Divorzju u separazzjoni legali

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ksib ta' divorzju?

Kemm wieħed kif ukoll iż-żewġ konjuġi flimkien jistgħu jitolbu għad-divorzju. Din it-talba trid issir wara perjodu ta' sitt xhur sabiex il-partijiet jerġgħu jikkunsidraw f'ċerti ċirkustanzi. Dawn iċ-ċirkustanzi japplikaw:

  • jekk iż-żewġ konjuġi jitolbu għalih;
  • jekk wieħed mill-konjuġi jgħix b'mod permanenti ma' wild minn tagħhom li għandu inqas minn 16-il sena u għandu l-kustodja tiegħu; jew
  • jekk wieħed mill-miżżewġin biss jixtieq il-ħall taż-żwieġ.

F'ċerti każijiet eċċezzjonali, madankollu, il-koppji li jaqgħu fil-punti msemmija hawn fuq għandhom ukoll id-dritt għad-divorzju mingħajr il-perjodu biex jerġgħu jikkunsidraw. Dan japplika wkoll jekk il-koppja ilha tgħix separatament għal sentejn. Wieħed mill-konjuġi għandu dritt għad-divorzju wkoll mingħajr dak il-perjodu jekk jinsab li x'aktarx ġie sfurzat jiżżewweġ, jew jekk il-konjuġi żżewweġ qabel ma għalaqx it-18-il sena mingħajr liċenzja uffiċjali. Jekk iż-żwieġ ġie ċelebrat anki jekk il-konjuġi kienu jiġu minn xulxin, jew jekk iż-żwieġ ġie ċelebrat anki jekk wieħed mill-konjuġi kien diġà miżżewweġ jew kien fi sħubija reġistrata u ż-żwieġ ta' qabel jew is-sħubija kienu għadhom fis-seħħ, kull konjuġi għandu dritt għad-divorzju mingħajr dak il-perjodu biex jerġa' jikkunsidra.

2 X'inhuma r-raġunijiet għal divorzju?

Konjuġi dejjem għandu dritt jikseb sentenza ta' divorzju u ma għandux għalfejn jistrieħ fuq xi raġunijiet speċjali biex jiksibha.

3 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' divorzju f'dak li jirrigwarda:

3.1 ir-relazzjonijiet personali bejn il-konjuġi (pereżempju l-kunjom)?

Jekk wieħed mill-konjuġi jieħu kunjom l-ieħor, dan il-konjuġi għandu dritt jerġa' juża l-kunjom li kellu qabel iżżewweġ.

3.2 il-qsim tal-proprjetà tal-konjuġi

Wara d-divorzju, il-proprjetà tal-koppja tinqasam bejniethom. Il-prinċipju ġenerali huwa li l-proprjetà tinqasam f'ishma ndaqs. Ir-raġuni għall-ħall taż-żwieġ mhix importanti għad-diviżjoni tal-proprjetà tal-koppja.

3.3 it-tfal minorenni tal-konjuġi

Wara divorzju, il-konjuġi awtomatikament ikomplu jkollhom il-kustodja konġunta tat-tfal tagħhom. Il-kustodja konġunta, madankollu, tista' tintemm minn qorti:

  • ex officio mill-qorti, jekk il-qorti ssib li l-kustodja konġunta tkun manifestament inkompatibbli mal-aħjar interessi tal-wild; jew
  • b'talba ta' wieħed mill-konjuġi, jekk il-qorti ssib li huwa fl-aħjar interessi tal-wild li wieħed mill-konjuġi jkollu l-kustodja esklussiva.

Jekk iż-żewġ konjuġi jitolbu li tintemm il-kustodja konġunta, il-qorti obbligata taċċetta din it-talba.

Iż-żewġ ġenituri jibqgħu responsabbli għall-manteniment ta' uliedhom. Il-ġenitur li ma jgħixx ma' wliedu jissodisfa l-obbligu ta' manteniment billi jħallas il-manteniment ta' wliedu lill-ġenitur l-ieħor.

3.4 l-obbligu ta’ ħlas tal-manteniment lill-konjuġi l-ieħor?

Wara d-divorzju, kull konjuġi huwa responsabbli biex imantni ruħu. L-eċċezzjonijiet japplikaw biss f'ċerti sitwazzjonijiet speċjali, pereżempju fejn konjuġi wieħed qed isibha diffiċli jmantni lilu nnifsu wara li jkun inħall żwieġ twil jew jekk ikun hemm raġunijiet validi oħra.

4 F'termini prattiċi, xi jfisser it-terminu legali "separazzjoni ġudizzjarja"?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Żvediża.

5 X'inhuma l-kundizzjonijiet għal separazzjoni ġudizzjarja?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Żvediża.

6 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' separazzjoni ġudizzjarja?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali skont il-liġi Żvediża.

7 Fil-prattika, xi jfisser it-terminu "annullament taż-żwieġ"?

Ma hemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża. Żwieġ jista' jinħall jew jekk imut wieħed mill-konjuġi jew jekk il-qorti tagħti sentenza ta' divorzju.

8 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jingħata annullament taż-żwieġ?

Ma hemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża.

9 X'inhuma l-konsegwenzi legali ta' annullament taż-żwieġ?

Ma hemmx regoli dwar l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża.

10 Hemm mezzi alternattivi mhux ġudizzjarji biex jissolvew il-kwistjonijiet relatati mad-divorzju mingħajr il-bżonn ta' rikors il-qorti?

Il-qorti biss tista' tħoll żwieġ permezz tad-divorzju. Madankollu, hemm alternattivi sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet varji li jistgħu jinqalgħu b'rabta ma' divorzju.

Il-konjuġi jistgħu jiksbu dak li huwa magħruf bħala" medjazzjoni tal-familja" li għandha l-għan li tittratta kunflitti tal-koabitazzjoni. B'dan il-mod, il-koppji jistgħu jfittxu għall-għajnuna biex isolvu l-problemi u l-kunflitti tagħhom sabiex jistgħu jkomplu biż-żwieġ tagħhom. Jekk ikun hemm diġà separazzjoni de facto, il-medjazzjoni tal-familja minflok tista' tgħin sabiex tiffaċilita l-kunflitt u tagħmilha possibbli sabiex l-adulti jaħdmu flimkien fir-rwol tagħhom ta' ġenitur. Il-medjazzjoni tal-familja tingħata mis-settur pubbliku (awtoritajiet lokali), għaqdiet tal-knisja, u individwi oħra. L-awtoritajiet lokali huma responsabbli biex jiżguraw li l-medjazzjoni tal-familja tiġi offruta lil kull min jitlobha.

Il-konjuġi għandhom ukoll id-dritt għal hekk imsejħa "diskussjonijiet ta' kooperazzjoni". Dawn id-diskussjonijiet mhumiex maħsuba għar-relazzjoni bejn l-adulti, iżda għat-tfal. Id-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni għandhom l-għan li jwasslu għal ftehim dwar kwistjonijiet dwar il-kustodja tat-tfal, fejn jgħixu t-tfal, u l-aċċess għat-tfal. Id-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni jsiru taħt is-superviżjoni ta' esperti. L-awtoritajiet lokali huma responsabbli biex jiżguraw li d-diskussjonijiet ta' kooperazzjoni jiġu offruti lil kull min jitlobhom.

Jekk il-konjuġi jixtiequ jagħmlu xi tibdil rigward il-kustodja tat-tfal tagħhom, fejn jgħixu t-tfal, jew l-aċċess għalihom, dan jista' jsir bil-konklużjoni ta' ftehim fuq din il-kwistjoni. Dan il-ftehim jrid jiġi approvat mill-kumitat tas-servizzi soċjali tal-awtorità lokali.

11 Fejn għandi nippreżenta r-rikors (petizzjoni) tiegħi għal divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ? Liema formalitajiet għandhom jitħarsu u liema dokumenti għandi nehmeż mar-rikors tiegħi?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża.

L-ewwel kundizzjoni għall-preżentata ta' talba għal divorzju quddiem qorti Żvediża hija li l-qorti Żvediża jrid ikollha ġuriżdizzjoni biex tisma' l-każ. Minbarra d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Brussell II, il-każijiet li ġejjin huma koperti wkoll skont ir-regoli awtonomi tal-ġuriżdizzjoni tal-qorti Żvediża:

  • meta ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini Żvediżi;
  • meta r-rikorrent ikun ċittadin Żvediż u residenti l-Iżvezja jew qabel kien residenti l-Iżvezja minn mindu għalaq it-18-il sena;
  • meta r-rikorrent ma jkunx ċittadin Żvediż, iżda ilu residenti l-Iżvezja għal tal-inqas sena; jew
  • jekk l-intimat ikun residenti l-Iżvezja.

Jekk jintwera li qorti Żvediża jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tisma' proċedimenti ta' divorzju, il-każ jinstema' mill-qorti distrettwali (tingsrätt) fl-Iżvezja fiż-żona fejn ikun residenti wieħed mill-miżżewġin. Jekk ħadd minnhom ma jkun residenti l-Iżvezja, il-każ jinstema' mill-Qorti Distrettwali ta' Stokkolma (Stockholms tingsrätt).

Hemm żewġ modi differenti kif titressaq kawża ta' divorzju quddiem il-qorti distrettwali. Jekk iż-żewġ konjuġi jridu d-divorzju, jistgħu jippreżentaw rikors konġunt. Madankollu, jekk wieħed minnhom biss jixtieq id-divorzju, dak il-konjuġi jrid jippreżenta rikors lill-qorti distrettwali. Fiż-żewġ każijiet, iridu jinthemżu l-kopji taċ-ċertifikati tat-twelid taż-żewġ konjuġi. Dawn jistgħu jintalbu mill-Aġenzija Żvediża dwar it-Taxxa (Skatteverket).

12 Nista’ ningħata għajnuna legali biex inkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

F'każ li jikkonċerna d-divorzju u kwistjonijiet relatati, l-għajnuna legali tista' tingħata biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali.

13 Huwa possibbli li deċiżjoni relatata ma’ divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ tiġi appellata?

Ma hemmx regoli dwar is-separazzjoni personali jew l-annullament taż-żwieġ skont il-liġi Żvediża.

Iva, jista' jsir appell minn sentenza ta' divorzju.

14 X'għandi nagħmel biex deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti fi Stat Membru ieħor tiġi rikonoxxuta f’dan l-Istat Membru?

Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 dwar il-ġuriżdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta' responsabbiltà tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ir-Regolament Brussell II), sentenza li tingħata fi Stat Membru tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun tinħtieġ xi proċedura speċjali. Madankollu hemm ċerti raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent.

Ir-regola prinċipali fir-Regolament Brussell II għalhekk hija li sentenza ta' divorzju jew separazzjoni personali jew annullament taż-żwieġ li ngħatat f'xi Stat Membru trid tiġi awtomatikament ittrattata bl-istess mod u għandu jkollha l-istess effetti legali daqs deċiżjoni Żvediża ekwivalenti. Anki jekk ir-regolament huwa għalhekk ibbażat fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, parti interessata tista' xorta tikseb dikjarazzjoni li s-sentenza barranija ġiet jew ma ġietx rikonoxxuta fl-Iżvezja. Dan ir-rikors isir lill-Qorti tal-Appell Svea (Svea hovrätt), li f'dan l-istadju tieħu deċiżjoni dwar ir-rikors mingħajr ma tikkonsulta mal-parti l-oħra.

15 F'liema qorti għandi nirrikorri biex nopponi għar-rikonoxximent ta' deċiżjoni dwar divorzju/separazzjoni ġudizzjarja/annullament taż-żwieġ mogħtija minn qorti ta' Stat Membru ieħor? Liema proċedura tapplika f'dawn il-każijiet?

Irid isir rikors lill-Qorti tal-Appell ta' Svea sabiex tintuża l-opportunità prevista fir-Regolament Brussell II sabiex tinkiseb dikjarazzjoni li sentenza barranija tkun rikonoxxuta fl-Iżvezja (ara l-mistoqsija nru 14 iktar 'il fuq). Jekk il-Qorti tal-Appell ta' Svea ddikjarat f'dawn il-proċedimenti li s-sentenza inkwistjoni trid tiġi rikonoxxuta fl-Isvezja, il-parti l-oħra tista' tapplika għal rieżami ta' dik id-deċiżjoni. Rikors għal dan ir-rieżami jitressaq quddiem il-Qorti tal-Appell ta' Svea, li tisma' liż-żewġ partijiet għall-bqija tal-proċedimenti. Jista' jitressaq appell mal-Qorti Suprema (Högsta domstolen) kontra deċiżjoni dwar ir-rikors għar-rieżami mill-Qorti tal-Appell ta' Svea.

16 Liema liġi tad-divorzju tiġi applikata mill-qorti fil-proċeduri ta’ divorzju bejn konjuġi li ma jgħixux f’dan l-Istat Membru jew li huma ta’ nazzjonalitajiet differenti?

Talba għad-divorzju li tinstema' minn qorti Żvediża trid dejjem tiġi eżaminata skont il-liġi Żvediża (il-prinċipju tal-lex fori).

F'ċerti każijiet, madankollu, iridu jitqiesu wkoll id-dispożizzjonijiet tal-liġi barranija. Dan japplikaw fil-każijiet li ġejjin:

  • meta ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini barranin u l-ebda wieħed minnhom ma jkun għex l-Iżvezja għal mill-inqas sena, sentenza għal divorzju ma tkunx tista’ tingħata kontra x-xewqat ta' wieħed mill-konjuġi jekk ma jkunx hemm raġuni biex isir hekk skont il-liġi tal-Istat li wieħed mill-miżżewġin ikun ċittadin tiegħu;
  • jekk iż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini barranin u wieħed minnhom jsostni li ma jkunx hemm raġuni għall-ħall taż-żwieġ skont il-liġi tal-Istat li jkun ċittadin tiegħu, ma tkunx tista’ tinħareġ sentenza ta' divorzju jekk, meta jitqiesu tal-interessi tal-konjuġi jew ta’ wlied il-konjuġi, ikun hemm raġunijiet partikolari biex dan ma jsirx.

Jekk iż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini barranin u wieħed minnhom jsostni li ma jkunx hemm raġuni għall-ħall taż-żwieġ skont il-liġi tal-Istat li jkun ċittadin tiegħu, ma tkunx tista’ tinħareġ sentenza ta' divorzju jekk, meta jitqiesu l-interessi tal-konjuġi jew ta’ wlied il-konjuġi, ikun hemm raġunijiet partikolari biex dan ma jsirx.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 01/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.