Bejgħ fl-irkant bil-qorti

Awstrija

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

1. Reklamar u iffissar tal-prezz tal-assi maqbuda

Fuq it-talba tal-kreditur rikorrent, is-subbasta ta’ proprjetà immobbli, ta’ bini mibni temporanjament fuq l-art ta’ persuna oħra (Superädifikat) jew ta’ drittijiet ta’ bini, jista’ jiġi awtorizzat mill-qorti ta’ eżekuzzjoni li għandha l-ġurisdizzjoni. Ladarba r-rikors ikun ġie eżaminat, l-awtorizzazzjoni tingħata b’ordni tal-qorti. Il-qorti normalment taħtar perit biex jagħti stima tal-valur tal-proprjetà immobbli. F’ċerti każijiet, il-valur ma jkollux għalfejn jiġi stmat (§ 142 tal-Exekutionsordnung (EO – il-Kodiċi dwar l-Eżekuzzjoni)). L-aktar offerta baxxa ġeneralment tammonta għal nofs il-valur stmat. Il-qorti ta’ eżekuzzjoni li għandha l-ġuriżdizzjoni tiffissa data għas-subbasta, li tagħmilha pubblika billi ddaħħalha fil-bażi tad-data tad-deċiżjonijiet tal-qrati magħruf bħala l-Ediktsdatei (justiz.gv.at). Apparti sommarju tar-rapport ta’ valutazzjoni u dettalji tal-proprjetà li għandha tiġi rkantata (indirizz, numru ta’ reġistrazzjoni u muniċipalità kadastrali), l-Ediktsdatei jindika wkoll, inter alia, il-post u l-ħin tas-subbasta u l-offerta minima għall-proprjetà.

Qabel ma jingħata s-suġġett tal-bejgħ, l-ogħla offerent għandu jipprovdi depożitu (10 % tal-valur stmat, iżda mhux inqas minn EUR 1,000.00). L-għoti jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-artijiet (Grundbuch) u jiġi ppubblikat fl-Ediktsdatei. Ix-xerrej b’hekk isir is-sid tal-proprjetà mingħajr ma jkun hemm entrata formali fir-reġistru tal-artijiet.

L-irkant ta’ proprjetà mobbli normalment titwettaq mill-korp ta’ eżekuzzjoni jew, fil-każ ta’ irkant f’dar tal-irkanti, minin uffiċjal tad-dar tal-irkanti. Irkanti online permezz ta’ pjattaforma tal-irkanti huma possibbli wkoll (ara l-punt 6). Il-valur tal-oġġetti huwa stmat fil-biċċa l-kbira tal-każijiet minn perit u f’xi każijiet anki mill-korp ta’ eżekuzzjoni jew perit ieħor.

2. Partijiet terzi awtorizzati biex iwettqu l-bejgħ

Il-subbasta ta’ proprjetà immobbli jitwettaq esklużivament mill-qorti ta’ eżekuzzjoni. Il-proprjetà mobbli tista’ wkoll tiġi rkantata minn irkantatur jew dar tal-irkanti.

3. Tipi ta’ subbasti li għalihom ir-regoli jistgħu japplikaw biss parzjalment.

Dispożizzjonijiet speċjali japplikaw għal irkanti online li jitwettqu bħala parti minn proċedura ta’ eżekuzzjoni (§ 277 EO).

4. Informazzjoni dwar ir-reġistri nazzjonali tal-proprjetà

Il-Grundbuch (ir-reġistru tal-artijiet) huwa reġistru pubbliku li fih jiġu rreġistrati l-art u d-drittijiet in rem assoċjati – bħall-istatus tas-sjieda, piżijiet u drittijiet ta’ bini. Il-qrati distrettwali huma responsabbli għaż-żamma tar-reġistru. Kulħadd jista’ jikkonsulta r-reġistru tal-artijiet. Madankollu, tfittxija għal persuni fil-Personenverzeichnis (lista ta’ persuni) hija possibbli biss jekk hemm interess ġuridiku.

Ċerti qrati distrettwali (b’mod partikolari l-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru tal-Belt ta’ Vjenna (Bezirksgericht Innere Stadt Wien)) iżommu reġistru pubbliku tal-vapuri, li jinkludi wkoll informazzjoni dwar l-istatus tas-sjieda. Marankollu, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni japplika biss għal ċerti vapuri.

Ir-reġistru tan-negozji (Firmenbuch) huwa reġistru pubbliku miżmum mill-qrati nazzjonali (Landesgerichte). Fi Vjenna dan jinżamm mill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) u fi Graz jinżamm mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Graz (il-Qorti Reġjonali ta’ Graz għal Kwistjonijiet ta’ Dritt Ċivili). Dan jikkonsisti mill-Hauptbuch, jew ir-reġistru prinċipali, li jinkludi l-entrati tar-reġistru tan-negozji, u ġabra ta’ dokumenti li jikkonsistu l-atti individwali li jiffurmaw il-bażi ta’ kull entratat fir-reġistru tan-negozji, bħall-istatut ta’ assoċjazzjoni. Ir-reġistru tan-negozji jista’ jiġi aċċessat online (ara Firmenbuch (justiz.gv.at)).

5. Informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data li jippermettu lill-kredituri jidentifikaw assi u l-obbligi ta’ dejn ta’ debitur

Jekk hemm xi interess legali, tista’ titwettaq tfittxija fil-lista ta’ persuni fir-reġistru tal-artijiet (ara hawn fuq).

L-informazzjoni segwenti tiġi ppubblikata fil-bażi tad-data li hija aċċessibbli pubblikament online, Ediktsdatei (justiz.gv.at):

  • Irkanti ordnati mill-qorti
  • Riċevitura ġudizzjarja
  • Editti u tħabbir fi proċedimenti kriminali
  • L-insolvenza manifesta ta’ persuna: jekk, fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, isir ċar li l-parti obbligata hija manifestament insolventi, il-qorti ta’ eżekuzzjoni tistabbilixxi dan il-fatt b’ordni, wara li tisma’ lill-partijiet. Imbagħad rikors għal eżekuzzjoni relatat mal-proprjetà mobbli jista’ jintlaqa’ biss b'restrizzjonijiet.

Il-bażi tad-data (Insolvenzdatei) tista’ tiġi aċċessata wkoll minn din il-paġna web.

6. Informazzjoni dwar is-subbasti online

Il-subbasta online ta’ proprjetà immobbli ma huwiex permess. L-irkanti ta’ proprjetà mobbli online jitwettqu fuq il-pjattaforma http://www.justiz-auktion.at/.

L-aħħar aġġornament: 20/09/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.