

Skont il-Kostituzzjoni Estonjana, l-obbligu ta’ manteniment huwa d-dmir tal-familja biex tipprovdi għall-membri tagħha fil-bżonn.
Il-benefiċċju tal-manteniment huwa ammont li l-qorti tordna li jitħallas bħala manteniment, ġeneralment mibgħut perjodikament fil-forma ta’ flus. Fuq talba tal-persuna intitolata, f’xi każijiet il-qorti tista’ tordna illi l-manteniment jitħallas fil-forma ta’ somma waħda f’daqqa. Persuna li trid tħallas il-manteniment ta’ tifel minuri tista’, jekk ikun hemm raġuni valida, titlob sabiex taqdi dmirha b’mezz mhux finanzjarju.
Ġeneralment, l-obbligu tal-ħlas ta’ manteniment lil persuna fil-bżonn huwa tal-axxendenti u dixxendenti tagħha fl-ewwel u t-tieni grad - fi kliem ieħor, wild adult, ġenituri u nanniet huma marbuta reċiprokament biex jipprovdu għal xulxin. Il-konjuġi wkoll huma marbuta biex imantnu reċiprokament lill-familja tagħhom bix-xogħol u l-propjetà tagħhom, inklużi l-attivitajiet li jsiru bl-għan li jiġu koperti l-ispejjeż ta’ unità domestika konġunta u l-bżonnijiet ordinarji u straordinarji tal-konjuġi u tat-tfal tagħhom. L-obbligu tal-ħlas tal-manteniment lil persuna fil-bżonn jista’ jiġi estiż għal konjuġi divorzjat jew lil persuna li ma kinitx miżżewġa mad-debitur tal-manteniment iżda li flimkien kellhom it-tfal.
Il-manteniment jitħallas fil-forma ta’ somma mill-ġenitur ta’ tfal minuri, partikolarment jekk huwa ma jgħix mat-tfal tiegħu jew mhux involut fit-trobbija tagħhom. Il-konjuġi divorzjat tal-persuna fil-bżonn irid iħallas il-manteniment jekk, wara d-divorzju u minħabba r-responsabbiltà tal-kura tat-tfal li għandha, ma tistax tipprovdi għaliha nfisha jew minħabba l-età jew xi kundizzjoni medika. Persuna li kellha tarbija ma’ persuna li issa għandha bżonn l-għajnuna trid tħallas manteniment għal 12-il ġimgħa wara t-twelid tat-tarbija, u wara wkoll, jekk il-mara għandha bżonn l-għajnuna minħabba xi problema ta’ saħħa li ġarrbet fit-tqala, fit-twelid jew fit-trobbija tat-tarbija.
L-età maġġuri hija 18-il sena, u persuna taħt it-18-il sena hija minuri. Minuri għandu dritt jibbenefika mill-manteniment, u huma prinċipalment il-ġenituri tat-tfal li għandhom responsabbiltà indaqs li jmantnuhom. Minuri li issa għalaq it-18-il sena u baqa’ jistudja l-kurrikulu ta’ skola primarja jew sekondarja fi skola primarja, skola sekondarja ogħla jew f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni vokazzjonali jew qiegħed isegwi kors ta’ edukazzjoni għolja l-università wkoll għandu dritt għall-manteniment, iżda biss sakemm jagħlaq 21 sena.
It-tfal adulti jridu jerġgħu jidhru quddiem il-qorti b’mod indipendenti jekk jixtiequ li jkompli jitħallas il-benefiċċju wara li jkunu laħqu l-età maġġuri, jekk l-obbligu għall-ħlas tal-benefiċċju intemm minħabba sentenza tal-qorti preċedenti.
L-axxendenti jew dixxendenti l-oħra li mhumiex kapaċi jmantnu lilhom infushom għandhom dritt jirċievu l-manteniment jekk jiġi determinat illi għandhom bżonn l-għajnuna.
Il-ġenitur ta’ tfal minuri jista’ jintalab iħallas il-manteniment. Jekk il-ġenitur ma jħallasx volontarjament il-manteniment, tista’ ssir talba lill-qorti għal ħlas tal-manteniment. Għal talba ta’ manteniment, jrid isir rikors għall-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet ta’ ordni għal ħlas ta’ manteniment għal tfal jew rikors (kawża għall-manteniment) lill-qorti. Ma titħallas l-ebda tariffa lill-Istat għal dawn il-miżuri meta ssir talba għal manteniment tal-minuri.
Il-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet relatati ma’ ordni għal ħlas hija proċedura simplifikata fejn il-pagament tal-manteniment jista’ jiġi ordnat biss jekk jintalab għall-minuri, jidher isem il-ġenitur li jrid iħallas il-manteniment fuq iċ-ċertifikat tat-twelid, il-manteniment ma jaqbiżx darba u nofs ir-rata minima ta’ manteniment (ara t-tweġiba 8) fix-xahar u l-ġenitur l-ieħor ma jikkontestax il-ħlas tal-manteniment. Jekk il-kundizzjonijiet għall-preżentazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas ma jiġux sodisfati, irid isir rikors quddiem il-qorti tal-kontea tar-residenza tat-tfal għall-manteniment.
Għal aktar dettalji dwar il-proċedura mħaffa għal ordni ta’ ħlas f’talba għall-manteniment għat-tfal ara hawnhekk. Il-formola tar-rikors għall-ħlas tal-manteniment tat-tfal hija disponibbli hawnhekk.
It-tfal minuri għandhom dritt jirċievu l-manteniment. Minħabba li l-minuri għandhom kapaċità ġuridika limitata, huwa r-rappreżentant legali tal-minuri - il-ġenitur li għandu l-kustodja - li jressaq ir-rikors quddiem il-qorti f’isem it-tfal. Jekk ikun ġie maħtur kuratur għat-tfal, il-kawża ssir mit-tutur tiegħu fil-kapaċità tiegħu ta’ rappreżentant legali tat-tfal.
Adult li għandha kapaċità ġuridika sħiħa jiftaħ kawża għall-manteniment b’mod indipendenti.
It-talba lill-qorti biex tordna lil ġenitur iħallas il-manteniment għat-tfal titqies bħala kwistjoni ta’ manteniment. Fi kwistjoni ta’ manteniment, ir-rikors irid jiġi ppreżentat lill-qorti tal-kontea tar-residenza tat-tfal. Jekk it-tfal ma jgħixux l-Estonja, ir-rikors isir skont fejn huwa residenti l-konvenut. Jekk il-konvenut ma jgħix l-Estonja, ir-rikors isir skont fejn huwa residenti r-rikorrent.
Il-manteniment jista’ jintalab ukoll skont il-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet relatati ma’ ordni ta’ ħlas (ara t-tweġiba għall-mistoqsija 3).
It-talba għall-manteniment tat-tfal quddiem il-qorti teħtieġ kawża li madankollu ma teħtieġx għajnuna legali professjonali jew is-servizzi ta’ intermedjarju. Il-qorti tordna l-ħlas tal-manteniment mid-data ta’ preżentazzjoni tal-kawża, iżda hija tista’ wkoll, abbażi tal-kawża, tordna illi l-manteniment jitħallas retroattivament sa massimu ta’ sena qabel ma ġiet ippreżentata l-kawża.
Il-formola tar-rikors għall-ħlas tal-manteniment tat-tfal hija disponibbli hawnhekk.
Ma trid titħallas l-ebda tariffa tal-Istat għal kawża mressqa għall-eżekuzzjoni ta’ obbligu tal-manteniment fir-rigward ta’ tifel minuri jew għar-rieżami ta’ talba għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet dwar ordni ta’ ħlas f’talba għall-manteniment tat-tfal.
Tista’ tintalab l-għajnuna legali jew proċedurali biex tkopri l-ispejjeż tal-proċedura.
Fil-każ tal-għajnuna legali, jitqabbad avukat għar-rikorrent mill-Kamra tal-Avukati tal-Estonja. L-irwol tal-avukat huwa li jirrappreżenta u jagħti parir lir-rikorrent fil-proċedimenti. L-għajnuna legali hija disponibbli għal persuni li minħabba l-qagħda finanzjarja tagħhom ma jistgħux iħallsu għas-servizzi ta’ espert legali fiż-żmien meta jkollhom bżonn l-għajnuna legali jew jistgħu jħallsu biss parzjalment jew bin-nifs, jew għal persuni f’qagħda finanzjarja li tagħmilha impossibbli li jgħixu bli jkun fadlilhom wara li jkunu ħallsu għas-servizzi legali. L-għoti tal-għajnuna legali ma jeħlisx lill-persuna benefiċjarja mill-ħlas tal-ispejjeż proċedurali l-oħra.
Għal aktar informazzjoni dettaljata dwar l-għajnuna legali mill-Istat ara hawnhekk.
L-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż proċedurali jistgħu jsiru minn persuni li ma jistgħux iħallsu dawk l-ispejjeż minħabba l-qagħda finanzjarja tagħhom jew minn dawk li jistgħu iħallsuhom biss parzjalment jew bin-nifs. Irid ikun hemm raġuni tajba li tagħti x’taħseb illi l-parteċipazzjoni pjanata fil-proċedimenti se tkun suċċess.
Il-formola tal-applikazzjoni għall-għajnuna proċedurali għal persuna fiżika u l-avviż dwar il-qagħda personali u finanzjarja tal-applikant u tal-membri tal-familja tiegħu hija disponibbli hawnhekk.
Il-qorti tista’ tordna illi jitħallas ammont fiss jew varjabbli bħala manteniment tat-tfal, u tispeċifika l-bażi għall-kalkolu tal-ammont ta’ manteniment. Il-qrati ġeneralment jordnaw illi l-ħlas tal-manteniment isir f’pagamenti fix-xahar. Madankollu l-manteniment fix-xahar għal tifel wieħed ma jistax ikun inqas min nofs il-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern tar-Repubblika (l-ammont ta’ manteniment minimu għalhekk kien ta’ EUR 250 għal kull tifel fl-2018, EUR 270 fl-2019 u EUR 292 fl-2020). Madanakollu, il-qorti tista’, jekk ikun hemm raġuni valida, tnaqqas il-manteniment għal taħt il-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern. Raġunijiet validi f’dan il-każ jistgħu jinkludu l-inkapaċità għax-xogħol ta’ wieħed mill-ġenituri jew minħabba li l-persuna li trid tħallas il-manteniment għandha nies oħra jiddependu fuqha.
Il-persuna li trid tħallas il-manteniment tista’, jekk ikun hemm raġuni valida, titlob li tagħti l-manteniment b’mezz ieħor. Il-ġenituri jistgħu jiftehmu b’mod kunsenswali fuq arranġament dettaljat dwar il-manteniment tat-tfal, u kif u f’liema intervalli għandu jingħata l-manteniment.
L-ammont tal-manteniment jiġi ddeterminat skont il-bżonnijiet tat-tfal u l-istil ta’ ħajja normali tagħhom. L-istil ta’ ħajja normali tat-tfal jiddependi mill-mezzi finanzjarji tal-ġenituri tagħhom. Jekk jinbidlu r-raġunijiet għall-ħlas tal-manteniment, kull parti tista’ tippreżenta rikors il-qorti sabiex titlob żieda jew tnaqqis fil-manteniment.
Jekk il-bidla tiġi approvata, l-ammont ta’ manteniment jista’ jinbidel mid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni - jiġifieri l-arretrati tal-manteniment ma jistgħux jinbidlu.
Fl-Estonja, l-ammont ta’ manteniment jinbidel awtomatikament jekk il-manteniment ordnat mill-qorti kien marbut mal-paga minima fix-xahar stabbilita mill-Gvern u nbidel l-ammont tal-paga minima. L-ammont tal-paga minima fix-xahar jinsab hawnhekk.
B’mod ġenerali, il-manteniment jitħallas bħala somma ta’ flus fix-xahar. Il-persuna li trid tħallas il-manteniment ta’ tifel minuri tista’, jekk ikun hemm raġuni valida, titlob sabiex taqdi dmirha b’mezzi oħra. Il-manteniment jitħallas fil-forma ta’ somma mill-ġenitur ta’ tfal minuri, partikolarment jekk huwa ma jgħix mat-tfal tiegħu jew mhux involut fit-trobbija tagħhom. Il-manteniment jitħallas bil-quddiem għal kull xahar tal-kalendarju. Għalkemm il-benefiċjarji tal-manteniment huma t-tfal, il-manteniment normalment irid jitħallas lill-ġenitur l-ieħor. Il-manteniment jista’ jitħallas direttament lit-tfal jekk il-ġenituri hekk ikunu ftehmu jew skont deċiżjoni tal-qorti f’dan is-sens.
Jekk is-sentenza tal-qorti li tordna l-ħlas tal-manteniment daħħlet fis-seħħ jew hija suġġetta għal eżekuzzjoni immedjata iżda l-ġenitur l-ieħor ma josservahix, għandu jiġi kkuntattjat bailiff. Jekk id-debitur ma jwettaqx il-pagamenti ndikati fis-sentenza fil-ħin rikjest, abbażi tar-rikors li jkun sar mill-persuna li ħadet miżuri biex tiggarantixxi l-kawża, il-bailiff jipprepara għall-qbid tal-assi tad-debitur. Għall-qbid tal-assi tad-debitur, il-bailiff irid jirċievi s-sentenza tal-qorti flimkien mal-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni. Għandha tingħata informazzjoni dwar id-debitur u l-assi tiegħu (residenza, dettalji ta’ kuntatt, informazzjoni magħrufa dwar l-assi) fl-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni. Jekk l-applikant jixtieq li l-bailiff juża’ l-mezzi kollha previsti mil-liġi għall-ġbir tad-dejn, għandu jiġi mniżżel fl-applikazzjoni għall-eżekuzzjoni illi l-applikant qiegħed jagħmel talba għall-ħlas fuq il-propjetà immobbli reġistrata tad-debitur, il-propjetà mobbli u t-titoli. Fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, il-manteniment tat-tfal għandu prijorità fuq talbiet oħra, u sabiex talba għal manteniment tiġi ssodisfata, jistgħu jinqabdu assi f’ammonti ikbar u jiġu sospiżi mingħajr data preċiża permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti id-drittijiet u l-validità tal-awtorizzazzjonijiet li ġejjin: drittijiet tal-kaċċa, id-dritt li jinstaqu vetturi bil-magni, permessi għall-armi u permessi għall-akkwist tal-armi, id-dritt li jinstaqu opri tal-baħar għar-rikreazzjoni u inġenji tal-ilma personali, u permessi għas-sajd.
Dawk li jridu jħallsu l-manteniment jinħelsu minn dan l-obbligu jekk ma jkunux jistgħu, fid-dawl tal-obbligi l-oħra tagħhom u tal-propjetà tagħhom, jipprovdu manteniment lil persuna oħra mingħajr ma jippreġudikaw l-għajxien tagħhom stess. Minkejja dak li għadu kif intqal, il-ġenituri ma jinħelsux mill-obbligu ta’ manteniment lejn it-tfal minuri tagħhom. Qorti tista’ teħles persuna obbligata (id-debitur) mill-obbligu tal-manteniment, tillimita l-perjodu ta’ żmien għat-twettiq tal-obbligu jew tnaqqas l-ammont ta’ manteniment jekk ma jkunx ġust illi l-persuna tintalab tħallas, jekk pereżempju l-persuna intitolata għall-manteniment għandha bżonnu minħabba nuqqas ta’ ħsieb fl-aġir tagħha.
Il-kumpens għad-dannu minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment u n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu jista’ jintalab retroattivament għal massimu ta’ sena qabel isir rikors għal manteniment il-qorti. Il-preskrizzjoni għall-ħlas tal-manteniment bħala obbligu hija ta’ għaxar snin għal kull obbligu individwali. Il-preskrizzjoni tibda fl-aħħar tas-sena kalendarja li fiha tista’ tintalab it-talba korrispondenti mal-obbligu. L-obbligu tal-manteniment huwa obbligu personali li jintemm mal-mewt tal-persuna intitolata jew obbligata li tħallsu; japplikaw eċċezzjonijiet rigward ħlas bil-quddiem u ammonti ta’ tpaċija.
Fil-każ ta’ tilwim transfruntier dwar il-manteniment, l-awtorità ċentrali, jiġifieri id-Diviżjoni tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tad-Dipartiment tal-Politika Kriminali fil-Ministeru tal-Ġustizzja, tista’ toffri għajnuna.
Għajnuna legali tal-Istat L-għajnuna legali tista’ tintalab mal-preżentata ta’ rikors il-qorti għall-manteniment. M’hemmx organizzazzjonijiet jew awtoritajiet separati li jipprovdu għajnuna f’każ ta’ talbiet domestiċi għall-manteniment.
Mill-1 ta’ Jannar 2017, ġenitur li jkun qiegħed irabbi t-tfal għandu dritt japplika għal benefiċċju ta’ manteniment matul il-proċedimenti ġudizzjarji u l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni mill-Istat quddiem il-Bord għas-Sigurtà Soċjali (Sotsiaalkindlustusamet). Dan il-manteniment huwa għajnuna temporanja mill-Istat għall-ġenitur li qiegħed irabbi u jipprovdi għat-tfal tiegħu waħdu. L-Istat iħallas il-manteniment minflok il-ġenitur li mhux iħallas il-manteniment, imbagħad jirkuprah mingħandu f’data sussegwenti. Il-benefiċċju tal-manteniment mingħand l-Istat jitħallas lil persuna b’rabta mal-proċedimenti tal-qorti fi kwistjoni dwar il-manteniment. Sabiex wieħed jirċievi l-manteniment mill-istat huwa jrid jitlob lill-qorti għal ħlas tal-manteniment jew skont il-proċedura mħaffa fi kwistjonijiet ta’ ordni ta’ ħlas jew permezz ta’ rikors.
Il-benefiċċju tal-manteniment jiggarantixxi mill-inqas EUR 100 fix-xahar għat-tfal.
Aktar informazzjoni dwar it-talba għall-manteniment hija disponibbli hawnhekk.
Għall-manteniment skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tista’ tinkiseb għajnuna mid-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja.
Għall-manteniment minn pajjiż ieħor, trid issir applikazzjoni lid-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan u lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż l-ieħor. Għandu jiġi mehmuż iċ-ċertifikat tat-twelid tat-tfal jew is-sentenza tal-qorti li tistabbilixxi l-paternità. Jekk il-paternità ma ġietx stabbilita, dan għandu jitniżżel fl-applikazzjoni mibgħuta lill-pajjiż l-ieħor.
Il-formola ta’ applikazzjoni hija disponibbli hawnhekk.
Id-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan tista’ tiġi kkuntattjata bit-telefown fuq in-numri +372 6 208 183 u +372 7153443 jew b’ittra elettronika lil central.authority@just.ee u keskasutus@just.ee.
Talba mingħand applikant li jirrisjedi f’pajjiż ieħor tirċievi l-aħjar attenzjoni jekk tiġi kkuntattjata l-awtorità adattata fil-pajjiż ta’ residenza, li mbagħad tikkuntattja lill-Ministeru tal-Ġustizzja Estonjan.
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 14.1.
Il-Protokoll tal-Aja tal-2007 ġie rratifikat mill-Unjoni Ewropea, fejn l-Estonja ilha Stat Membru mill-1 ta’ Mejju 2004.
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 16.
F’każijiet transfruntiera fi ħdan l-Unjoni Ewropea li jikkonċernaw talbiet għall-manteniment, huma disponibbli l-għajnuna legali mill-Istat u l-għajnuna proċedurali skont ir-Regolament. Dan jiggarantixxi illi matul il-proċedimenti l-persuna tiġi rappreżentata minn xi ħadd b’esperjenza legali xieraq u li jkollha aċċess għall-ġustizzja għaliex l-ispejjeż proċedurali jkunu koperti. Ir-regoli dwar l-għajnuna legali u l-għajnuna proċedurali jindikaw illi tiġi applikata l-liġi nazzjonali sakemm mhux previst mod ieħor mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009.
Fil-prinċipju, l-istess garanziji li japplikaw għal persuni residenti fl-Estonja japplikaw ukoll għal persuni li jgħixu fi Stat Membri oħra tal-Unjoni Ewropea. F’każ ta’ każijiet transfruntiera dwar il-manteniment, huma disponibbli kemm l-għajnuna legali u pariri kif ukoll l-għajnuna legali mill-Istat u l-għajnuna proċedurali mingħand l-awtorità ċentrali, jiġifieri d-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 u, rigward l-oqsma mhux koperti mir-Regolament, skont il-liġi nazzjonali.
Twaqqfet awtorità ċentrali għall-kooperazzjoni ġudizzjarja transfruntiera - id-Diviżjoni tal-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Għalhekk għall-manteniment skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tista’ tinkiseb għajnuna mid-Diviżjoni għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li tmexxi l-proċedimenti dwar l-applikazzjonijiet internazzjonali għall-għajnuna legali.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.