

Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-obbligu legali għall-għoti ta' manteniment huwa r-rekwiżit impost mil-liġi biex persuna tipprovdi lil persuna oħra bil-mezzi neċessarji ta' sussistenza, inkluż għas-sodisfazzjon ta' bżonnijiet spiritwali, u, fil-każ tal-obbligi ta' manteniment mill-ġenituri lejn uliedhom li jkunu taħt l-età, il-mezzi meħtieġa għat-trobbija, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom.
Jeżisti obbligu ta' manteniment bejn il-miżżewġin, il-qraba fil-linja diretta, l-aħwa u ċerti persuni oħra speċifikati mil-liġi (l-Artikolu 516 tal-Kodiċi Ċivili Rumen).
Hemm ukoll obbligu ta' manteniment bejn l-eks konjuġi (l-Artikolu 398 tal-Kodiċi Ċivili). Dan ma għandux jitħawwad ma' benefiċċju ta' kumpens jew danni.
Konjuġi li jkun ikkontribwixxa għall-manteniment tat-tfal tal-konjuġi l-ieħor ikollu l-obbligu li jipprovdi l-manteniment għal dawk it-tfal sakemm dawk it-tfal ikunu taħt l-età, imma biss f'każ li l-ġenituri naturali tagħhom ikunu mietu, nieqsa jew fil-bżonn (l-Artikolu 517(1) tal-Kodiċi Ċivili). Min-naħa tagħhom, it-tfal jistgħu jkunu obbligati jipprovdu l-manteniment lill-persuna li tkun ipprovditilhom dan il-manteniment għal 10 snin (l-Artikolu 517(2) tal-Kodiċi Ċivili).
Il-werrieta ta' persuna li tkun obbligata tmantni persuna taħt l-età jew li tkun ipprovdiet il-manteniment mingħajr ma kellha l-ebda obbligu legali biex tagħmel hekk, huma obbligati jkomplu jipprovdu il-manteniment, skont il-valur tal-beni li jirtu, f'każ li l-ġenitur tal-persuna taħt l-età jkunu mietu, nieqsa jew fil-bżonn, imma biss sakemm il-persuna li qed tirċievi l-manteniment tkun taħt l-età.
L-obbligu ta' manteniment bejn il-ġenituri u t-tfal huwa rregolat mill-Artikoli 499 u 525 tal-Kodiċi Ċivili. Persuni taħt l-età li jitolbu l-manteniment mingħand il-ġenituri tagħhom jitqiesu bħala fil-bżonn jekk ma jkunux jistgħu jmantnu ruħhom fuq bażi ta' xogħolhom, anke jekk ikollhom il-beni. Madankollu, meta l-ġenituri ma jkunux f'pożizzjoni li jipprovdu l-manteniment mingħajr ma jipperikolaw l-għajxien tagħhom, il-qorti tal-familja tista' taqbel li l-manteniment jiġi pprovdut permezz tal-bejgħ tal-beni tat-tfal, ħlief għal dak li jkun strettament essenzjali.
Il-ġenituri għandhom l-obbligu li jmantnu l-ulied li jilħqu l-età maġġuri (normalment 18-il sena) u li iżda jkomplu l-istudji tagħhom, sakemm jispiċċaw dawk l-istudji, imma mhux wara li jkunu għalqu s-26 sena.
L-attur kreditur irid jiftaħ il-kawża fil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni fil-post tal-indirizz permanenti tiegħu jew f’dik tal-konvenut debitur. It-talba għall-manteniment tista' ssir jew separatament jew fil-proċedimenti għad-divorzju, għad-determinazzjoni tal-paternità, għall-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri fuq tfal taħt l-età jew għad-determinazzjoni tar-residenza ta’ persuna taħt l-età. Il-qorti tista’ tordna miżuri interim, b’ordni tal-president ta’ dik il-qorti, li jkunu validi biss sakemm tittieħed deċiżjoni rigward il-proċedimenti sustantivi relatati mal-ħall taż-żwieġ. Il-proċedimenti tal-ewwel istanza fihom bosta stadji. Fl-istadju bil-miktub, jiġu ppreżentati t-talba, id-difiża u l-kontrotalba; jistgħu jiġu ordnati miżuri kawtelatorji bħal qbid jew sekwestru; u l-partijiet jitħarrku u jintbagħtulhom id-dokumenti proċedurali. L-istadju orali jinkludi s-smigħ, u f'dan l-istadju jistgħu jitqajmu eċċezzjonijiet proċedurali u jinġabru l-provi. Dan ikun segwit mill-istadju ta' deliberazzjoni u mill-għoti tad-deċiżjoni mill-qorti.
F'każ ta' divorzju kunsenswali, li jista' jiġi ddikjarat minn nutar pubbliku, il-miżżewġin jistgħu jaqblu dwar il-kwistjonijiet anċillari kollha tad-divorzju, inkluża d-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni ta' kull ġenitur lejn l-ispejjeż tat-trobbija, l-edukazzjoni, l-istudji jew it-taħriġ vokazzjonali tat-tfal
Fil-prinċipju, il-partijiet involuti fil-proċedimenti tal-manteniment jistgħu jkunu rappreżentati. Madankollu, meta tiġi ppreżentata talba għal manteniment flimkien mal-proċedimenti għal divorzju, il-miżżewġin jistgħu jkunu rrappreżentati fit-talba għal divorzju biss f'ċerti każijiet stipulati b'mod speċifiku fl-Artikolu 920 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili.
Meta tiġi ppreżentata talba separata għad-determinazzjoni, jew iż-żieda/it-tnaqqis tal-manteniment, il-partijiet jistgħu jkunu rrappreżentati bil-mod konvenzjonali minn avukat jew rappreżentant ieħor; meta r-rappreżentant ma jkunx avukat, ma jkunx jista' jippreżenta l-argumenti orali tal-aħħar fil-proċess. Persuna taħt l-età tkun rappreżentata mir-rappreżentant legali tagħha (ġenitur jew, b'mod eċċezzjonali, persuna oħra li teżerċita l-awtorità tal-ġenituri). Talba fir-rigward ta' wild ta’ età maġġuri tiġi ppreżentata minn dak il-wild personalment.
Il-qorti bil-ġuriżdizzjoni territorjali (għall-post tar-residenza jew tad-debitur konvenut jew tal-kreditur attur) tista' tkun iddeterminata b'konsultazzjoni tal-atlas ġudizzjarju Rumen, li huwa ppubblikat fis-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja fil-portal tal-qrati: https://portal.just.ro/SitePages/acasa.aspx.
Le, għax mhux obbligatorju li l-attur ikun irrappreżentat jew assistit minn avukat.
Talbiet għad-determinazzjoni jew il-modifikazzjoni ta’ manteniment huma soġġetti għal ħlas ta’ RON 20. It-tiġrib tal-ispejjeż jimplika assistenza jew rappreżentanza minn avukat, imma dawn mhumiex obbligatorji. Jekk il-parti kkonċernata ma jkollhiex introjtu suffiċjenti, hija tista' titlob li l-għajnuna legali tkopri t-tariffi tal-avukat jew spejjeż oħra tal-proċess.
Il-manteniment jingħata skont il-bżonnijiet tal-persuna li qed titolbu u l-mezzi tal-persuna li trid tħallsu. Fil-prinċipju, il-manteniment jingħata in natura, sabiex jiġu żgurati l-mezzi neċessarji ta’ sussistenza. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, madankollu, il-qrati fil-prattika jistabbilixxu l-manteniment f’termini ta’ flus, jew bħala ammont fiss jew bħala perċentwal tal-introjtu mensili tad-debitur. (L-Artikolu 530 tal-Kodiċi Ċivili). Bil-liġi, il-manteniment espress bħala ammont fiss jiġi aġġustat għall-inflazzjoni fuq bażi trimestrili.
Meta l-manteniment ikun dovut minn ġenitur, jista’ jammonta għal sa kwart l-introjtu nett fix-xahar ta' dak il-ġenitur għal wild wieħed, terz għal żewġ ulied u nofs għal tliet ulied jew iktar. Skont il-liġi, l-ammont ta' manteniment dovut lit-tfal flimkien ma' kull manteniment dovut lil persuni oħrajn, ma jistax jaqbeż nofs l-introjtu nett fix-xahar tal-persuna responsabbli (l-Artikolu 529 tal-Kodiċi Ċivili).
Meta jkun hemm kwalunkwe bidla fil-mezzi tal-persuna li qed tipprovdi l-manteniment jew il-bżonnijiet tal-persuna li tkun qed tirċevih, il-qorti tal-familja tista', f'kawża ġdida, iżżid jew tnaqqas il-manteniment jew tordna li l-ħlas jintemm, kif xieraq (l-Artikolu 531 tal-Kodiċi Ċivili).
L-obbligu tal-manteniment jingħata in natura, biex jiġu pprovduti l-mezzi ta’ sussistenza kollha u, meta jkun xieraq, ikopri l-ispejjeż tat-trobbija, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u l-istudji (l-Artikolu 530 tal-Kodiċi Ċivili). Jekk l-obbligu ta’ manteniment ma jiġix issodisfat b’mod volontarju, in natura, il-qorti tal-familja tordna li dan jitħallas bħala manteniment stabbilit f’termini ta’ flus. Il-manteniment jista' jiġi ddeterminat jew bħala ammont fiss jew bħala perċentwal tal-introjtu nett fix-xahar tal-persuna obbligata li tipprovdi l-manteniment.
Il-manteniment jitħallas b'mod regolari kull tant żmien fid-dati maqbula bejn il-partijiet jew, f'każ ta' nuqqas ta' qbil, fid-dati ddeterminati minn deċiżjoni tal-qorti. Il-partijiet jistgħu jaqblu jew, jekk ikun hemm raġunijiet validi biex tagħmel hekk, il-qorti tal-familja tista’ tiddeċiedi, li l-manteniment jitħallas bil-quddiem bħala somma f’daqqa li tkopri l-ħtiġijiet ta’ manteniment tal-persuna intitolata għall-manteniment għal perjodu ta’ żmien itwal jew għall-perjodu kollu li l-manteniment jkun dovut matulu, dment li d-debitur li jkollu jagħti l-manteniment ikollu l-mezzi neċessarji biex jissodisfa dan l-obbligu (l-Artikolu 533 tal-Kodiċi Ċivili).
Il-manteniment stabbilit għal minuri jitħallas lir-rappreżentant legali tiegħu.
Peress li fil-parti l-kbira tal-każijiet il-manteniment jiġi stabbilit f’termini ta’ flus, l-iktar metodu frekwenti ta' eżekuzzjoni huwa sekwestru tas-salarju (l-introjtu mensili). Il-bejgħ ġudizzjarju tal-beni mobbli u immobbli tad-debitur huwa inqas frekwenti bħala metodu ta' eżekuzzjoni.
Fir-rigward tal-irkupru tal-manteniment, l-Artikolu 728 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jipprovdi li huwa biss sa nofs l-introjtu nett fix-xahar tad-debitur li jista' jkun suġġett għal eżekuzzjoni tal-ammonti dovuti bħala manteniment. Jekk ikun hemm bosta proċeduri ta' rkupru li jinvolvu l-istess ammont, l-ammont effettivament rekuperabbli ma jkunx jista' jaqbeż nofs l-introjtu nett fix-xahar tad-debitur, irrispettivament min-natura tat-talbiet.
Meta l-kreditur jippreżenta simultanjament rikorsi għall-qbid ta’ bosta beni mobbli jew immobbli li l-valur tagħhom jaqbeż b’mod ċar l-ammont pretiż, il-qorti tal-eżekuzzjoni tista’ tillimita l-eżekuzzjoni għal ċerti beni (l-Artikolu 701 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
L-eżekuzzjoni ta' rkupru tintemm, pereżempju, meta l-obbligu stipulat fit-titolu eżekuttiv ikun ġie ssodisfat bis-sħiħ u t-tariffi għall-eżekuzzjoni jkunu tħallsu; meta eżekuzzjoni ma tkunx tista' ssir jew titkompla minħabba nuqqas ta' beni li jistgħu jinqabdu jew minħabba l-impossibilità li dawk il-beni jinbiegħu; jew meta l-eżekuzzjoni tiġi annullata (l-Artikolu 702 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).
Il-jedd għall-ksib ta' eżekuzzjoni huwa suġġett għal perjodu ta' limitazzjoni ta' tliet snin. Appell kontra rkupru eżegwit jista' jitressaq fil-qorti tal-eżekuzzjoni. Il-qorti kompetenti tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-appell (l-Artikolu 712 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Meta t-titolu eżekuttiv jew l-eżekuzzjoni nnifisha tkun ġiet annullata, il-parti kkonċernata tkun intitolata treġġa’ lura l-eżekuzzjoni billi tirritorna s-sitwazzjoni għal kif kienet qabel (l-Artikolu 723 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).
Mhux applikabbli
Mhux applikabbli
Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 jew il-Konvenzjoni ta' New York tal-1956, l-attur jista' jressaq it-talba tiegħu għal manteniment permezz tal-Ministeru tal-Ġustizzja Rumen jekk id-debitur ikun jirrisjedi fi Stat Membru tal-UE li hu parti kontraenti tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 jew tal-Konvenzjoni ta' New York tal-1956.
Ministerul Justiției (il-Ministeru tal-Ġustizzja), str. Apolodor nr. 17, Sector 5, Bucharest, Kodiċi Postali 050741.
Direcția Drept Internațional și Cooperare Judiciară (id-Direttorat għad-Dritt Internazzjonali u l-Kooperazzjoni Ġudizzjarja)
Faks +40372041079 jew +40372041084, posta elettronika ddit@just.ro
Le. L-attur irid jikkuntattja lill-Awtorità Ċentrali trażmettitriċi f'pajjiżha, li tkun innominata skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 u l-Konvenzjoni ta' New York tal-1956.
L-Awtorità Ċentrali trażmettitriċi tal-pajjiż debitur tista' sussegwentement tikkuntattja lill-Awtorità Ċentrali riċevitriċi Rumena:
Imbagħad it-talba tingħadda lill-qorti kompetenti.
Debitur li jkun barra l-pajjiż jista' jindirizza t-talba tiegħu direttament, personalment jew permezz ta' avukat lill-qorti Rumena li jkollha l-ġuriżdizzjoni għall-post tad-domiċilju tal-konvenut jew tad-debitur.
Attur li jkun barra l-pajjiż jista' jindirizza t-talba tiegħu direttament, personalment jew permezz ta' avukat lill-qorti Rumena li jkollha l-ġuriżdizzjoni għall-post tad-domiċilju tal-konvenut jew tad-debitur. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-qorti Rumena kompetenti jinsabu fil-portal tal-qrati https://portal.just.ro/SitePages/acasa.aspx fuq il-bażi tal-post tad-domiċilju tal-konvenut jew tad-debitur.
Iva. Skont l-Artikolu 2612 tal-Kodiċi Ċivili Rumen, il-liġi applikabbli għall-obbligi ta' manteniment tiġi ddeterminata skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri skont il-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.
Mhux applikabbli
Skont il-Liġi Nru 36/2012 dwar ċerti miżuri neċessarji għall-applikazzjoni ta' ċerti regoli u deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-istrumenti tad-dritt internazzjonali privat fil-qasam tal-obbligi ta' manteniment, wara li jirċievi talba għal manteniment jew għal miżuri speċifiċi, il-Ministeru tal-Ġustizzja jgħaddiha lill-awtorità jew korp kompetenti li jkollu d-data personali, lill-kamra tal-avukati lokali, lill-Kamra tal-Uffiċjali Ġudizzjarji tal-Eżekuzzjoni jew, meta jkun applikabbli, lill-qorti kompetenti biex tiġi ttrattata.
Fil-każ ta' talbiet ippreżentati permezz tal-Awtorità Ċentrali, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament, tista' tingħata għajnuna legali sħiħa u bla ħlas lill-pretendenti ta' obbligi ta' manteniment li jkunu għadhom ma għalqux it-18-il sena jew li jkunu qed ikomplu l-istudji tagħhom, imma mhux wara li jagħlqu 21 sena, u lill-pretendenti ta' obbligi ta' manteniment li jkunu persuni vulnerabbli.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja jibgħat it-talbiet li jirċievi minn barra direttament lill-kamra tal-avukati lokali kompetenti. Id-dekan tal-kamra tal-avukati jieħu deċiżjoni obbligatorja u ex officio b’urġenza biex iqabbad avukat. L-avukat imqabbad jitlob li tingħata l-għajnuna legali, inkluż fil-forma ta' ħlas tat-tariffi tal-uffiċjal tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja.
Imbagħad, wara l-ksib ta' titolu eżekuttiv, l-avukat imqabbad jitlob lill-qorti biex tingħata l-għajnuna legali fil-forma ta' ħlas tat-tariffa tal-uffiċċjal tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja. L-avukat jibgħat it-talba ta' rkupru, it-titolu eżekuttiv u d-deċiżjoni tad-dekan tal-kamra tal-avukati lill-uffiċjal ta' eżekuzzjoni ġudizzjarja lokali kompetenti.
Ir-Rumanija adottat il-Liġi Nru 36/2012 dwar ċerti miżuri neċessarji għall-applikazzjoni ta' ċerti regoli u deċiżjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-istrumenti tad-dritt internazzjonali privat fil-qasam tal-obbligi ta' manteniment.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja ġie nnominat bħala l-Awtorità Ċentrali trażmettitriċi, li tgħaddi t-talbiet stipulati fl-Artikoli 53 u 56 tar-Regolament. Malli jirċievi d-dokumenti ta' prova meħtieġa mingħand il-kreditur jew id-debitur, il-Ministru tal-Ġustizzja jimla l-Parti A tat-talba u jista' jassisti lill-kreditur jew lid-debitur jimla l-Parti B.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja huwa l-Awtorità Ċentrali rikjesta nnominata biex tirċievi t-talbiet għal miżuri speċifiċi u għall-manteniment. Malli jirċievi t-talbiet, jibgħathom lill-awtorità jew korp kompetenti li jkollu d-dejta personali fil-pussess tiegħu, lill-kamra tal-avukati lokali kompetenti, lill-Kamra tal-Uffiċjali tal-Eżekuzzjoni Ġudizzjarja jew, meta applikabbli, lill-qorti kompetenti biex issolviha.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.