Bejgħ fl-irkant bil-qorti

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

1. Ir-reklamar u d-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-bejgħ ta’ assi maqbuda

Il-prezz ta’ assi maqbuda jiġi ddeterminat abbażi tal-prezzijiet kurrenti fis-suq ta’ Ċipru. Fil-każ ta’ proprjetà immobbli maqbuda, wara li jirriċerka l-valur tagħha, l-irkantatur jiddetermina prezz tal-bejgħ ta’ riżerva. Jekk il-prezz ta’ riżerva ma jintlaħaqx, il-proprjetà ma tinbiegħx.

Fir-rigward tal-assi mobbli, wara li l-marixxalli tal-qorti jkunu qabdu tali assi permezz ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ qbid tal-proprjetà immobbli favur il-kreditur, huma jiddeterminaw il-prezz minimu abbażi tal-prezzijiet tas-suq kurrenti u mbagħad jgħaddu għall-bejgħ tal-assi mobbli. Jekk il-prezz minimu ma jintlaħaqx, il-marixxalli tal-qorti jistgħu jirrepetu s-subbasta.

L-avviżi tas-subbasti jiġu ppubblikati fil-gazzetti ta’ kuljum. Jekk is-subbasta tkun tirrigwarda l-proprjetà immobbli, l-avviżi jitqiegħdu fil-muniċipalità jew fil-parroċċa li fihom tkun tinsab il-proprjetà kif ukoll fuq is-sit web tal-Ministeru għall-Intern.

2. Partijiet terzi li jistgħu jwettqu l-bejgħ

Il-bejgħ ta’ assi permezz ta’ subbasta jista’ jitwettaq minn irkantaturi privati kwalifikati. L-irkantatur ikun il-persuna xierqa appuntata mid-Dipartiment tal-Artijiet u tal-Kejl tal-Artijiet tal-Ministeru għall-Intern tar-Repubblika ta’ Ċipru u bi kwalifiki biex twettaq bejgħ sfurzat ta’ proprjetà permezz ta’ subbasta pubblika.

Fir-rigward tal-assi mobbli, kwalunkwe bejgħ ta’ proprjetà mobbli biex tkun eżegwita sentenza jseħħ permezz ta’ subbasta pubblika mwettqa mill-marixxalli tal-qorti li huma impjegati tas-Servizz tal-Qorti tal-Istat u li jkunu ngħataw is-setgħat li jbigħu beni mobbli maqbuda f’rabta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ qbid ta’ proprjetà mobbli favur il-kredituri.

3. Tipi ta’ subbasti li r-regoli jaf ma jkunux japplikaw għalkollox għalihom

Hemm każijiet li fihom subbasta ta’ assi mobbli titwettaq mill-kredituri nfushom, kemm jekk kumpaniji, pereż. banek, u kemm jekk persuni fiżiċi, jekk wara eżekuzzjoni ta’ ordni tal-qorti, ikunu huma fil-pussess tal-proprjetà mobbli tad-debitur. Dawn il-każijiet mhumiex soġġetti għall-istess regoli bħal dawk li japplikaw għas-subbasti pubbliċi, kif stipulat fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

4. Informazzjoni dwar ir-reġistri nazzjonali tal-assi

Ir-reġistri tal-assi segwenti jinżammu f’Ċipru:

  1. Id-Dipartiment tal-Artijiet u tal-Kejl tal-Artijiet ta’ Ċipru jżomm reġistru li fih ikun hemm irreġistrati l-kuntratti kollha ta’ trasferiment tal-proprjetà għall-proprjetà immobbli taċ-ċittadini.
  2. Id-Dipartiment tat-Trasport Stradali jżomm reġistru tal-vetturi kollha rreġistrati fir-Repubblika ta’ Ċipru.
  3. Id-Dipartiment tal-Marina Merkantili ta’ Ċipru jżomm ir-reġistru tal-vapuri ta’ Ċipru, li fih huma rreġistrati l-vapuri u/jew il-bastimenti kollha.
  4. It-Taqsima tal-Kumpaniji tad-Dipartiment tar-Reġistratur tal-Kumpaniji u r-Riċevitur Uffiċjali żżomm reġistru tal-kumpaniji, kooperattivi u ismijiet kummerċjali rreġistrati f’Ċipru.
  5. Id-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili jżomm ir-Reġistri tal-Inġenji tal-Ajru ta’ Ċipru u huwa inkarigat mir-reġistrazzjonijiet u mit-trasferimenti tal-inġenji tal-ajru u mit-tneħħija tagħhom mir-reġistru.
  6. Fit-Taqsima tal-Kumpaniji, it-Taqsima tal-Proprjetà Intellettwali u Industrijali żżomm reġistru ta’ trademarks.

5. Informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data li jista’ juża l-kreditur biex jillokalizza l-assi materjali jew l-ammonti riċevibbli tad-debitur

L-aċċess għar-reġistru tal-persuni falluti jew kumpaniji likwidati huwa wieħed faċli fis-sit web tar-Reġistratur tal-Kumpaniji u r-Riċevitur Uffiċjali ta’ Ċipru, u dan jippermetti lil kreditur jikseb informazzjoni dwar il-kapaċità finanzjarja ta’ debitur. Madankollu, ma hemm l-ebda bażi tad-data elettronika li kreditur jista’ jkollu aċċess għaliha biex jikseb l-informazzjoni b’mod dirett dwar l-assi ta’ debitur. Il-kreditur eżekutanti jista’, hu jew hi stess, jew inkella permezz ta’ avukat, ifittex fir-reġistru tal-artijiet billi juża kopja awtentika ċċertifikata tas-sentenza tiegħu/tagħha jew iċ-ċitazzjoni biex jikseb informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli rreġistrata f’isem id-debitur.

6. Informazzjoni dwar is-subbasti ġudizzjarji online

F’Ċipru ma ssir l-ebda subbasta ġudizzjarja online.

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.