

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-manteniment huwa prinċipju tal-liġi tal-familja bbażat fuq wieħed mill-prinċipji fundamentali tagħha, il-prinċipju tal-għajnuna reċiproka bejn il-membri tal-familja, jiġifieri il-prinċipju tas-solidarjetà familjali. Il-pagamenti tal-manteniment ġeneralment jitħallsu b’mod volontarju, primarjament minħabba r-rabtiet bejn il-membri tal-familja, iżda jistgħu jiġu eżegwiti wkoll permezz tal-qrati.
Fis-Slovenja il-kelma manteniment hija użata biex tirreferi għall-manteniment tal-(eks)konjuġi, tat-tfal u tal-ġenituri. Hija tfisser manteniment u għajnuna, kif wkoll ħlas ta' manteniment u ta' għajnuna, li l-qorti tagħti bħala ammont speċifiku. Għalhekk, hija tkopri kull ħaġa li persuna hija legalment obbligata li tagħti għal bżonnijiet tal-ħajja tat-tfal jew tal-konjuġi tagħha. It-terminu jista’ jiġi użat ukoll għall-manteniment ta’ ġenituri li ma għandhomx biżżejjed flus biex imantnu lilhom infushom u għalhekk huma obbligati jmantnuhom it-tfal tagħhom. It-terminu jista' jirreferi wkoll għall-pagamenti ta' manteniment bħala ammonti fi flus allokati għall-manteniment.
Il-ġenituri jridu jmantnu lit-tfal tagħhom. (L-Artikolu 183 tal-Kodiċi tal-Familja (Družinski zakonik))
It-tfal adulti jridu jmantnu, fil-limitu ta' kapaċitajiet tagħhom, lill-ġenituri tagħhom jekk dawn ma jkollhomx biżżejjed mezzi għall-għajxien u ma jkunux jistgħu jiksbu dawn il-mezzi, iżda biss sakemm il-ġenituri jmantnuhom. It-tfal adulti mhumiex obbligati jmantnu ġenitur li kien naqas minn dmiru lil dawk l-istess tfal mingħajr ġustifikazzjoni. (l-Artikolu 185 tal-Kodiċi tal-Familja)
Il-konjuġi jew l-isħab ekstrakonjugali jridu jmantnu lit-tfal minuri tal-konjuġi jew tas-sieħeb tagħhom li jgħixu magħhom, sakemm il-ġenitur propju tat-tfal jew ġenitur l-ieħor ma jistgħux imantnuhom.
Dan l-obbligu jintemm mal-ħall taż-żwieġ jew tal-unjoni ekstrakonjugali tagħhom mal-omm jew il-missier tat-tfal, sakemm iż-żwieġ jew l-unjoni ekstrakonjugali ma jkunux dovuti għall-fatt li miet missier/mietet omm it-tfal. F'dak il-każ il-konjuġi jew sieħeb ekstrakonjugali li baqa' ħaj jridu jmantni t-tfal tal-konjuġi jew l-isħab ekstrakonjugali deċeduti biss jekk kien jgħix magħhom fiż-żmien meta nħall iż-żwieġ jew l-unjoni ekstrakonjugali. (l-Artikolu 187 tal-Kodiċi tal-Familja)
Konjuġi li ma għandux mezzi ta’ sussistenza u qiegħed bla xogħol mingħajr ħtija proprja jista’ jitlob għajnuna mill-konjuġi tiegħu, sa fejn ikun jista'. (l-Artikolu 62 tal-Kodiċi tal-Familja)
Konjuġi mingħajr għajnuna għas-sussistenza li m’għandu ebda mezz ta’ appoġġ u mhuwiex impjegat mingħajr ħtija proprja jista' jitlob għall-manteniment mill-konjuġi tiegħu fi proċedimenti ta' divorzju, u f'kawża separata li jrid iressaq fi żmien sena mid-data li fiha d-divorzju jsir finali. (l-Artikolu 100 tal-Kodiċi tal-Familja)
Il-ġenituri jridu jmantnu lit-tfal tagħhom sakemm isiru adulti, fejn skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħhom jipprovdu l-kundizzjonijiet ta’ għajxien meħtieġa għall-iżvilupp tat-tfal tagħhom.
Il-ġenituri huma obbligati wkoll li jmantnu lit-tfal li jkunu rreġistrati f’edukazzjoni sekondarja wara li jilħqu l-età adulta, jekk ikunu involuti f’edukazzjoni regolari u ma jkunux impjegati, u jekk ma jkunux irreġistrati bħala qiegħda, jiġifieri sal-ewwel tlestija tal-istudji tal-iskola sekondarja jew it-tlestija tal-ogħla livell ta’ edukazzjoni ġenerali jew vokazzjonali li jista’ jinkiseb skont ir-regolamenti dwar l-edukazzjoni sekondarja. L-obbligu ta’ manteniment jintemm meta t-tfal jilħqu l-età ta’ 26 sena.
Il-ġenituri huma obbligati li jmantnu tfal li huma rreġistrati f’edukazzjoni vokazzjonali sekondarja għolja jekk ikunu involuti f’edukazzjoni regolari u ma jkunux impjegati, u jekk ma jkunux irreġistrati bħala qiegħda, jiġifieri sal-ewwel tlestija tal-edukazzjoni vokazzjonali sekondarja għolja skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-edukazzjoni vokazzjonali sekondarja għolja.
Il-ġenituri huma obbligati li jmantnu tfal li huma rreġistrati f’edukazzjoni ogħla jekk ikunu involuti f’edukazzjoni regolari u ma jkunux impjegati, u jekk ma jkunux irreġistrati bħala qiegħda, jiġifieri sa l-ewwel tlestija ta’ studji universitarji jew programm ta’ Masters jew programm integrat ta’ Masters skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi li tirregola l-edukazzjoni ogħla. Jekk il-programm ta’ studju li għalih jattendu t-tfal idum aktar minn erba’ snin, l-obbligu ta’ manteniment jiġi estiż bl-ammont ta’ żmien li fih il-programm ta’ studju jaqbeż dawk l-erba’ snin.
L-obbligu ta’ manteniment jintemm meta t-tfal ikollhom 26 sena.
Il-ġenituri jridu jmantnu lit-tfal li żżewwġu jew li huma koabitanti f'unjoni ekstrakonjugali biss jekk il-konjuġi jew sieħeb tagħhom ma jistax imantnihom.
Meta l-ġenituri ma jmantnux lil uliedhom fid-dar tagħhom, huma għandhom jikkontribwixxu ħlas ta’ manteniment kull xahar għall-manteniment tat-tfal. (l-Artikolu 183 tal-Kodiċi tal-Familja)
Għal wild minuri, il-Kodiċi tal-Familja jipprovdi li ġenituri li ma jgħixux flimkien jew li għandhom l-intenzjoni li jisseparaw, u ġenituri li jgħixu flimkien, għandhom jaslu għal ftehim dwar il-manteniment tat-tfal li għandhom flimkien. Jekk il-ġenituri jonqsu milli jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni huma stess, ċentru tas-servizzi soċjali (center za socialno delo) għandu jassistihom biex jilħqu ftehim. Huma jistgħu jitolbu wkoll medjazzjoni. Jekk il-ġenituri ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim dwar il-manteniment tat-tfal li għandhom flimkien, il-kwistjoni tiġi deċiża minn qorti. (l-Artikolu 140 tal-Kodiċi tal-Familja)
Il-proċedimenti biex tittieħed deċiżjoni dwar il-manteniment tat-tfal jinbdew fuq proposta ta’ ġenitur wieħed jew tat-tnejn li huma, kustodju tat-tfal, wild li jkun laħaq l-età ta’ 15-il sena, dment li l-minuri jkun kapaċi jifhem it-tifsira u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħhom, jew ċentru tas-servizzi soċjali. (l-Artikolu 102 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja (Zakon o nepravdnem postopku)) Meta l-ġenituri jaqblu dwar il-manteniment tat-tfal, jistgħu jipproponu wkoll li tiġi ffirmata soluzzjoni bil-qorti. Jekk il-qorti tistabbilixxi illi l-ftehim mhux fl-interessi tat-tfal, hija tiċħad din il-proposta.
Il-kodiċi tal-Familja jipprevedi li l-benefiċjarju u l-parti responsabbli jistgħu jiffirmaw ftehim dwar il-manteniment li l-ġenituri huma obbligati jħallsu lil wild adult fil-forma ta’ rekord notarili infurzabbli. (L-Artikolu 192 tal-Kodiċi tal-Familja) Fil-każ ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, l-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja jipprevedi li l-proċedura għas-salvagwardja tal-interessi tat-tfal kif stabbilita fl-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja għandha tiġi applikata għall-proċedura dwar il-manteniment ta’ wild adult sakemm ikun jeżisti obbligu ta’ manteniment skont il-Kodiċi tal-Familja.
Konjuġi li ma għandu l-ebda mezz ta’ sussistenza u li jkun qiegħed mingħajr ħtija tiegħu għandu d-dritt jitlob il-manteniment mingħand il-konjuġi l-ieħor fi proċedimenti ta’ divorzju, kif ukoll permezz ta’ azzjoni speċjali li trid tiġi ppreżentata fi żmien sena mill-ħall finali taż-żwieġ. (l-Artikolu 100 tal-Kodiċi tal-Familja)
Qabel ma jippreżentaw kawża jew proposta għal divorzju abbażi ta’ ftehim, il-konjuġi jattendu konsulenza minn qabel f’ċentru tas-servizzi soċjali, sakemm ma jkollhomx tfal flimkien li fuqhom jeżerċitaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri; wieħed mill-konjuġi huwa mentalment inkompetenti; wieħed mill-konjuġi jkun ta’ residenza jew fejn jinsab mhux magħruf; wieħed mill-konjuġi jew it-tnejn li huma jgħixu barra mill-pajjiż. Jekk il-konjuġi jistabbilixxu matul il-konsulenza preċedenti li ż-żwieġ ma għadux iservi għal mill-inqas wieħed minnhom, l-uffiċjal fiċ-ċentru tas-servizzi soċjali jispjega l-proċedura ta’ medjazzjoni u l-għan tagħha għalihom. Bil-kunsens tal-konjuġi, iċ-ċentru tas-servizzi soċjali jista’ jagħmel arranġamenti għall-konsulenza minn qabel segwita minn proċedura ta’ medjazzjoni. Il-konjuġi jistgħu wkoll jieħdu sehem fi proċess ta’ medjazzjoni pprovdut minn fornituri oħra. (L-Artikoli 200 u 202 tal-Kodiċi tal-Familja)
Il-konjuġi jistgħu jilħqu ftehim dwar il-manteniment fil-każ ta’ divorzju fil-forma ta’ rekord notarili infurzabbli mfassal maż-żwieġ, matul iż-żwieġ jew mad-divorzju. Ftehim ta’ manteniment ta’ dan it-tip, b’mod partikolari ftehim dwar it-terminazzjoni tad-dritt għall-manteniment, ma jridx jipperikola l-interessi tat-tfal. (l-Artikolu 101 tal-Kodiċi tal-Familja)
Jekk il-manteniment jintalab fl-istess ħin tad-divorzju jew l-annullament ta’ żwieġ, l-azzjoni titqies bħala proposta fi proċedimenti ċivili mhux kontenzjużi. F’dawn il-każijiet, l-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja jiġi applikat għad-determinazzjoni tal-manteniment, kif iddikjarat fl-Artikolu 217 ta’ dak l-att, jew inkella jintalab manteniment f’kawża ppreżentata fi proċedura ċivili malli jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq (l-Artikolu 100 tal-Kodiċi tal-Familja).
Rigward il-kontenut ta’ proposta f’tilwima matrimonjali (li tinkludi deċiżjoni dwar il-manteniment, jekk mitluba fl-istess ħin bħad-divorzju jew l-annullament ta’ żwieġ), l-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja jipprevedi li proposta f’tilwima matrimonjali jrid ikun fiha wkoll talba speċifika li dwarha l-qorti għandha tiddeċiedi. Rekord miċ-ċentru tas-servizzi soċjali dwar l-attendenza għal konsulenza minn qabel għandu jiġi mehmuż mal-proposta li jintemm żwieġ, jekk il-Kodiċi tal-Familja jipprevedi li applikant għandu jattendi konsulenza minn qabel, qabel ma jibdew il-proċedimenti. (L-Artikolu 82 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja)
Fil-każ ta’ kawża mressqa fi proċedura ċivili, dik il-kawża għandha tinkludi talba speċifika li tistabbilixxi s-suġġett ewlieni tal-kawża u t-talbiet anċillari, il-fatti li jappoġġaw it-talbiet tal-attur, provi li jissostanzjaw dawk il-fatti u data oħra li kull rikors huwa obbligat li jkollu (l-Artikolu 180 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili (Zakon o pravdnem postopku)). Ir-rikors irid jinftiehem u jrid ikun fih dak kollu li huwa meħtieġ għas-seduta ġudizzjarja. B'mod partikolari jrid ikun fih: referenza għall-qorti, l-ismijiet u r-residenza permanenti jew temporanja jew il-post ta’ stabbiliment tal-partijiet, l-ismijiet tar-rappreżentanti legali jew l-aġenti, jekk ikun hemm, is-suġġett tat-tilwima u l-kontenut tad-dikjarazzjoni. L-applikant għandu jiffirma l-applikazzjoni, sakemm dan ma jkunx impossibbli minħabba l-forma tal-applikazzjoni. Il-firma oriġinali tal-applikant titqies bħala l-firma bil-miktub tiegħu jew il-firma elettronika tiegħu (li hija ekwivalenti għal firma miktuba bl-idejn). Jekk applikant ma jkunx jaf kif jikteb jew ma jkunx jista’ jipprovdi firma, huwa jipprovdi lill-applikazzjoni b’marka tas-swaba’ minflok firma. Jekk il-qorti tiddubita l-awtentiċità ta’ rikors, hija tista’ toħroġ deċiżjoni li tordna li applikazzjoni tiġi pprovduta b’firma ċċertifikata. Ma jista’ jsir l-ebda appell kontra din id-deċiżjoni. Jekk id-dikjarazzjoni jkun fiha wkoll xi talba, il-parti trid tniżżel fir-rikors il-fatti li għalihom qiegħda tirreferi, u l-provi fejn meħtieġa. (L-Artikolu 105 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)
Qorti distrettwali (okrožno sodišče) tiddeċiedi fil-prim istanza fi proċeduri ta’ qorti ċivili ta’ ġuriżdizzjoni volontarja dwar manteniment bejn il-ġenituri u t-tfal u dwar il-manteniment mitlub fid-divorzju jew l-annullament taż-żwieġ, u fi proċedura ċivili fuq il-manteniment bejn il-konjuġi fid-divorzju jew l-annullament ta’ żwieġ. (l-Artikolu 10 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja, l-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)
Fi proċeduri ċivili ta’ ġuriżdizzjoni volontarja u proċedura ċivili, it-tariffi tal-qorti jitħallsu f’konformità mal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (Zakon o sodnih taksah).
It-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu mal-ftuħ tal-kawża. It-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu mhux aktar tard mill-iskadenza stabbilita mill-qorti fl-ordni tal-ħlas tat-tariffi tal-qorti. (l-Artikolu 105a tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili).
It-talbiet għall-manteniment jiġu ppreżentati mir-rappreżentant legali tat-tfal. It-tfal minuri huma ppreżentati mill-ġenituri tagħhom. Jekk it-tfal ikunu tpoġġew fil-foster care, it-talba tiġi sottomessa mit-tutur tat-tfal.
Il-proċedimenti biex tittieħed deċiżjoni dwar il-manteniment tat-tfal jinbdew fuq proposta ta’ ġenitur wieħed jew tat-tnejn li huma, kustodju tat-tfal, wild li jkun laħaq l-età ta’ 15-il sena, dment li l-minuri jkun kapaċi jifhem it-tifsira u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħhom, jew ċentru tas-servizzi soċjali. Il-qorti tista tibda wkoll proċedimenti biex tiddeċiedi dwar il-manteniment tat-tfal ex officio. (L-Artikolu 102 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja)
Il-qorti għandha tippermetti illi t-tfal li għandhom 15-il sena u li jistgħu jifhmu t-tifsira u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħhom iwettqu l-azzjonijiet proċedurali tagħhom b’mod indipendenti, bħala parteċipanti fil-proċedimenti. Ir-rappreżentant legali tat-tfal jista' jwettaq azzjonijiet fil-proċedimenti biss jekk it-tfal ma jiddikjarawx illi se jagħmlu dan huma stess. It-tfal taħt il-15 il-sena jew dawk illi l-qorti tgħid illi mhumiex kapaċi jifhmu t-tifsir u l-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħhom jiġu rappreżentati minn rappreżentant legali. Jekk l-interessi tat-tfal u tar-rappreżentant tagħhom ikunu kunfliġġenti, il-qorti taħtar tutur (“ta’ kolliżjoni”) speċjali għat-tfal (kolizijski skrbnik). (L-Artikolu 45 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja)
Qorti distrettwali tiddeċiedi fl-ewwel istanza fi proċedimenti ċivili mhux kontenzjużi dwar il-manteniment bejn il-ġenituri u t-tfal u dwar il-manteniment mitlub mad-divorzju jew l-annullament ta’ żwieġ, u fi proċedura ċivili dwar il-manteniment bejn il-konjuġi wara divorzju jew l-annullament ta’ żwieġ. (l-Artikolu 10 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja, l-Artikolu 32 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)
Ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali fi proċedimenti ċivili ta’ ġuriżdizzjoni volontarja: Il-ġuriżdizzjoni territorjali tinżamm mill-qorti li tkopri ż-żona li fiha l-persuna li kontriha tkun ġiet ippreżentata l-proposta jkollha r-residenza permanenti jew il-post ta’ stabbiliment tagħha. Meta qorti tibda proċedura ex officio, il-ġuriżdizzjoni territorjali tinżamm mill-qorti li tkopri ż-żona fejn ikollha residenza permanenti tagħha l-persuna li dwarha tkun tittratta l-proċedura. Jekk il-parteċipant ma jkollux residenza permanenti fis-Slovenja, il-ġuriżdizzjoni territorjali tiġi ddeterminata f’konformità mal-post tar-residenza temporanja tiegħu. Jekk minbarra r-residenza permanenti l-parteċipant ikollu wkoll residenza temporanja x’imkien ieħor u jista’ jiġi preżunt, minħabba ċ-ċirkostanzi, li se jgħix hemm għal perjodu estiż ta’ żmien, il-qorti li tkopri ż-żona fejn għandu residenza temporanja ikollha wkoll ġuriżdizzjoni territorjali. (L-Artikolu 11 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja)
Ġuriżdizzjoni territorjali speċjali fi proċedimenti ċivili mhux kontenzjużi: Fi proċedimenti biex jiġu rregolati r-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u t-tfal (inklużi deċiżjonijiet dwar il-manteniment), il-qorti li tkopri ż-żona li fiha l-minuri għandu residenza permanenti għandha wkoll ġuriżdizzjoni territorjali. Jekk, minbarra r-residenza permanenti, il-minuri jkollu wkoll residenza temporanja x’imkien ieħor u jista’ jiġi preżunt, minħabba ċ-ċirkostanzi, li jgħixu hemm għal perjodu ta’ żmien estiż, il-qorti li tkopri ż-żona fejn għandhom residenza temporanja għandha wkoll ġuriżdizzjoni. Jekk fi proċedimenti rigward manteniment legali b’element internazzjonali qorti fis-Slovenja jkollha ġuriżdizzjoni minħabba li l-applikant huwa minuri b’residenza permanenti fis-Slovenja, il-qorti li tkopri ż-żona li fiha l-applikant għandu residenza permanenti għandha ġuriżdizzjoni territorjali. (L-Artikolu 13 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja)
Ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali fi proċedura ċivili: Il-Qorti li tkopri ż-żona fejn il-konvenut għandu r-residenza permanenti tiegħu għandha ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. Jekk qorti fis-Slovenja jkollha ġuriżdizzjoni għaliex il-konvenut ikollu residenza temporanja fis-Slovenja, il-qorti li tkopri ż-żona ta’ residenza temporanja tal-konvenut ikollha l-ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. Jekk minbarra r-residenza permanenti tiegħu, il-konvenut ikollu wkoll residenza temporanja x’imkien ieħor u jista’ jiġi preżunt, minħabba ċ-ċirkostanzi, li jgħix hemm għal perjodu ta’ żmien estiż, il-qorti li tkopri ż-żona fejn il-konvenut għandu residenza temporanja għandha wkoll ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. (L-Artikolu 47 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)
Ġuriżdizzjoni territorjali speċjali fi proċedura ċivili: Il-Qorti li tkopri ż-żona fejn il-konvenut għandu r-residenza permanenti tiegħu għandha ġuriżdizzjoni territorjali ġenerali. Jekk f’tilwima dwar il-manteniment legali, qorti fis-Slovenja jkollha ġuriżdizzjoni għaliex il-konvenut ikollu proprjetà fis-Slovenja li permezz tagħha jista’ jitħallas il-manteniment, il-qorti li tkopri ż-żona fejn tkun tinsab dik il-proprjetà jkollha ġuriżdizzjoni ratione loci. (L-Artikolu 50 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)
Il-partijiet jistgħu iwettqu atti legali personalment jew permezz ta’ prokura. Fi proċedimenti quddiem qorti distrettwali, il-persuna bi prokura tista’ tkun biss avukat jew persuna li tkun għaddiet mill-eżami tal-warrant. (L-Artikoli 86 u 87 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)
Iva, t-tariffi tal-qorti għandhom jitħallsu malli tinfetaħ il-proposta jew il-kawża. (L-Artikolu 39 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili ta’ Ġuriżdizzjoni Volontarja, l-Artikolu 105a tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili)
F’tilwim fuq id-dritt ta’ manteniment legali jew talbiet għal ammonti individwali ta’ manteniment legali, it-tariffi tal-qrati pagabbli jiġu evalwati skont il-valur tal-kwistjoni konċernata, li tiġi kalkolata b’mod illi jingħaqdu flimkien tliet xhur kontribuzzjonijiet, sakemm ma jiġix mitlub manteniment għal perjodu ta’ żmien iqsar. (l-Artikolu 23 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti)
Madankollu, jekk il-manteniment qed jiġi mitlub bħala parti minn proċedimenti dwar il-kustodja tat-tfal, it-tariffa tal-qorti li trid titħallas hija somma fissa ta’ EUR 45 (intestatura 1212 tal-iskeda tat-tariffi taħt l-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti).
Iva, l-għajnuna legali hija disponibbli sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tal-proċedimenti. Il-president tal-qorti distrettwali jiddeċiedi dwar l-għoti tal-għajnuna legali. (l-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali (Zakon o brezplačni pravni pomoči))
Ir-rinunzja, posponiment jew ħlas bin-nifs tat-tariffi tal-qorti iridu jintalbu separatament, b’din it-talba ssir lill-qorti li tkun qed tisma’ l-proċedimenti prinċipali (l-Artikolu 12 tal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti).
Il-manteniment jiġi determinat b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtiġijiet tar-rikorrent u l-kapaċitajiet materjali u ta’ qligħ tal-parti responsabbli. Meta tikkalkula l-manteniment dovut lit-tfal, il-qorti trid taġixxi fl-interessi tat-tfal, u tistabbilixxi livell li jkun adegwat biex taċċerta l-iżvilupp fiżiku u mentali b’suċċess tat-tfal. Il-manteniment għandu jkopri l-ispejjeż tal-għajxien tat-tfal, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, l-ikel, l-ilbies, iż-żraben, il-kura u l-protezzjoni, l-edukazzjoni, l-edukazzjoni, ir-rikreazzjoni, id-divertiment u ħtiġijiet speċifiċi oħra. (L-Artikoli 189 u 190 tal-Kodiċi tal-Familja)
Il-manteniment huwa stabbilit bħala somma mħallsa kull xahar bil-quddiem, u jista’ jintalab mill-mument li titressaq kawża ta’ manteniment jew proposta. (l-Artikolu 196 tal-Kodiċi tal-Familja)
Il-qrati jistgħu, fuq talba jew proposta tal-benefiċjarju jew tal-parti responsabbli, iżidu, inaqqsu jew ineħħu rekwiżit ta’ manteniment determinat abbażi ta’ strument ta’ eżekuzzjoni jekk ikun hemm bidla fil-ħtiġijiet tar-riċevitur jew fil-kapaċitajiet tal-parti responsabbli li abbażi tagħha jkun ġie ddeterminat il-manteniment. Jekk il-ġenituri jaqblu dwar żieda jew tnaqqis fil-manteniment tat-tfal determinat permezz ta’ strument ta’ infurzar, huma jistgħu jitolbu li tiġi ffirmata soluzzjoni bil-qorti. Jekk il-qorti tistabbilixxi illi l-ftehim mhux fl-interessi tat-tfal, hija tiċħad din il-proposta. Kwalunkwe żieda, tnaqqis jew tneħħija tal-manteniment li għandu jitħallas mill-ġenituri lil wild adult jew minn wild adult lill-ġenituri jista’ jiġi miftiehem bejn ir-riċevitur u l-parti responsabbli fil-forma ta’ rekord notarili infurzabbli. (l-Artikolu 197 tal-Kodiċi tal-Familja)
Il-manteniment stabbilit mill-istrument ta’ eżekuzzjoni jiġi aġġustat darba fis-sena skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-konsumaturi fis-Slovenja. L-aġġustament isir f’Jannar bl-użu taż-żieda kumulattiva fil-prezzijiet tal-konsumatur mix-xahar li il-manteniment ġie ddeterminat jew aġġustat l-aktar reċentement matulu. Il-fattur ta’ aġġustament għall-manteniment għandu jiġi ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (Uradni list Republike Slovenije) mill-ministru responsabbli għall-familja. Iċ-ċentru għas-servizzi soċjali jinforma lir-riċevitur u lill-parti responsabbli b’kull aġġustament u l-ammont il-ġdid ta’ manteniment bil-miktub. Dan l-avviż miċ-ċentru tas-servizzi soċjali, flimkien mas-soluzzjoni bil-qorti, id-deċiżjoni finali tal-qorti jew ir-rekord notarili infurzabbli, jikkostitwixxi strument ta’ infurzar.
Jekk ir-riċevitur ma jkunx f’edukazzjoni regolari wara l-età ta’ 18 sena fis-sena li fiha l-manteniment jiġi aġġustat, iċ-ċentru tas-servizzi soċjali mhuwiex meħtieġ jinnotifika lir-riċevitur u lill-parti responsabbli dwar l-aġġustament bil-miktub. Wara li jagħlqu l-età ta’ 18 sena, ir-riċevitur irid jissottometti ċertifikat ta’ reġistrazzjoni liċ-ċentru tas-servizzi soċjali fi żmien 30 jum minn meta jikseb l-istatus ta’ student, jew jinforma liċ-ċentru fejn ikunu involuti f’edukazzjoni regolari. Jekk il-benefiċjarju jonqos milli jaġixxi skont is-sentenza preċedenti, iċ-ċentru tas-servizzi soċjali ma jaġġustax il-manteniment f’dik is-sena. Wara li tifel jew tifla tkun laħqet l-età adulta, il-parti responsabbli tista’ tiċċekkja maċ-ċentru tas-servizzi soċjali biex taċċerta jekk it-tifel jew tifla għandhiex l-istatus ta’ skular jew student. Jekk il-benefiċjarju ma jkollux status ta’ student jew student, il-parti responsabbli mhijiex obbligata tħallas il-manteniment, irrispettivament minn kwalunkwe avviż ta’ aġġustament tal-manteniment maħruġ qabel it-telf ta’ student jew status ta’ student. (l-Artikolu 198 tal-Kodiċi tal-Familja)
Il-manteniment tat-tfal normalment jiġi depożitat fil-kont bankarju tar-rappreżentant legali tat-tfal. Il-manteniment għall-adulti jiġi ddepożitat fil-kontijiet bankarji tagħhom. Kif u lil min jitħallas il-manteniment jiġi deċiż mill-qorti.
Jekk persuna li trid tħallas il-manteniment tonqos milli tissodisfa l-obbligu tagħha biex tħallas il-manteniment b’mod volontarju skont l-istrument eżekuttiv (sentenza, ordni tal-qorti, att notarili eżekuttiv, flimkien ma’ avviż tal-għoti tal-manteniment), il-benefiċjarju jista’ jissottometti proposta għall-eżekuzzjoni mal-qorti skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni u l-Protezzjoni tat-Talbiet Ċivili (Zakon o izvršbi in zavarovanju) sabiex jikseb il-ħlas.
Din l-informazzjoni hija disponibbli permezz tal-portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika: Kif tinforza deċiżjoni ta’ qorti
Fi proċeduri għall-akkwist/l-arranġament ta’ manteniment, l-informazzjoni inizjali dwar il-manteniment tista’ tinkiseb minn kwalunkwe ċentru tas-servizzi soċjali.
Il-qrati distrettwali għandhom ġuriżdizzjoni ratione materiae biex jiddeterminaw il-manteniment. Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu japplikaw għal għajnuna legali fil-forma ta’ rappreżentanza minn avukat u eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedimenti.
Jekk id-debitur jonqos milli jħallas il-manteniment, rappreżentant legali tal-minuri jew benefiċjarju adult tal-manteniment stess jista’ jippreżenta talba ta’ eżekuzzjoni mal-awtorità lokali kompetenti (okrajno sodišče). L-assistenza biex issir it-talba ta’ eżekuzzjoni tista’ tinkiseb miċ-ċentri tas-servizzi soċjali, qrati lokali, avukati u mill-Fond għall-Boroż ta’ Studju Pubbliċi, l-Iżvilupp, id-Diżabbiltà u l-Manteniment (Javni štipendijski, razvojni, invalidski in preživninski sklad Republike Slovenije).
Il-Qorti Suprema tas-Slovenja (Vrhovno sodišče), ippubblikat il-forom riveduti biex isiru talbiet għal manteniment, flimkien ma’ struzzjonijiet dwar kif timliehom, fil-ġurnal Sodnikov informator. Dawn iservu biex jgħinu lill-utenti jagħmlu talbiet ta’ infurzar, u huma disponibbli fuq is-sit web tal-Ministeru tax-Xogħol, il-Familja, l-Affarijiet Soċjali u l-Opportunitajiet Indaqs (Ministrstvo za delo, družino, socialne zadeve in enake možnosti).
Jekk id-debitur jonqos milli jħallas il-manteniment, ir-rappreżentant legali tal-minuri jew il-benefiċjarju adult tal-manteniment jista’ jitlob ħlas ta’ manteniment mill-Fond Pubbliku ta’ Boroż ta’ Studju, Żvilupp, Diżabilità u Manteniment tar-Repubblika tas-Slovenja, iżda biss fuq il-bażi ta’ deċiżjoni tal-qorti jew soluzzjoni bil-qorti li tkun finali u eżegwibbli li tistabbilixxi l-ammont ta’ manteniment, u bil-kundizzjoni li r-rappreżentant legali jew ipprova mingħajr suċċess jeżegwixxi l-ħlas tal-manteniment huwa stess jew ħareġ talba debitament kompluta għall-eżekuzzjoni tal-manteniment barra mill-pajjiż.
Id-dritt għall-manteniment ta’ kumpens huwa ta’ tfal li għadhom ma għalqux 18-il sena, u ta’ tfal ta’ bejn it-18 u s-26 sena jekk ikunu involuti f’edukazzjoni regolari u ma jkunux impjegati jew irreġistrati bħala qiegħda u:
Iva. L-għajnuna fl-infurzar tad-deċiżjonijiet dwar il-manteniment hija pprovduta mill-Fond Pubbliku għall-Borża ta’ Studju, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manutenzjoni, maħtur bħala l-awtorità ċentrali skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment. Il-Fond ta’ Boroż ta’ Studju Pubbliċi, Żvilupp, Diżabilità u Manteniment ġie maħtur ukoll bħala l-awtorità ċentrali taħt il-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Irkupru Internazzjonali ta’ Manteniment għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja, u bħala l-aġenzija li tittrasmetti u tirċievi taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Irkupru barra l-Pajjiż tal-Manteniment.
Id-dettalji ta’ kuntatt huma:
Javni štipendijski, razvojni, invalidski in preživninski sklad Republike Slovenije (Fond ta’ Borża ta’ Studju Pubblika, Żvilupp, Diżabilità u Manutenzjoni)
Dunajska cesta 20
1000 Ljubljana
Tel: + 386 1 4720 990
Faks: + 386 1 4345 899
Posta elettronika: jpsklad@jps-rs.si
Sit web: https://www.srips-rs.si/
Skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 4/2009, l-applikazzjonijiet għall-infurzar tal-manteniment iridu jsiru permezz tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru fejn joqgħod l-applikant, u wara dan dik l-awtorità ċentrali tibgħat l-applikazzjoni lill-awtorità ċentrali tas-Slovenja, jiġifieri l-Fond ta’ Boroż ta’ Studju Pubbliċi, l-Iżvilupp, id-Diżabilità u l-Manutenzjoni.
Ir-Regolament ma jipprevedix kuntatti diretti bejn applikant residenti barra mill-pajjiż u l-Fond ta’ Boroż ta’ Studju Pubbliċi, Żvilupp, Diżabilità u Manutenzjoni bħala l-awtorità ċentrali.
L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tar-residenza tal-applikant tittratta l-komunikazzjoni. L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tar-residenza tal-applikant tittratta l-komunikazzjoni. L-awtorità ċentrali tal-Istat Membru ta’ residenza tal-applikant tipprovdi l-assistenza kollha għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni mimlija b’mod korrett u xieraq għall-eżekuzzjoni tal-manteniment fis-Slovenja, u tibgħat l-applikazzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe anness, lill-Fond Pubbliku ta’ Boroż ta’ Studju, Żvilupp, Diżabilità u Manutenzjoni, li jirrevedi l-applikazzjoni, jitlob kwalunkwe informazzjoni jew korrezzjoni addizzjonali jekk ikun meħtieġ, u jirrappreżenta lill-applikant fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni quddiem il-qrati u korpi oħra fis-Slovenja.
Iva.
----
L-għajnuna legali hija disponibbli sabiex tkopri l-ispejjeż tal-proċedimenti. Il-president tal-qorti distrettwali jiddeċiedi dwar l-għoti tal-għajnuna legali. (L-Artikolu 2 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)
L-għajnuna legali tista’ tiġi approvata għal parir legali, konsulent legali u servizzi legali oħra determinati mil-liġi, għall-forom kollha ta’ protezzjoni ġudizzjarja quddiem il-qrati kollha ta’ kompetenza ġenerali u qrati speċjalizzati fis-Slovenja, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Slovena (Ustavno sodišče), u quddiem il-korpi, l-istituzzjonijiet u l-persuni kollha fis-Slovenja li huma kompetenti għal soluzzjoni ekstraġudizzjarja tat-tilwim, u bħala rinunzja għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura ġudizzjarja. (L-Artikolu 7 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)
Il-benefiċjarji taħt dan l-Att huma: 1. ċittadini tas-Slovenja; 2. ċittadini barranin b’permessi ta’ residenza permanenti jew temporanji fis-Slovenja, u persuni mingħajr ċittadinanza (persuni apolidi) li jirrisjedu legalment fis-Slovenja; 3. ċittadini barranin oħra taħt kondizzjonijiet ta’ reċiproċità jew taħt kondizzjonijiet u f’każijiet definiti fi trattati internazzjonali li jorbtu lis-Slovenja; 4. organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet mhux governattivi li joperaw mingħajr skop ta’ qligħ u fl-interess pubbliku, u li jiddaħħlu fir-reġistru korrispondenti skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, f’tilwim marbut mat-twettiq ta’ attivitajiet fl-interess pubbliku jew mal-intenzjoni li għaliha jkunu ġew stabbiliti; 5. persuni oħra li għalihom il-liġi jew trattat internazzjonali li jorbot lis-Slovenja jippreskrivi intitolament għal għajnuna legali. (L-Artikolu 10 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)
Persuna intitolata għall-għajnuna legali tista’ titlob l-għajnuna legali fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti. Fid-deċiżjoni dwar talbiet għal għajnuna legali, jiġi stabbilit l-istatus finanzjarju tal-applikant, kif inhuma kundizzjonijiet oħra definiti f’dan l-att. (L-Artikolu 11 tal-Att dwar l-Għajnuna Legali)
Skont l-Artikolu 46 tar-Regolament, din ir-rinunzja tapplika fil-każijiet kollha fejn it-talba tal-benefiċjarju tkun ibbażata fuq l-Artikolu 56 tar-Regolament u hija marbuta mal-manteniment minħabba relazzjoni bejn ġenituri u tfal u huwa dovut lil persuni taħt il-21 sena.
L-ebda miżuri ma ġew adottati sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 51 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.