Manteniment tal-familja

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'ifissru l-kunċetti "manteniment" u "obbligu ta' manteniment" f'termini prattiċi?  Liema persuni għandhom iħallsu allowance għall-manteniment lil persuna oħra?

Il-benefiċċji u l-obbligi tal-manteniment ġejjin direttament mill-Att Nru 36/2005 li jirregola l-familja u jemenda ċerti liġijiet oħrajn ("l-Att dwar il-Familja"). Skont l-Att dwar il-Familja, l-obbligi ta' manteniment jieħdu l-forom li ġejjin:

  1. l-obbligu ta' manteniment tal-ġenituri lejn uliedhom;
  2. l-obbligu ta' manteniment tal-ulied lejn il-ġenituri tagħhom;
  3. l-obbligu ta' manteniment bejn qraba oħrajn;
  4. l-obbligu ta' manteniment bejn il-konjuġi;
  5. l-obbligu ta' manteniment bejn ekskonjuġi;
  6. appoġġ imħallas lil omm mhux miżżewġa biex ikopri l-manteniment u ċerti spejjeż.

Teoretikament, il-kunċett ta' manteniment, fis-sens usa' tiegħu, ipoġġi r-relazzjonijiet tad-dritt tal-familja ta' natura ekonomika fost oqsma speċifiċi għal relazzjonijiet proprjetarji fid-dritt tal-familja. Id-dipendenza tagħhom fuq l-eżistenza ta' relazzjoni tad-dritt tal-familja personali hija partikolarment evidenti hawnhekk.

2 Sa liema età jista' tifel jibbenefika minn allowance għall-manteniment? Hemm regoli differenti għall-manteniment għall-minorenni u għall-adulti?

L-obbligu ta' manteniment tal-ġenituri lejn it-tfal huwa dmir legali li japplika sakemm it-tfal ikunu kapaċi jfendu għal rashom. Il-fatt li tifel ikun spiċċa l-iskola obbligatorja ma jfissirx bilfors li jkun kiseb il-kapaċità li jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu. L-obbligu tal-ġenituri ta' manteniment kontinwu lejn uliedhom jiddependi mill-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-qagħda finanzjarja ta' wliedhom tul it-taħriġ tat-tfal għal impjieg futur, eż bħala studenti universitarji full-time. Li t-tfal isiru tal-età ma għandha l-ebda effett ġuridiku fuq id-durata tal-obbligu ta' manteniment. Il-mument li fih tifel isir ġuridikament "kapaċi jfendi għal rasu" jvarja minn każ għall-ieħor, b'kull wieħed jiġi kkunsidrat individwalment, skont il-merti tiegħu, minn qorti. Il-kapaċità li wieħed ifendi għal rasu normalment tiġi interpretata li tfisser il-kapaċità li jipprovdi għall-bżonnijiet jew spejjeż rilevanti kollha biex jgħix waħdu (jiġifieri bi flusu stess). Din il-kapaċità trid tkun sostenibbli. Introjtu okkażjonali ma jistax jitqies li jistabbilixxi l-kapaċità biex wieħed jipprovdi għall-bżonnijiet tiegħu.

Fil-prattika, il-qrati joqogħdu fuq il-fatt li l-obbligu ta' manteniment tal-ġenituri huwa flessibbli minħabba li l-parentela mid-demm mhix limitata biż-żmien u għalhekk dan l-obbligu jista' jiġġedded jekk, pereżempju, it-tfal jiddeċiedu li jistudjaw iktar tard jew jekk ma jkunux ammessi fl-Università malli jispiċċaw l-iskola sekondarja. Skont il-ġurisprudenza – meta wieħed iqis in-nuqqas attwali ta' opportunitajiet ta' xogħol għal min ikun għadu kif iggradwa jew spiċċa l-iskola – korsijiet addizzjonali li jippermettulhom isibu impjieg f'qasam li mhux dak li studjaw għalih sa dak il-punt jistgħu jitqiesu wkoll bħala t-tkomplija ta' taħriġ vokazzjonali tal-wild.

Meta wild jibda jaqla' introjtu regolari minn impjieg, impriża ta' negozju, eċċ., il-kompitu tad-deċiżjoni dwar jekk l-obbligu ta' manteniment intemmx isir eħfef. Minħabba s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol, l-eżistenza ta' ħafna iktar forom ta' studju u istituzzjonijiet edukattivi, il-bżonn ta' tagħlim tal-lingwi biex wild ikun jista' jipprattika t-taħriġ tiegħu, korsijiet ta' taħriġ mill-ġdid, tkomplija tal-edukazzjoni, permanenzi ta' studju f'pajjiżi oħra, u l-bżonn li jkollu kwalifiki aħjar, jagħmluha iktar diffiċli għall-qrati li jistabbilixxu l-mument meta wild ikun jibda jfendi għal rasu. Xi wħud minn dawn il-forom (ta' tkomplija tat-taħriġ) jistgħu jkunu meħtieġa, b'mod partikolari, jekk il-ġenitur li jkollu jħallas ikollu mezzi sinifikanti. B'mod parallel għal dan, l-interessi tal-wild, li jirriflettu l-kapaċitajiet u t-talenti tiegħu, iridu jitqiesu sabiex il-wild jitgħallem il-ħiliet adatti għall-impjieg futur. Madankollu huwa leġittimu li dawn il-ħiliet jiġu implimentati kmieni biex jiġu evitati abbużi tal-manteniment mill-ġenituri billi jintużaw sempliċement biex jiġi evitat ix-xogħol (manifestat pereżempju meta l-ulied jitilfu xogħolhom apposta).

Il-limitu tal-età ta' 18-il sena għandu importanza meta narawh mil-lat proċedurali. Sakemm it-tifel ikun għadu taħt l-età, il-qorti tista' tiftaħ proċedimenti għall-manteniment ex officio; ladarba jsir tal-età, il-proċedimenti jkunu jistgħu jinfetħu biss b'rikors. Rikors, ippreżentat minn wild adult, jista' jkun dirett lejn ġenitur wieħed jew lejn iż-żewġ ġenituri u jrid jiddikjara l-ammont tal-manteniment li qed jitlob u minn meta jrid li jibda jitħallas. Il-qorti trid tibqa’ strettament fil-konfini tat-talba għall-manteniment ta’ wild adult li jrid jiġi aġġustat, peress li tali kawżi mhumiex proċedimenti ta’ kura tat-tfal skont l-Artikolu 111 et seq. tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża.

3 Għandi napplika għand awtorita kompetenti jew qorti biex nikseb manteniment? X'inhuma l-elementi ewlenin ta' din il-proċedura?

Jekk il-parti intitolata u l-parti responsabbli ma jilħqux ftehim, tkun qorti distrettwali bil-ġuriżdizzjoni dovuta li tiddeċiedi dwar obbligu tal-manteniment. Ħlief f'każijiet li jinvolvu obbligu ta' manteniment tal-ġenituri lejn uliedhom minuri, il-qorti tiftaħ il-proċedimenti wara rikors ippreżentat mill-parti intitolata (ir-rikorrent) kontra l-parti responsabbli (l-intimat). Il-proċedimenti dwar il-manteniment għal tfal taħt l-età jistgħu jinfetħu mill-qorti ex officio (l-Artikolu 23 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża) minħabba li f'dawn il-każijiet il-qorti jkollha d-dmir tal-kura tal-minuri.

Kulħadd jista' jidher quddiem il-qorti awtonomament bħala parti fil-proċedimenti (jiġifieri jkollhom locus standi) sakemm ikollu l-kapaċità li jikseb id-drittijiet u jassumi l-obbligi bl-azzjonijiet tiegħu stess. Persuni naturali li ma għandhomx locus standi (eż. tfal taħt l-età) iridu jkunu rappreżentati mit-tutur tagħhom (l-Artikolu 68 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Kontenzjuża).

Minbarra rappreżentanza statutorja, is-CSP u l-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża jagħmlu distinzjoni wkoll bejn ir-rappreżentanza tal-partijiet fil-proċedimenti bi prokura u rappreżentanza wara deċiżjoni tal-qorti.

Tfal taħt l-età ma jistgħux ikunu rappreżentati minn ġenitur f'kawżi li jikkonċernaw atti ġuridiċi li jistgħu joħolqu kunflitt bejn l-interessi tal-ġenituri u dawk tat-tfal taħt l-età jew bejn l-interessi tat-tfal taħt l-età bejniethom irrappreżentati mill-istess ġenitur. F'din is-sitwazzjoni, il-qorti taħtar tutur ad litem biex jirrappreżenta lit-tfal waqt il-proċedimenti jew waqt att ġuridiku partikolari.

4 Tista ssir talba f’isem qarib (jekk iva, liema grad), jew minorenni?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija 3.

5 Jekk qed naħseb biex inressaq il-każ quddiem il-qorti, kif inkun naf liema qorti għandha l-ġuriżdizzjoni?

Il-ġuriżdizzjoni territorjali hija ddefinita mill-Artikolu 3 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża. Il-ġuriżdizzjoni in rem hija rregolata mill-Artikolu 12 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Kontenzjuża. Il-qrati distrettwali dejjem ikollhom ġuriżdizzjoni territorjali fl-ewwel istanza. Ġeneralment, il-qorti li l-intimat ikun jirrisjedi fil-ġuriżdizzjoni tagħha (jiġifieri l-persuna li r-rikors ikun dirett lejha) hija kompetenti, jiġifieri tapplika r-regola ta' ġuriżdizzjoni territorjali bbażati fuq il-qorti ordinarja tal-intimat. Il-qorti ordinarja li jkollha ġuriżdizzjoni fuq l-intimat hija l-qorti li l-persuna tirrisjedi fil-ġuriżdizzjoni tagħha jew, jekk ħadd ma jkun residenti, il-qorti li l-persuna tkun qed toqgħod fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża jistipula espliċitament il-każijiet speċjali fejn din ir-regola ma tkunx osservata. Il-qorti li tifel taħt l-età jkun jirrisjedi fil-ġuriżdizzjoni tagħha minħabba arranġament tal-ġenituri jew skont ordni ġudizzjarja, jew fejn ikun jirrisjedi t-tifel għal raġunijiet oħra, hija kompetenti biex tikkunsidra talba għal manteniment (din tissejjaħ ġuriżdizzjoni territorjali esklużiva skont l-Artikolu 112(1) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża).

6 Bħala applikant, neħtieġ intermedjarju biex inressaq il-każ quddiem il-qorti (pereżempju avukat, awtorità ċentrali jew lokali, eċċ.)? Jekk le, liema proċeduri japplikaw?

Cf. it-tweġibiet għall-mistoqsijiet 3 u 4.

Rikorrent (benefiċjarju) b'locus standi jista' jippreżenta rikors biex jiftaħ il-proċedimenti, jiġifieri mingħajr ma jkun rappreżentat, lill-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni.

L-Artikolu 127 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Kontenzjuża jistipula d-dettalji ġenerali tar-rikors li jiftaħ il-proċedimenti: il-qorti riċevitriċi, il-persuna li tippreżenta r-rikors, il-każ ikkonċernat u x'jixtieq ir-rikorrent, u firma.

Minbarra d-dettalji ġenerali, rikors li jiftaħ il-proċedimenti jrid jipprovdi ċerta informazzjoni speċifika kif stipulat fl-Artikoli 25 u 26 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża. Rikors li jiftaħ proċedimenti tal-manteniment irid jispeċifika wkoll l-ammont tal-manteniment mitlub u minn meta jrid jibda jitħallas.

Ir-rikorsi jistgħu jiġu ppreżentati bil-miktub, fuq karta jew inkella elettronikament. Rikors elettroniku ppreżentat mingħajr awtorizzazzjoni skont il-leġiżlazzjoni speċjali rilevanti jrid jintbagħat ukoll fuq karta jew elettronikament b’awtorizzazzjoni skont il-leġiżlazzjoni speċjali rilevanti. Rikorsi f’kawżi ta’ manteniment jistgħu jsiru wkoll bil-fomm u jiġu rreġistrati fil-minuti.

L-għadd ta' kopji ta' rikors meħtieġ, bl-annessi inklużi, irid jiġi ppreżentat biex il-qorti żżomm kontroparti oriġinali u kull parti tirċievi kopja oriġinali, bl-annessi inklużi kif ikun meħtieġ. Jekk parti tonqos milli tipprovdi l-għadd ta' kopji u annessi meħtieġa, il-qorti tagħmel il-kopji hi a spejjeż tal-parti.

7 Irrid inħallas xi miżati biex inressaq il-każ quddiem il-qorti? Jekk iva, kemm jistgħu jitilgħu? Jekk ma jkollix biżżejjed mezzi finanzjarji, nista' ningħata għajnuna legali li tkopri l-ispejjeż tal-proċedura?

It-tariffi li jridu jitħallsu għall-atti jew il-proċeduri mmexxija mill-qorti huma rregolati mill-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali Slovakk Nru 71/1992 dwar it-tariffi tal-qorti u l-kopji tal-annotazzjonijiet fil-fedina penali. It-tariffi jinżammu b'referenza għal lista ta' tariffi tal-qorti. Din il-leġiżlazzjoni tipprevedi wkoll eżenzjonijiet minn tariffi tal-qorti bbażati fuq ċirkostanzi personali jew skont is-suġġett.

Fil-kuntest tal-manteniment, id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma importanti:

Il-proċedimenti relatati mal-protezzjoni ġudizzjarja tat-tfal huma fost dawk eżentati fuq il-bażi tas-suġġett. Dan ifisser li l-proċedimenti relatati mat-talbiet għal manteniment ta' tfal taħt l-età huma eżenti wkoll mit-tariffi tal-qorti.

Skont il-kriterji taċ-ċirkostanzi personali, l-eżenzjonijiet mit-tariffi tal-qorti japplikaw:

  • għar-rikorrenti fi proċedimenti għal ordni ta' manteniment, proċedimenti għal żieda fil-manteniment, kif ukoll fi proċedimenti għall-ħlas tardiv tal-manteniment u proċedimenti għar-rikonoxximent jew id-dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà ta' ordni għal manteniment barrani;
  • għall-ommijiet mhux miżżewġin fi proċedimenti għal manteniment u għall-ħlas ta' ċerti spejjeż relatati mat-tqala u mat-twellid.

Il-Partita 8 fil-Lista ta' Tariffi tal-Qorti tikkwota t-tariffi għall-proċedimenti relatati għat-talbiet għal manteniment bejn miżżewġin u bejn eksmiżżewġin:

Il-Partita 8

a) għar-rikorsi li jitolbu manteniment bejn il-miżżewġin, bejn l-eksmiżżewġin u talbiet għal manteniment bejn qraba oħrajn, u għar-rikorsi li jitolbu żieda fil-manteniment

2% tal-prezz tas-suġġett, mhux inqas minn EUR 16,50

b) għal rikorsi li jitolbu t-tnaqqis jew il-kanċellazzjoni ta' manteniment bejn il-miżżewġin, bejn l-eksmiżżewġin jew talbiet għal manteniment bejn qraba oħrajn

2% tal-prezz tas-suġġett tal-kawża, mhux inqas minn EUR 16,50

Meta l-lista tat-tariffi ma tkunx tistipula rata partikolari u l-kawża la tkun taqa' fil-kategorija ta' ċirkostanzi personali u lanqas ma taqa' fil-kategorija tas-suġġett, japplikaw it-tariffi msemmija fil-Partita 1 tal-Lista tat-Tariffi tal-Qorti:

Il-Partita 1

Għal rikors li jiftaħ il-proċedimenti, sakemm ma tkunx stipulata rata speċifika,

a) tal-prezz (ħlas) tas-suġġett tal-kawża jew tal-valur tas-suġġett tat-tilwima

6%, mhux inqas minn EUR 16,50, mhux iktar minn EUR 16 596,50, f'kawżi kummerċjali ta’ mhux iktar minn EUR 33 193.50

Il-Qorti tista’, fuq talba, tagħti eżenzjoni mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti jekk dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi tal-parti (l-Artikolu 254 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Kontenzjuża). Iċ-ċirkustanzi tal-partijiet iridu jiġu ddokumentati fid-dawl tad-deċiżjoni tal-qorti dwar ir-rikors.

Il-mekkaniżmu għall-għoti tal-għajnuna legali u l-metodu biex tingħata miċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali għall-persuni fiżiċi li, minħabba diffikultajiet, ma jistgħux jużaw is-servizzi legali sabiex jeżerċitaw dovutament u jiddefendu jeddijiethom, u sa liema punt tingħata l-għajnuna legali, huma rregolati mill-Att Nru 327/2005 dwar l-għoti ta' għajnuna legali lil persuni żvantaġġsati u li jemenda l-Att Nru 586/2003 dwar il-professjonijiet legali u li jemenda l-Att Nru 455/1991 dwar in-negozji liċenzjati (l-Att dwar in-Negozji), kif emendat, kif emendat mill-Att Nru 8/2005. Il-liġi ta' hawn fuq tistabbilixxi wkoll il-kriterji għall-għoti tal-għajnuna legali, il-proċedura li trid tiġi segwita mill-persuni fiżiċi u mill-awtoritajiet kompetenti fil-proċedimenti relatati ma' applikazzjonijiet għall-għajnuna legali u l-organizzazzjoni istituzzjonali tal-għoti tal-għajnuna legali.

8 X’tip ta’ manteniment x’aktarx tagħti l-qorti? Kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-manteniment? Id-deċiżjoni tal-qorti tista' tiġi riveduta jekk jinbidlu l-għoli tal-ħajja jew iċ-ċirkustanzi familjari? Jekk iva, kif (pereżempju permezz ta' sistema tal-indiċjar awtomatiku)?

Fis-Slovakkja, il-liġi ma tispeċifikax l-ammont partikolari tal-manteniment.

Fi kwistjonijiet familjari, il-qrati jridu dejjem jikkunsidraw kull kawża individwalment, abbażi taċ-ċirkostanzi partikolari, u għalhekk il-liġi ma tispeċifika l-ebda ammont partikolari ta' manteniment. Fil-fatt, fi kwistjonijiet familjari, iktar minn kull qasam ieħor, att leġiżlattiv ma jistax jiġbor f'pakkett għal kulħadd id-diversità kollha tal-ħajja.

Skont l-Artikolu 75(1) tal-Att dwar il-Familja, meta tiddetermina l-ammont tal-manteniment il-qorti tqis il-bżonnijiet leġittimi tal-benefiċjarju, kif ukoll il-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-qagħda finanzjarja tal-parti responsabbli. Il-qorti tikkunsidra wkoll il-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-qagħda finanzjarja tal-parti responsabbli f'każijiet fejn, għall-ebda raġuni materjali, il-parti responsabbli titlaq impjieg deċenti jew tajjeb, jew iċċedi sors ta' introjtu regolari; hija tqis ukoll kull riskju finanzjarju raġonevoli meħud mill-parti responsabbli.

Fil-każ ta' manteniment mill-ġenituri għat-tfal, iż-żewġ ġenituri jridu jikkontribwixxu għall-manteniment ta' wliedhom skont il-kapaċitajiet, l-opportunitajiet u l-qagħda finanzjarja tagħhom. It-tfal għandhom il-jedd ikollhom l-istess standard tal-għajxien tal-ġenituri. Fid-determinazzjoni tal-ammont ta' manteniment li jrid jitħallas, il-qorti tqis liem ġenitur jieħu ħsieb it-tfal u sa liema punt. Meta l-ġenituri jaqsmu l-kustodja ta' tfal taħt l-età bejniethom, il-qorti tqis ukoll l-ammont ta' żmien fir-residenza ta' kull ġenitur biex tiddetermina l-ammont tal-manteniment, inkella l-qorti tista' tiddeċiedi li sakemm it-tfal ikunu f'residenza li talterna bejn iż-żewġ ġenituri, ma hemmx għalfejn jingħata manteniment.

L-Artikolu 62(3) tal-Att dwar il-Familja jistabbilixxi ammont minimu għall-manteniment (bħalissa EUR 27,13): Irrispettivament mill-kapaċità, l-opportunitajiet u ċ-ċirkostanzi finanzjarji, kull ġenitur huwa obbligat li jissodisfa l-obbligu ta' manteniment minimu, li huwa 30% tal-minimu ta' sussistenza għal tfal taħt l-età u tfal dipendenti kif stipulat fil-liġi rilevanti.

Skont l-Artikolu 78 tal-Att dwar il-Familja, akkordji u ordnijiet ġudizzjarji fir-rigward ta' talbiet għal manteniment jistgħu jiġu riveduti jekk jinbidlu ċ-ċirkostanzi. Minbarra l-manteniment għat-tfal taħt l-età (cf. l-Artikolu 121 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Mhux Kontenzjuża), ordnijiet ta' manteniment jistgħu jiġu alterati jew ikkanċellati biss wara li ssir talba għalhekk. Jekk il-manteniment għal tifel taħt l-età jiġi kkanċellat jew imnaqqas retroattivament għal ċertu perjodu li għadda, kull ammont minfuq ma jiġix rifondut. Meta ċ-ċirkostanzi jinbidlu, jitqies dejjem l-għoli tal-ħajja.

9 Kif jitħallas il-manteniment u lil min?

Il-manteniment ġeneralment jitħallas mill-parti responsabbli (id-debitur) lill-parti intitolata (il-kreditur).

Skont l-Artikolu 76 tal-Att dwar il-Familja, il-manteniment irid jitħallas f'ammonti regolari u rikorrenti dovuti b'xahar 'il quddiem. Talbiet reċiproki jistgħu jitpaċew biss mat-talbiet għall-manteniment bi qbil. Talbiet li jinvolvu l-manteniment għal tfal taħt l-età ma jistgħux jitpaċew. Jekk il-parti responsabbli tkun qiegħda tard fil-ħlas ta' manteniment ordnat mill-qorti, il-benefiċjarju huwa intitolat jitlob il-ħlas ta' penali għall-ħlas tardiv fuq l-ammont dovut skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt ċivili. Kull ħlas li jsir akkont tal-manteniment jiġi l-ewwel allokat lill-ammont prinċipali u mbagħad, ladarba l-ammont prinċipali jitħallas kollu, jiġi allokat għall-penali għal ħlas tardiv.

Fil-każ ta' manteniment għal tfal taħt l-età, il-qrati stabbilew ġurisprudenza li titlob li l-ġenitur li ma jkollux il-kustodja jħallas il-manteniment lill-ġenitur li jieħu ħsib it-tfal personalment u biex dan jagħmlu sa data partikolari kull xahar.

10 Jekk il persuna kkonċernata (id-debitur) ma tħallasx volontarjament, x’azzjoni tista’ tittieħed biex tkun imġiegħla tħallas?

Il-bailiffs jintużaw biex jaraw li l-ħlasijiet ta' manteniment jiġu eżegwiti. Proċedimenti ta' eżekuzzjoni jinfetħu b'talba għal eżekuzzjoni. Il-proċedura hija rregolata mill-Att dwar il-Kunsill Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka Nru 233/1995 dwar l-uffiċjali tal-qorti u attivitajiet ta' sekwestru (l-Att dwar il-Proċedura Eżekuttiva) u li jemenda ċerti liġijiet oħra, kif emendat. Spiss, obbligi ta' manteniment jiġu rkuprati b'sekwestru fuq il-qligħ jew introjtu ieħor tal-parti responsabbli. Jekk jingħata mandat eżekuttiv li jimponi l-obbligu li titħallas somma flus, hemm għażliet oħra minbarra s-sekwestru fuq il-qligħ jew introjtu ieħor għall-irkupru ta' manteniment dovut: mandat ta' sekwestru fuq dejn ta' parti terza, il-bejgħ ta' beni mobbli, il-bejgħ ta' titoli, il-bejgħ ta' proprjetà immobbli, il-bejgħ ta' negozju, jew ordni għas-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan. Din tal-aħħar hija partikolarment importanti fil-kuntest ta' rkupru ta' manteniment. Il-bailiff jista' jordna s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan ta' kull min ma jikkonformax ma' ordni ta' manteniment mill-qorti. Il-bailiff jinforma lill-korp tal-pulizija kompetenti bil-mandat eżekuttiv tas-sospensjoni ta' liċenzja tas-sewqan. Malli r-raġunijiet għall-eżekuzzjoni jissolvew, il-bailiff minnufih joħroġ ordni biex titneħħa s-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan.

11 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor kwalunkwe limitazzjonijiet fl-infurzar, b'mod partikulari regoli għall-protezzjoni tad-debitur u limitazzjoni jew perjodi ta' preskrizzjoni fis-sistema tal-infurzar tiegħek

L-Artikolu 77 tal-Att dwar il-Familja jistipula li ma hemm l-ebda perjodu ta' preskrizzjoni għall-irkupru ta' talbiet għal manteniment. Madankollu, il-manteniment jista' jingħata biss minn dakinhar li jinfetħu l-proċedimenti ġudizzjarji. Il-manteniment ta' tfal taħt l-età jista' jiġi ordnat retroattivament għal mhux aktar minn tliet snin minn dakinhar tal-ftuħ tal-proċedimenti, imma jrid ikun hemm raġunijiet li jkun jistħoqqilhom kunsiderazzjoni speċjali. Il-perjodi preskrittivi japplikaw għall-intitolament għal diversi pagamenti rikorrenti ta’ manteniment.

L-Artikolu 101 tal-Kodiċi Ċivili (l-Att Nru 40/1964) jistabbilixxi l-perjodi preskrittivi kif ġej:

(1) Meta l-intitolament ikun ingħata b’deċiżjoni finali ta’ qorti jew korp ieħor, dan għandu jiskadi għaxar snin mid-data li kellu jkun issodisfat. Meta l-intitolament ikun ġie rikonoxxut bil-miktub mill-parti responsabbli fir-rigward tar-raġunijiet u l-ammont involut, dan għandu jiskadi għaxar snin mid-data ta’ meta jkun sar ir-rikonoxximent; jekk ir-rikonoxximent speċifika data ta’ skadenza għall-konformità, il-perjodu preskrittiv għandu jibda jiddekorri mill-iskadenza ta’ dik id-data.
(2) L-istess perjodu preskrittiv japplika għall-ħlasijiet individwali speċifikati fid-deċiżjoni jew fir-rikonoxximent tal-intitolament; il-perjodu preskrittiv għall-ħlasijiet individwali jibda minn dakinhar li jsiru dovuti. Meta d-dejn kollu jsir dovut minħabba nuqqas li jsir wieħed mill-ħlasijiet, il-perjodu preskrittiv għandu jibda jiddekorri mid-data meta kellu jsir il-ħlas li ma sarx.
(3) Il-perjodu preskrittiv għall-imgħax u l-ħlasijiet rikorrenti għandu jkun ta’ tliet snin; madankollu, fil-każ ta’ intitolamenti koperti minn sentenza finali jew rikonoxxuta bil-miktub, dan il-perjodu preskrittiv għandu japplika biss għall-imgħax u l-ħlasijiet rikorrenti li jkunu saru dovuti wara li s-sentenza tkun saret finali jew wara r-rikonoxximent.

12 Teżisti organizzazzjoni jew awtorità li tista' tgħini nirkupra l-manteniment?

Ma hemm l-ebda awtorità speċjali maħsuba biex tipprovdi "assistenza" jew għajnuna għall-irkupru ta' manteniment f'kawżi nazzjonali.

F'kawżi li jinvolvu pajjiż barrani, iċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ (Centrum pre medzinárodnoprávnu ochranu detí a mládeže) jista' jgħin. Iċ-Ċentru jgħin biex jiġi rkuprat manteniment f'każijiet fejn il-persuna responsabbli tħallas il-manteniment għal tifel li jgħix barra l-pajjiż filwaqt li l-benefiċjarju jkun jgħix fis-Slovakkja jew viċi versa, jiġifieri, jekk il-benefiċjarju jkun jgħix barra l-pajjiż u jkun qed jirkupra l-manteniment mingħand parti responsabbli li l-post ta' residenza abitwali tagħha huwa s-Slovakkja.

13 Jistgħu l-organizzazzjonijiet (statali jew privati) iħallsu kompletament jew parzjalment il-manteniment f'isem id-debitur?

L-Att Nru 201/2008 dwar il-manteniment ta' sostituzzjoni u li jemenda l-Att Nru 36/2005 dwar il-familja u li jemenda ċerti liġijiet, fl-ambitu tat-tifsira tad-Deċiżjoni Nru 615/2006 tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka (Ústavný súd), jipprevedi mekkaniżmu fejn jista' jingħata manteniment ta' sostituzzjoni mill-Istat (l-uffiċċju tax-xogħol, l-affarijiet soċjali u tal-familja – úrad práce, sociálnych vecí a rodiny) lill-benefiċjarji. Il-manteniment ta' sostituzzjoni jagħti kontribuzzjoni għall-manteniment ta' tfal dipendenti f'każijiet fejn il-parti responsabbli tonqos milli tħallas kif tkun ordnata tagħmel minn deċiżjoni finali tal-qorti jew skont akkordju approvat mill-qorti.

14 Jekk ninsab f'dan l-Istat Membru u d-debitur għandu r-residenza tiegħu f'pajjiż ieħor:

14.1 Nista' nikseb assistenza ta' awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Iva.

14.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lill-awtorità jew l-organizzazzjoni privata?

Iċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ twaqqaf mill-Ministeru Slovakk għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Familja, li jġestih direttament bħala organizzazzjoni ffinanzjata mill-istat li tipprovdi protezzjoni legali għat-tfal u ż-żgħażagħ meta jkun involut pajjiż barrani. Iċ-Ċentru jkopri s-Slovakkja kollha u ilu jopera mill-1 ta' Frar 1993.

Skont l-Att Nru 195/1998 dwar l-għajnuna soċjali, kif emendat, iċ-Ċentru ġie kklassifikat bħala awtorità governattiva għall-għajnuna soċjali mill-1 ta' Lulju 1998.

Dettalji ta' kuntatt/Indirizz:

Špitálska 8, P. O. BOX 57, 814 99 Bratislava,

E-mail: cipc@cipc.gov.sk, info@cipc.gov.sk,

Tel.: +421 2 2046 3208, +421 2 2046 3248,

Faks: + 421 2 2046 3258, linja telefonika għal kull ħin (emerġenzi biss) + 421 915 405 954.

Fir-Repubblika Slovakka, iċ-Ċentru huwa awtorità ċentrali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ir-"Regolament dwar il-Manteniment") u skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali tal-Manteniment għat-Tfal u Forom Oħra ta' Manteniment tal-Familja.

15 Jekk ninsab f'pajjiż ieħor u d-debitur jinsab f'dan l-Istat Membru:

15.1 Nista' nibgħat talba direttament lil tali awtorita jew organizzazzjoni privata f'dan l-Istat Membru?

Ma tistax tindirizza talba minn barra l-pajjiż direttament liċ-Ċentru. Persuna li tkun qed titlob il-ħlas ta' manteniment u li tkun tgħix f'pajjiż ieħor trid tikkuntattja lill-awtoritajiet kompetenti f'dak il-pajjiż, li mbagħad jirreferu t-talba liċ-Ċentru Slovakk.

15.2 Jekk iva, kif nista' nikkuntattja lil dik l-awtorità jew organizzazzjoni privata u x'tip ta' assistenza nista' nikseb?

----

16 Dan l-Istat Membru huwa marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007?

Ir-Repubblika Slovakka hija marbuta mill-Protokoll tal-Aja tat-23 ta’ Novembru 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi ta’ manteniment.

17 Jekk dan l-Istat Membru mhuwiex marbut bil-Protokoll tal-Aja tal-2007, liema liġi tkun applikabbli għat-talba għal manteniment skont ir-regoli tal-liġi internazzjonali privata tiegħu? X'inhuma r-regoli tal-liġi internazzjonali privata korrispondenti?

----

18 X'inhuma r-regoli fuq l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet transfruntiera fl-UE li jsegwu l-istruttura tal-Kapitolu V tar-Regolament dwar il-Manteniment?

F'kawżi ta' manteniment transfruntieri, id-dispożizzjonijiet tal-għajnuna legali jiddependu mill-applikazzjoni tal-Artikolu 44(3) tar-Regolament dwar il-Manteniment. L-Awtorità Ċentrali għas-Slovakkja hija ċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Hija tipprovdi s-servizzi tagħha mingħajr ħlas, u b’hekk tippermetti lill-partijiet fi proċedimenti ordinarji li jiddeterminaw jew ibiddlu l-obbligi ta’ manteniment fis-Slovakkja biex imexxu dawn il-proċedimenti mingħajr ma jkunu jeħtieġu għajnuna legali.

Meta l-proċedimenti ma jistgħux jitwettqu mingħajr għajnuna legali, din tiġi pprovduta mingħajr ħlas għall-persuni taħt l-età ta’ 21 sena f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament. Din l-għajnuna legali tingħata miċ-Ċentru għall-Għajnuna Legali skont l-Att Nru 327/2005 li jirregola l-għoti ta’ għajnuna legali lil persuni fi bżonn finanzjarju (l-Att dwar l-Għajnuna Legali), kif emendat.

Meta l-Artikolu 46 tar-Regolament ma jkunx japplika, l-għajnuna legali tingħata mingħajr ħlas skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali lil min jitlobha ladarba jkun jissodisfa l-kriterji stabbiliti fih.

Min jitlob l-għajnuna legali imma ma jkunx jissodisfa l-kriterji, ikollu jħallas t-tariffi tal-qorti skont l-Att Nru 71/1992 li jirregola t-tariffi tal-qorti u t-tariffi għall-estratti mir-reġistru kriminali. Il-proċedimenti f’kawżi li jinvolvu l-obbligu reċiproku ta’ manteniment bejn il-ġenituri u t-tfal huma eżenti mit-tariffi tal-qorti stabbiliti f’dan l-Att. Ir-rikorrenti fi proċedimenti fejn irid jiġi ddeterminat jew miżjud il-manteniment huma wkoll personalment eżentati mill-ħlas tat-tariffi tal-qorti. Barra minn hekk, il-partijiet fil-proċediment iħallsu l-ispejjeż tal-kawża li ġarrbu huma stess kif ukoll dawk tar-rappreżentanti legali tagħhom. Spejjeż jiġu maqsuma u mħallsa mill-partijiet fi proporzjon mal-involviment fil-kawża u fil-proċedimenti. Fil-każ ta’ manteniment għal persuna adulta, il-qorti tagħti lir-rikorrent rebbieħ l-ispejjeż meħtieġa għall-eżekuzzjoni xierqa jew għall-protezzjoni tad-dritt kontra l-parti telliefa.

19 X'inhuma l-miżuri adottati minn dan l-Istat Membru sabiex jiżgura l-funzjonament tal-attivitajiet deskritti fl-Artikolu 51 tar-Regolament dwar il-Manteniment?

L-Awtorità Ċentrali skont it-tifsira tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament dwar il-Manteniment hija ċ-Ċentru għall-Protezzjoni Legali Internazzjonali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ, li ġie stabbilit fl-1 ta' Frar 1993. Minħabba li ċ-Ċentru kien diġà qed jopera bħala l-awtorità ta’ trażmissjoni u l-awtorità li qed tirċievi għall-irkupru tal-manteniment taħt ftehimiet internazzjonali (b’mod partikolari, il-Konvenzjoni dwar l-Irkupru Barra mill-Pajjiż tal-Manteniment tal-20 ta’ Ġunju 1956) qabel ir-Regolament dwar il-Manteniment, ma kienx hemm bżonn li jittieħdu miżuri speċjali għall-kompiti tal-awtorità ċentrali stabbiliti fl-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament. Meta daħal fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Manteniment, iċ-Ċentru kien jeħtieġ biss li jagħmel xi bidliet organizzattivi minuri li jikkonċernaw il-persunal.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 06/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.