Bejgħ fl-irkant bil-qorti

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija

1. Il-pubblikazzjoni u l-ipprezzar ta’ bejgħ ta’ assi maqbuda

Il-liġi nazzjonali tipprevedi proċeduri differenti li jiġu applikati fil-qafas tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, skont is-suġġett tal-eżekuzzjoni.

Bejgħ ta’ proprjetà mobbli:

Il-qbid ta’ proprjetà mobbli jirrikjedi li l-assi jiġi elenkat f’inventarju kkumpilat minn uffiċjal ġudizzjarju. Il-proprjetà mobbli ta’ debitur tista’ tinqabad ukoll mal-wasla ta’ inventarju jew avviż ta’ qbid, jekk dan tal-aħħar jispeċifika l-assi suġġett għal eżekuzzjoni. L-uffiċjal ġudizzjarju jdaħħal assi speċifikat mill-kreditur fl-inventarju biss jekk ikun fil-pussess tad-debitur, sakemm ma jkunx ovvju miċ-ċirkostanzi li l-assi jappartjeni lil persuna oħra.

Il-bejgħ ta’ assi maqbud isir mill-uffiċjal ġudizzjarju li jkun elenka l-assi fl-inventarju. Il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli, settijiet ta’ assi jew gruppi ta’ assi jsir mill-ħwienet jew f’boroż, permezz ta’ rkant pubbliku b’offerti orali jew skont ir-regoli li jirregolaw il-bejgħ tal-proprjetà bil-qorti.

Id-debitur jista’ jaċċetta l-bejgħ tal-assi fil-ħanut privat tal-uffiċjal ġudizzjarju bi prezz stabbilit mill-uffiċjal ġudizzjarju, jew f’ħanut magħżul mill-uffiċjal ġudizzjarju privat, billi jagħti l-kunsens bil-miktub tiegħu biex l-assi jingħadda lill-ħanut għall-bejgħ.

Jekk l-assi jkun jista’ jinbiegħ f’borża, il-kreditur jew id-debitur jista’ jindika l-borża li fiha jkun jixtieq li l-assi jinbiegħ billi jippreżenta kunsens bil-miktub apposta għall-bejgħ. Il-ħanut jew il-borża, kif applikabbli, tirċievi kummissjoni ta’ 15 % tal-prezz tal-bejgħ għat-tranżazzjoni, li titnaqqas meta tirċievi l-ammont imħallas.

Oġġetti b’valutazzjoni ta’ aktar minn BGN 5 000, vetturi bil-mutur, bastimenti u inġenji tal-ajru jinbiegħu mill-uffiċjal ġudizzjarju skont il-proċedura għall-bejgħ ta’ proprjetà immobbli bil-qorti.

L-uffiċjal ġudizzjarju jħabbar il-bejgħ tal-assi billi jwaħħal avviż f’postijiet xierqa fil-bini tal-qorti distrettwali (rayonen sad), fl-uffiċċju tiegħu u fil-bini tal-muniċipalità lokali jew tal-kunsill lokali. Ir-rapport li jiċċertifika t-tqegħid ta’ avviż jiġi rreġistrat mill-qorti distrettwali. Meta t-trasferiment ta’ assi lill-ħanut joħloq inkonvenjent għall-bejgħ tiegħu, l-uffiċjal ġudizzjarju jwaħħal ukoll avviż f’post li jkun jidher sew fil-ħanut u jagħmel arranġamenti biex dawk li jkunu jixtiequ jaraw l-assi jagħmlu dan fil-post fejn ikun l-assi.

L-uffiċjal ġudizzjarju jistabbilixxi l-prezz li bih l-assi għandu jinbiegħ fil-ħanut. L-offerta inizjali f’irkant pubbliku b’offerti orali jew f’subbasta hija ta’ 85 % tal-valur tal-assi. Fuq talba tal-parti, jinħatar espert biex jiddetermina l-valur tal-assi. L-espert jinħatar ex officio fejn ikun meħtieġ għarfien speċjali fil-qasam tax-xjenza, tal-arti, tas-snajja’, eċċ. sabiex jiġi ddeterminat il-valur. Opinjoni dwar il-valur ta’ assi tista’ tingħata bil-fomm. L-opinjonijiet orali jiġu rreġistrati wkoll fir-rapport.

Fil-każ ta’ assi b’valutazzjoni ta’ aktar minn BGN 5 000, vetturi bil-mutur, bastimenti u inġenji tal-ajru, l-uffiċjal ġudizzjarju ikun meħtieġ jaħtar espert biex jiddetermina l-valur. Il-prezz tal-bejgħ ta’ proprjetà mobbli ma jistax ikun anqas mill-valur tal-assigurazzjoni tagħha, fejn applikabbli. Din ir-regola ma tapplikax għall-bejgħ sussegwenti tal-istess assi.

Fl-ewwel avviż ta’ bejgħ, kwalunkwe parti tista’ tikkontesta l-prezz tal-assi meta l-uffiċjal ġudizzjarju jkun qed jiddeterminah u titlob il-ħatra ta’ espert għall-finijiet ta’ valwazzjoni ġdida. L-uffiċjal ġudizzjarju jistabbilixxi skadenza għall-ħlas tal-ispejjeż. Meta l-parti tkun ħallset l-ispejjeż rilevanti sal-iskadenza speċifikata, l-uffiċjal ġudizzjarju jkun meħtieġ jaħtar espert jew diversi esperti sabiex jikseb valwazzjoni esperta ġdida tal-assi. Il-valur il-ġdid iddeterminat b’dan il-mod ma jistax jiġi kkontestat.

Jekk oġġett ma jirnexxilux jinbiegħ fi żmien tliet xhur mid-data meta jiġi ttrasferit fil-ħanut jew mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ bejgħ, l-oġġett jinbiegħ permezz ta’ rkant pubbliku b’offerti orali bi prezz ekwivalenti għal 50 % tal-prezz inizjali stabbilit. Is-subbasta pubblika ssir fiż-żmien iffissat mill-uffiċjal ġudizzjarju quddiem il-bini fejn jinżammu maħżunin il-beni tal-inventarju jew f’post ieħor maqbul bejn il-partijiet. Meta ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, il-bejgħ isir f’post determinat mill-uffiċjal ġudizzjarju u jkun skedat mhux qabel ġimgħa u mhux aktar tard minn 3 ġimgħat wara d-data tal-inventarju. Meta l-kreditur jonqos milli jħallas l-ispejjeż tal-bejgħ fi żmien ġimgħa mill-inventarju, ma jkun skedat l-ebda bejgħ, u l-assi tal-inventarju jiġu rilaxxati. Fil-jum tal-bejgħ, l-uffiċjal ġudizzjarju jfassal rapport li jindika l-jum meta l-informazzjoni għandha tiġi żvelata u kif u l-partijiet għandhom jiġu nnotifikati. L-irkant jibda fil-ħin li jkun ġie stabbilit minn qabel u jintemm wara li l-aħħar assi fl-inventarju jkun ġie offrut għall-bejgħ. Ma hemmx bżonn li jitħallas depożitu sabiex wieħed jipparteċipa f’irkant.

Is-subbasta ta’ proprjetà immobbli:

Meta l-oġġett tal-eżekuzzjoni jkun proprjetà immobbli, L-uffiċjal ġudizzjarju jibgħat stedina għal ħlas volontarju, li tispeċifika l-proprjetà kkonċernata, u fl-istess ħin jibgħat ittra lill-Aġenzija tar-Reġistru sabiex jirreġistra l-preklużjoni tal-proprjetà.

L-uffiċjal ġudizzjarju idaħħal il-proprjetà speċifikata mill-kreditur fl-inventarju wara li jivverifika li l-proprjetà kienet proprjetà tad-debitur fil-jum meta ġiet imposta l-preklużjoni. Is-sjieda tiġi vverifikata bit-twettiq ta’ verifika fir-reġistri tat-taxxa jew tal-atti jew b’mezzi oħra, inkluż b’mistoqsijiet lill-ġirien. Meta ma jkun hemm l-ebda prova affidabbli ta’ sjieda, il-pussess tal-proprjetà jiġi kkunsidrat fil-jum li fih tkun ġiet imposta l-preklużjoni.

L-inventarju jindika wkoll il-jum tal-preżentazzjoni tal-valwazzjoni tal-proprjetà, meta l-valwazzjoni ssir wara l-inventarju. F’dan il-każ, il-partijiet jitqiesu li ġew innotifikati li ġiet ippreżentata valwazzjoni, irrispettivament minn jekk kinux preżenti fiż-żmien meta sar l-inventarju. L-inventarju jindika wkoll il-post u l-ħin tal-bejgħ tal-proprjetà, jekk il-kreditur jitlob hekk. F’dan il-każ, id-debitur jitqies li ġie nnotifikat bil-bejgħ, irrispettivament minn jekk kienx preżenti meta sar l-inventarju.

L-uffiċjal ġudizzjarju jaħtar espert biex jiddetermina l-valur tal-proprjetà. L-espert irid ikun imniżżel fir-reġistru tal-istimaturi indipendenti previst fl-Att dwar l-Istimaturi Indipendenti (Zakon za nezavisimite otseniteli) jew fil-lista ta’ professjonisti approvati bħala esperti skont l-Att dwar il-Ġudikatura (Zakon za sadebnata vlast). L-opinjoni tal-espert tiġi kkomunikata lill-partijiet u dawn jistgħu jikkontestawha fi żmien 7 ijiem. Meta l-opinjoni esperta tiġi kkontestata, il-parti taħtar espert li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti hawn fuq sabiex jitħejja t-tieni rapport ta’ valwazzjoni, u tħallas l-ispejjeż relatati. It-tieni valwazzjoni ma ssirx jekk il-valwazzjoni oriġinali ma tiġix ikkontestata. Fil-każ ta’ żewġ valwazzjonijiet jew aktar, il-valur tal-proprjetà jiġi ddeterminat bħala l-medja tal-valuri indikati fir-rapporti ta’ valwazzjoni kollha. Il-prezz tal-offerta inizjali tal-proprjetà huwa ta’ 80 % tal-valur tagħha. L-offerta inizjali fl-ewwel subbasta ma tistax tkun anqas mill-valur indikat fil-valutazzjoni tat-taxxa, jekk din tkun disponibbli.

L-uffiċjal ġudizzjarju ikun meħtieġ ifassal avviż ta’ bejgħ fi żmien ġimgħa mid-data tal-inventarju, li jinkludi deskrizzjoni tal-proprjetà, is-sid tagħha, indikazzjoni ta’ jekk tkunx ipotekata, u kwalunkwe dritt in rem limitat, pretensjonijiet reġistrati, qbid u kirjiet stabbiliti fir-rigward tal-proprjetà fil-ħin tal-preklużjoni, kif ukoll l-offerta inizjali u l-post u d-data li fihom ikun se jsir il-bejgħ. L-avviż jitwaħħal f’postijiet xierqa fil-bini tal-uffiċċju privat tal-uffiċjal ġudizzjarju, fil-qorti distrettwali, fil-muniċipalità jew fil-kunsill lokali tal-post fejn tinsab il-proprjetà, u mal-proprjetà nnifisha. L-avviż jiġi ppubblikat ukoll fis-sit web tal-qorti provinċjali (okrazhen sad) tal-post tal-eżekuzzjoni mill-inqas jum qabel il-jum li fih jibda l-bejgħ kif speċifikat fl-avviż. L-uffiċjal ġudizzjarju jikteb rapport li jindika d-data li fiha jkun ġie ppubblikat l-avviż. Ir-rapport jiġi rreġistrat mal-qorti distrettwali. L-uffiċjal ġudizzjarju jistabbilixxi l-ħinijiet li fihom ix-xerrejja prospettivi jkunu jistgħu jmorru jaraw il-proprjetà immobbli.

Il-bejgħ isir fil-bini tal-qorti distrettwali. Dan idum xahar u jintemm fil-jum speċifikat fl-avviż. Id-dokumentazzjoni tal-bejgħ tinżamm mir-reġistru tal-qorti distrettwali u tkun disponibbli għall-partijiet kollha interessati fil-proprjetà. Irid jitħallas depożitu ta’ 10 % tal-offerta inizjali fil-kont tal-uffiċjal ġudizzjarju sabiex wieħed ikun jista’ jipparteċipa fl-irkant. Il-kreditur ma jħallasx depożitu jekk il-pretensjoni tiegħu tkun ogħla mill-ammont tad-depożitu. Jekk ma jkun hemm l-ebda offerent jew ma ssir l-ebda offerta valida, jew jekk ix-xerrej jonqos milli jħallas il-prezz u l-proprjetà ma tingħatax lill-offerent iddikjarat bħala x-xerrej, il-kreditur għandu d-dritt li jitlob li jiġi skedat bejgħ ġdid fi żmien ġimgħa mid-data tan-notifika.

Il-bejgħ il-ġdid isir skont ir-regoli għall-ewwel bejgħ. L-eqreb data tal-bidu tat-tieni bejgħ tkun mill-inqas xahar minn tmiem l-ewwel bejgħ u l-offerta inizjali tkun 90 % tal-offerta inizjali fl-ewwel bejgħ. Jekk il-proprjetà ma jirnexxilhiex tinbiegħ fit-tieni bejgħ u ma tasal l-ebda talba biex tiġi ddeterminata offerta inizjali ġdida fi żmien ġimgħa mill-avviż tal-bejgħ, il-proprjetà tiġi eskluża mill-patrimonju suġġett għall-eżekuzzjoni u l-preklużjoni titneħħa fuq talba tal-uffiċjal ġudizzjarju.

2. Partijiet terzi li jistgħu jwettqu l-operazzjoni tal-bejgħ

Fil-qafas tal-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, il-proprjetà maqbuda tinbiegħ minn uffiċjali ġudizzjarji bil-metodi deskritti fil-punti 1 u 6. L-unika eċċezzjoni għar-regola hija l-bejgħ ta’ proprjetà mobbli f’ħanut jew f’borża.

Id-debitur jista’ jaċċetta l-bejgħ tal-assi fil-ħanut privat tal-uffiċjal ġudizzjarju bi prezz stabbilit mill-uffiċjal ġudizzjarju, jew f’ħanut magħżul mill-uffiċjal ġudizzjarju privat, billi jagħti l-kunsens bil-miktub tiegħu biex l-assi jingħadda lill-ħanut għall-bejgħ.

Jekk l-assi jkun jista’ jinbiegħ f’borża, il-kreditur jew id-debitur jista’ jindika l-borża li fiha jkun jixtieq li l-assi jinbiegħ billi jippreżenta kunsens bil-miktub apposta għall-bejgħ.

It-trasferiment tal-assi jiġi ċċertifikat b’rapport iffirmat mill-uffiċjal ġudizzjarju u mill-maniġer tal-borża jew tal-ħanut. Il-ħanut jew il-borża, kif applikabbli, tirċievi kummissjoni ta’ 15 % tal-prezz tal-bejgħ għat-tranżazzjoni, li titnaqqas meta tirċievi l-ammont imħallas.

L-ammonti kollha riċevuti fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni mid-debitur, parti terza suġġetta għal qbid, l-offerenti u x-xerrejja fil-bejgħ, u mill-ħwienet jew il-boroż li wettqu l-bejgħ ta’ assi mobbli, jitħallsu fil-kont tal-uffiċjal ġudizzjarju.

3. Tipi ta’ subbasti li għalihom ir-regoli jistgħu ma japplikawx għalkollox

Ma hemm l-ebda tip ta’ subbasta fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni u ta’ falliment skont il-liġi Bulgara li għalihom ir-regoli ma japplikawx għalkollox. Madankollu, ċerti differenzi fit-termini u l-kundizzjonijiet għat-twettiq tas-subbasti jistgħu jirriżultaw minn atti ġuridiċi speċifiċi.

4. Informazzjoni dwar ir-reġistri nazzjonali tal-assi

Fil-Bulgarija jinżammu dawn ir-reġistri tal-assi:

Ir-Reġistru tal-Proprjetà:

Ir-reġistru, li jinżamm mill-Aġenzija tar-Reġistru (Agentsiya po vpisvaniyata), huwa bażi tad-data tal-proprjetà immobbli fil-Bulgarija u jinkludi proprjetajiet individwali f’lottijiet. Huwa rekord tal-atti tat-titoli u ta’ atti oħrajn li bihom is-sjieda jew drittijiet oħra in rem fi proprjetà immobbli jiġu rikonoxxuti, ittrasferiti, immodifikati jew itterminati. Il-preklużjoni u l-ipoteki fuq il-proprjetà immobbli jiddaħħlu fir-Reġistru tal-Proprjetà. Ir-reġistru jiddokumenta l-aħħar entrati relatati maċ-ċirkostanzi ta’ hawn fuq u jippermetti li l-bidliet f’dawk iċ-ċirkostanzi u fl-atti reġistrati jiġu ntraċċati b’mod kronoloġiku. Ir-Reġistru tal-Proprjetà jista’ jiġi kkonsultat biex jivverifika s-sjieda u s-sidien tal-proprjetà immobbli, u d-drittijiet in rem u restrizzjonijiet oħrajn stabbiliti fir-rigward tal-proprjetajiet immobbli. Ir-reġistru jista’ jiġi kkonsultat fil-bini tal-uffiċċji tal-Aġenzija tar-Reġistru fil-Bulgarija jew online permezz ta’ reġistrazzjoni tal-utent u tariffa stabbilita f’lista tal-prezzijiet apposta.

Ir-Reġistru Nazzjonali tal-Vetturi tat-Triq:

Ir-reġistru jinżamm mill-Ministeru għall-Intern (Ministerstvo na vatreshnite raboti). Dan fih data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi tat-triq, bidliet fis-sjieda ta’ vetturi tat-triq reġistrati (inkluża data dwar kuntratti konklużi), kif ukoll data dwar qbid jew restrizzjonijiet oħra imposti.

L-aċċess uffiċjali għall-informazzjoni mir-reġistru huwa pprovdut lin-nutara, u lill-uffiċjali ġudizzjarji privati u tal-Istat.

Iċ-ċertifikati għar-reġistrazzjoni jew għat-tneħħija tar-reġistrazzjoni tal-vetturi jinħarġu lis-sidien tal-vetturi mal-ħlas ta’ tariffa miġbura mill-Ministeru għall-Intern skont l-Att dwar it-Tariffi tal-Istat (Zakon za darzhavnite taksi).

Ma titħallas l-ebda tariffa meta l-informazzjoni dwar il-vetturi reġistrati tingħata lill-Ministeru għall-Intern, lill-awtoritajiet ġudizzjarji, lill-korpi responsabbli għas-sigurtà nazzjonali u għall-ordni pubbliku, u lill-korpi tal-Awtorità tat-Taxxa (Natsionalna agentsiya za prihodite) mal-wasla ta’ talba ex officio.

L-informazzjoni dwar il-vetturi reġistrati tiġi pprovduta lil partijiet terzi fuq ordni tal-awtoritajiet ġudizzjarji mal-ħlas ta’ tariffa miġbura mill-Ministeru għall-Intern skont l-Att dwar it-Tariffi tal-Istat.

Ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru Ċivili tar-Repubblika tal-Bulgarija:

Ir-reġistru jinżamm mid-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili (Glavna Direktsiya “Grazhdanska vasduhoplavatelna administratsiya”) tal-Ministeru għat-Trasport u l-Komunikazzjonijiet (Ministerstvo na transporta i saobshteniyata).

Iċ-ċirkostanzi kollha relatati mal-istabbiliment tat-titolu għal inġenju tal-ajru ċivili u l-bidliet kollha relatati mat-trasferiment tat-titolu, l-istabbiliment u t-trasferiment tad-drittijiet tal-proprjetà jew tal-bonds u l-istabbiliment ta’ aggravji jiddaħħlu fir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru Ċivili tar-Repubblika tal-Bulgarija.

It-tranżazzjonijiet isiru effettivi fil-konfront ta’ partijiet terzi wara d-dħul tagħhom fir-reġistru. L-entrati fir-reġistru jikkostitwixxu att ta’ divulgazzjoni fir-rigward ta’ partijiet terzi li jaġixxu b’rieda tajba.

Ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru Ċivili huwa aċċessibbli għall-pubbliku fis-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili, ħlief għad-dettalji tas-sid, il-pussessur jew id-detentur tal-inġenju tal-ajru ċivili rreġistrat. Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili joħroġ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni lis-sidien, lid-detenturi jew lill-pussessuri tal-inġenji tal-ajru ċivili jew lir-rappreżentanti tagħhom bi ħlas ta’ tariffa stabbilita mill-Kunsill tal-Ministri (Ministerski savet). Iċ-ċertifikati li jivverifikaw l-identità tas-sidien, il-pussessuri jew id-detenturi ta’ inġenji tal-ajru ċivili jinħarġu biss lil awtoritajiet pubbliċi jew ġudizzjarji, qorti jew uffiċjali ġudizzjarji pubbliċi li jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom mil-liġi jew lis-sidien ta’ inġenji tal-ajru ċivili jew lill-aġenti tagħhom.

Ir-Reġistru tal-Bastimenti tar-Repubblika tal-Bulgarija:

Ir-reġistri għall-kategoriji differenti ta’ bastimenti suġġetti għar-reġistrazzjoni jikkostitwixxu reġistru wieħed ta’ bastimenti li jbaħħru taħt il-bandiera Bulgara. Dawn jinżammu mill-unitajiet reġjonali tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Amministrazzjoni Marittima (Izpalnitelna agentsiya “Morska administratsiya”) taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ministru għat-Trasport u l-Komunikazzjonijiet. Jinżammu reġistri fir-rigward ta’:

  1. bastimenti tax-xmajjar żgħar b’tul ta’ mhux aktar minn 20 metru; u bastimenti li jbaħħru sa daqs ta’ 40 tunnellata gross inklużi;
  2. bastimenti tax-xmajjar kbar b’tul ta’ aktar minn 20 metru; u bastimenti li jbaħħru ta’ daqs ta’ aktar minn 40 tunnellata gross;
  3. bastimenti noleġġati mingħajr ekwipaġġ;
  4. bastimenti li qed jinbnew b’tul ta’ aktar minn 12-il metru.

Ir-Reġistru tal-Bastimenti tar-Repubblika tal-Bulgarija jippermetti l-eżerċitar ta’ ġuriżdizzjoni u kontroll fuq l-identifikazzjoni, is-sjieda, il-proprjetà u l-aggravji finanzjarji, ir-restrizzjonijiet fuq id-dritt tad-disponiment u r-responsabbiltajiet tas-sidien tal-bastimenti u tan-noleġġaturi ta’ bastimenti mingħajr ekwipaġġ li jtajru l-bandiera Bulgara.

Ir-reġistri jinżammu f’forma stampata u f’forma elettronika.

Għalkemm ir-reġistri huma pubbliċi fil-prinċipju, l-aċċess għall-informazzjoni mdaħħla fihom huwa effettivament limitat u rregolat. L-aċċess pubbliku għar-reġistri ġie limitat bil-ħsieb li tiġi żgurata protezzjoni xierqa tas-sjieda. Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu siltiet iċċertifikati mir-reġistru bi ħlas. Id-Direttorati kompetenti joħorġu siltiet mir-reġistru lil persuni b’interess leġittimu li jiksbu informazzjoni dwar il-bastimenti. Tista’ tiġi pprovduta wkoll informazzjoni statistika ġenerali dwar in-numru u t-tipi ta’ bastimenti eċċ.

Ingħata aċċess għall-bażi tad-data lill-Kummissjoni għall-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni u għall-Konfiska ta’ Proprjetà Miksuba Illegalment (Komisiya za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo), lill-Awtorità Nazzjonali tat-Taxxa, lill-Aġenzija Statali għas-Sigurtà Nazzjonali (Darzhavna agentsiya “Natsionalna sigurnost” u l-Pulizija tal-Fruntiera) (Granichna politsiya) skont ftehimiet bilaterali konklużi bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Amministrazzjoni Marittima. Ingħatat il-possibbiltà li jingħata aċċess lil istituzzjonijiet oħrajn kif ukoll lill-uffiċjali ġudizzjarji tal-qorti u dawk pubbliċi. L-aċċess jingħata b’password unika. L-aċċess jiġi pprovdut minn indirizz IP estern u permezz ta’ firewall. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, teżisti funzjonalità biex kull login jiġi traċċat fis-sistema. L-utenti esterni jistgħu jwettqu tiftix fil-bażi tad-data billi jużaw in-numru tal-ID uniku ta’ sid il-bastiment (jekk sid il-bastiment ikun ċittadin Bulgaru) jew in-numru uniku tal-barranin (meta s-sid ikun ċittadin barrani) u jiksbu data redatta mir-reġistru. Fil-prattika, id-data kkonċernata, jiġifieri jekk l-individwu għandux bastiment, it-tip ta’ bastiment u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-port, hija d-data rilevanti għall-funzjonijiet tal-istituzzjonijiet li għalihom ingħata aċċess għar-reġistru.

Iċ-ċirkostanzi suġġetti għad-dħul fir-reġistru jsiru effettivi fir-rigward ta’ partijiet terzi biss wara d-dħul tagħhom.

5. Informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data għall-kredituri biex jidentifikaw l-assi jew il-pretensjonijiet tad-debituri

Ħafna mill-informazzjoni fir-reġistri nazzjonali elenkati hawn fuq hija kompletament jew inkella parzjalment pubblika. F’ċerti każijiet, tista’ tapplika tariffa għal ċertu tiftix.

L-awtoritajiet tal-gvern u dawk ġudizzjarji, u l-uffiċjali ġudizzjarji tal-qorti u dawk pubbliċi għandhom aċċess sħiħ għad-data mdaħħla fid-diversi reġistri.

6. Informazzjoni dwar is-subbasti online

Proprjetà mobbli u immobbli, titoli f’forma stampata, partijiet distinti ta’ impriżi, kif ukoll drittijiet ta’ proprjetà industrijali suġġetti għal eżekuzzjoni, jistgħu jinbiegħu skont ir-regoli ta’ subbasta elettronika. Fuq talba bil-miktub ta’ parti fil-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, l-uffiċjal ġudizzjarju jagħmel subbasta elettronika.

Is-subbasta elettronika ssir permezz tal-pjattaforma online tal-Ministeru għall-Ġustizzja (Ministerstvo na pravosadieto) apposta għal dan il-għan.

Sabiex jipparteċipa fis-subbasta, kull offerent iħallas depożitu ekwivalenti għal 10 % tal-offerta inizjali. L-offerenti jiġu rreġistrati fl-ambjent elettroniku b’firma elettronika, jew fl-uffiċċju tal-uffiċjal ġudizzjarju. Ir-reġistrazzjoni tal-offerenti għas-subbasta elettronika ddum xahar u tintemm fil-5:00 p.m. fil-jum speċifikat fl-avviż.

Is-subbasta elettronika tkun miftuħa għall-offerti għal 7 ijiem. Is-subbasta tintemm fil-5:00 p.m. fl-aħħar jum ta’ dan il-perjodu, jekk ma ssir l-ebda offerta ġdida fl-aħħar 10 minuti tas-subbasta. Meta offerta ġdida titqiegħed fl-aħħar 10 minuti tas-subbasta, is-subbasta tiġi estiża awtomatikament b’10 minuti oħra, iżda għal mhux aktar minn 48 siegħa. Is-subbasta tintemm meta ma tkun saret l-ebda offerta fl-aħħar 10 minuti.

L-offerti jsiru f’żidiet singoli. L-aħħar offerta magħmula minn offerent tiġi ppubblikata fuq il-pjattaforma online għas-subbasti elettroniċi.

Wara li s-subbasta elettronika tintemm, il-pjattaforma awtomatikament tibgħat messaġġ lill-offerenti awtorizzati kollha dwar l-aħħar offerta magħmula fir-rigward tal-proprjetà.

Fl-ewwel jum tax-xogħol wara li jkunu ntemmu l-offerti, l-uffiċjal ġudizzjarju jivverifika ċ-ċirkostanzi kollha relatati mas-subbasta u jikteb rapport li jiddeskrivi l-applikazzjonijiet kollha għall-parteċipazzjoni riċevuti, inklużi l-offerenti awtorizzati u mhux awtorizzati, flimkien mar-raġuni, l-offerti riċevuti u deskrizzjoni ta’ kwalunkwe problema teknika li tkun inqalgħet matul l-offerti, u jiddikjara l-ogħla offerent bħala x-xerrej. Is-subbasta elettronika titqies li ntemmet ladarba l-uffiċjal ġudizzjarju jiffirma r-rapport. Ir-rapport jiġi ppubblikat fuq il-pjattaforma unika online immedjatament biex jiġi żgurat li l-offerenti kollha jkollhom aċċess għalih.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja jistabbilixxi u jżomm pjattaforma online unika għas-subbasti elettroniċi li tinkludi reġistru ta’ subbasti u sistema għat-tmexxija tas-subbasti, u joħroġ regolament dwar l-organizzazzjoni, ir-regoli u l-operat tal-pjattaforma online għas-subbasti elettroniċi.

Il-pjattaforma online għas-subbasti elettroniċi u l-punt uniku ta’ dħul għall-qbid se joperaw abbażi ta’ sistema ta’ informazzjoni komuni. Dan l-approċċ jiżgura fluss awtomatizzat ta’ data mill-punt uniku ta’ dħul għall-qbid għall-modulu tal-bejgħ u viċi versa.

Is-sistema ta’ informazzjoni li taġixxi bħala punt ta’ dħul uniku għall-qbid hija bażi tad-data ċentralizzata tal-qbid kollu impost fuq proprjetà mobbli li jkun suġġett għar-reġistrazzjoni bil-liġi.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Ministeru għall-Intern, il-Ministeru għat-Trasport u l-Komunikazzjonijiet u l-Ministeru għall-Agrikoltura (Ministerstvo na zemedelieto) jiskambjaw data b’mod elettroniku dwar proprjetà mobbli suġġetta għar-reġistrazzjoni fir-reġistri miżmuma minn kull istituzzjoni, bl-użu tas-sistema ta’ informazzjoni li taġixxi bħala punt ta’ dħul uniku għall-qbid.

Is-sistema ta’ informazzjoni li taġixxi bħala punt ta’ dħul uniku għal-qbid fil-Bulgarija se tiżgura li d-data dwar proprjetà mobbli suġġetta għal rekwiżit ta’ reġistrazzjoni, li fuqha jkun ġie impost qbid fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, tinżamm f’bażi tad-data ċentrali unika. L-aċċess għas-sistema huwa disponibbli għall-korpi u għall-persuni kompetenti kollha fil-Bulgarija u barra minnha.

Abbażi tad-data li tinsab fis-sistema ta’ informazzjoni li taġixxi bħala punt ta’ dħul uniku għall-qbid, il-Ministeru għall-Ġustizzja jibgħat notifiki ta’ qbid impost permezz ta’ servizz amministrattiv elettroniku. Is-sistema tippermetti wkoll li jsiru mistoqsijiet dwar il-qbid impost fuq kwalunkwe persuna, suġġett għar-rekwiżiti stipulati fl-Att dwar il-Gvern Elettroniku (Zakon za elektronnoto upravlenie). Is-servizzi jintalbu permezz tal-portal elettroniku tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja jiġbor tariffi għas-servizzi tiegħu f’ammonti ddeterminati minn tariffa adottata mill-Kunsill tal-Ministri.

Il-korpi tal-gvern ċentrali u lokali, l-amministrazzjonijiet lokali u l-uffiċjali li jwettqu funzjonijiet pubbliċi għandhom aċċess uffiċjali għas-sistema tal-informazzjoni mingħajr ħlas.

Nota:

Is-sistema ta’ informazzjoni, inkluża s-sistema ta’ informazzjoni li taġixxi bħala punt ta’ dħul uniku għall-qbid fir-Repubblika tal-Bulgarija u l-pjattaforma online għas-subbasti elettroniċi, ilha topera mill-20 ta’ Lulju 2023.

L-aħħar aġġornament: 27/09/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.