mudell uffiċjali standardizzat maħruġ mill-qorti jew tribunal nazzjonali jew mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn tkun ingħatat id-deċiżjoni;
  • jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat fil-kontumaċja, dokumenti li juru li l-intimat ġie nnotifikat kif xieraq bir-rikors.

F’każ li jkun qed jintalab rikonoxximent fi Spanja ta’ deċiżjoni relatata ma’ divorzju, annullament taż-żwieġ jew separazzjoni legali li tkun ingħatat f’wieħed mill-Istati Membri, minbarra fid-Danimarka, ikun irid jitressaq rikors għar-rikonoxximent, mingħajr il-bżonn li d-deċiżjoni kkonċernata tkun vinkolanti fl-Istat Membru fejn ingħatat (huwa biżżejjed li din tkun eżegwibbli fl-Istat ta’ oriġini), quddiem l-Imħallef tal-Prim’Istanza, fil-post ta’ residenza tal-persuna li kontriha jkun qed jiġi ppreżentat ir-rikors għar-rikonoxximent jew għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent. Jekk l-intimat ma jgħixx fi Spanja r-rikors jista’ jsir fejn ikun jinsab fi Spanja jew fil-post tal-aħħar residenza tiegħu fi Spanja, jew, jekk ma jkunx hemm għażla oħra, fil-post fejn huwa domiċiljat ir-rikorrent.

Ir-rikors irid jiġi ppreżentat bil-miktub permezz ta’ avukat u jkun akkumpanjat mill-istess dokumenti bħal fil-każ preċedenti.

Ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni jista’ jkun inċidentali.

Ir-rikonoxximent fi Spanja ta’ sentenzi mogħtija fid-Danimarka huwa rregolat mil-Liġi 29/2015 tat-30 ta’ Lulju 2015 dwar il-kooperazzjoni legali internazzjonali f’materji ċivili. Il-proċedura tibda bil-preżentata ta’ rikors direttament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li jkollha ġuriżdizzjoni.

Jekk l-uniku għan ikun id-dħul fir-Reġistru tat-Twelid, taż-Żwiġijiet u tal-Imwiet, ma jkunx meħtieġ li tinkiseb approvazzjoni ġudizzjarja minn qabel jew exequatur, peress li tapplika l-Liġi 20/2011 tal-21 ta’ Lulju 2011 dwar ir-Reġistru tat-Twelid, taż-Żwiġijiet u tal-Imwiet.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Il-proċedura meħtieġa sabiex deċiżjoni ma tiġix rikonoxxuta hija l-istess bħal dik għar-rikonoxximent. Jekk id-deċiżjoni kienet rikonoxxuta skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2019/1111, tista’ tiġi ppreżentata oġġezzjoni biss wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ rikonoxximent, u jrid jitressaq appell quddiem il-Qorti Provinċjali rilevanti sal-iskadenza statutorja.

Jekk il-kwistjoni tikkonċerna deċiżjoni mogħtija fid-Danimarka, l-oġġezzjoni trid issir waqt li tkun għadha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza waqt li l-qorti tkun qiegħda tikkunsidra r-rikors tal-parti l-oħra għar-rikonoxximent tagħha. F’kull każ, huma meħtieġa s-servizzi ta’ avukat sabiex l-oġġezzjoni tiġi ppreżentata formalment.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 fil-21 ta’ Ġunju 2012, u f’konformità mal-Artikoli 5 u 8 tiegħu, il-konjuġi jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għas-separazzjoni jew id-divorzju tagħhom minn fost dawk speċifikati fir-Regolament. Jekk ma jagħmlux għażla, id-divorzju u s-separazzjoni legali jkunu suġġetti għal-liġi tal-Istat:

  1. fejn il-konjuġi jkunu residenti abitwalment fiż-żmien li l-qorti tiġi adita; jew, fin-nuqqas ta’ din,
  2. fejn il-konjuġi kienu abitwalment residenti l-aħħar, sakemm il-perjodu ta’ residenza ma ntemmx aktar minn sena qabel ma l-qorti ġiet adita, sa fejn wieħed mill-konjuġi jkun għadu jirrisjedi f’dak l-Istat fiż-żmien meta l-qorti tiġi adita; jew, fin-nuqqas ta’ din,
  3. li tiegħu iż-żewġ konjuġi huma ċittadini fiż-żmien li l-qorti tiġi adita; jew, fin-nuqqas ta’ din,
  4. fejn il-Qorti tiġi adita.

Il-liġi applikabbli għall-annullament taż-żwieġ u l-effetti tiegħu jiġu ddeterminati skont il-liġi applikabbli għall-konklużjoni taż-żwieġ, f’konformità mal-Kodiċi Ċivili.

Fir-rigward tar-reġimi tal-proprjetà matrimonjali, il-liġi applikabbli tiġi ddeterminata mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal-24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali, jew, jekk dan ma japplikax, mill-Artikolu 9(2) tal-Kodiċi Ċivili Spanjol.

Kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri huma rregolati skont il-Konvenzjoni ta’ The Hague tad-19 ta’ Ottubru 1996 bil-liġi tal-forum.

Fil-kwistjoni tal-miżuri provviżorji, għandha tiġi applikata l-istess liġi li tirregola s-separazzjoni legali, l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju f’kull każ, ħlief fir-rigward ta’ miżuri urġenti li jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-persuni jew proprjetà li tkun tinsab fi Spanja, anke meta ma jkun hemm l-ebda ġuriżdizzjoni biex tinstema’ l-kawża.

Il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment tiġi ddeterminata f’konformità mal-Protokoll ta’ The Hague tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

Il-liġi applikabbli għar-reġim tal-proprjetà matrimonjali tiġi ddeterminata f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal-24 ta’ Ġunju 2016.

Rigward kif tingħata prova tal-liġi barranija fi Spanja, jekk hekk ikun il-każ, iridu jiġu ppruvati l-kontenut u l-validità tagħha; il-qorti Spanjola tista’ tistabbilixxi dan b’kull mezz li hija tqis neċessarju għal dan l-iskop.

Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat illi l-proċedimenti mressqa fi Spanja huma dejjem regolati mil-liġi proċedurali Spanjola, irrispettivament mil-liġi applikabbli għad-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ. Dawn il-proċeduri huma rregolati mit-Titolu I tal-Ktieb IV tal-Liġi 1/2000 tas-7 ta’ Jannar 2000 dwar il-Proċedura Ċivili.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 30/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.