Bejgħ fl-irkant bil-qorti

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

1. Il-pubblikazzjoni u d-determinazzjoni tal-prezzijiet għall-bejgħ ta’ beni maqbuda

Il-qbid iseħħ meta l-marixxall tal-qorti jneħħi proprjetà mobbli (l-Artikolu 954 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) jew jaqbad proprjetà immobbli li tkun il-proprjetà tad-debitur jew dritt in rem tad-debitur fil-konfront ta’ proprjetà immobbli (l-Artikolu 992 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) u jitħejja rapport fil-preżenza ta’ persuna adulta bħala xhud. Għal dak il-għan, il-marixxall tal-qorti jew espert imqabbad mill-marixxall tal-qorti jistma l-valur tal-proprjetà maqbuda, għad-diskrezzjoni tiegħu jew tagħha. Fil-każ ta’ proprjetà immobbli, espert indipendenti jrid jiddetermina l-valur fis-suq tagħha.

Ir-rapport tal-qbid irid jinkludi:

  1. deskrizzjoni preċiża tal-proprjetà mobbli maqbuda sabiex ma jkunx hemm dubji dwar l-identità tagħha;
  2. referenza għall-valutazzjoni tal-proprjetà immobbli mill-marixxall tal-qorti jew mill-espert;
  3. prezz inizjali tal-offerta, li għall-proprjetà immobbli trid tkun ugwali għall-valur tas-suq tal-proprjetà maqbuda;
  4. referenza għat-titolu eżekuttiv li l-eżekuzzjoni tkun ibbażata, fuqu għall-mandat innotifikat lid-debitur u għall-ammont li l-proprjetà inqabdet għalih;
  5. referenza għad-data tas-subbasta, li trid tkun seba’ (7) xhur mid-data ta’ meta tlesta l-qbid iżda mhux aktar tard minn tmien (8) xhur minn dik id-data, għall-post tas-subbasta u għal isem l-irkantatur.

Estratt mir-rapport tal-qbid, inkluż l-ismijiet sħaħ tal-parti li qed titlob għal eżekuzzjoni u l-parti li qed tintalab eżekuzzjoni kontriha, deskrizzjoni qasira tal-beni maqbuda, il-prezz inizjali tal-offerta, l-isem u l-indirizz preċiż tal-irkantatur, kif ukoll il-post, id-data u l-ħin tas-subbasta, iridu jiġu ppubblikati fi żmien ħmistax-il jum mill-qbid fuq is-sit web tal-pubblikazzjoni tas-subbasta tal-Bullettin għall-Pubblikazzjonijiet Ġudizzjarji tas-Settur tal-Assigurazzjoni tal-Avukati tal-Fond Nazzjonali għall-Persuni li Jaħdmu għal Rashom.

Is-subbasta ma tistax isseħħ sakemm il-formalitajiet deskritti hawn fuq ma jkunux ġew osservati, inkella din ma tkunx valida.

2. Terzi intitolati li jwettqu bejgħ

Proprjetà mobbli maqbuda tiġi rkantata pubblikament fuq pjattaforma elettronika fil-preżenza ta’ nutar tad-distrett tal-post fejn ikun sar il-qbid, maħtur għas-subbasta (l-Artikolu 959 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili). Proprjetà immobbli maqbuda tiġi rkantata wkoll fuq pjattaforma elettronika fil-preżenza ta’ nutar tad-distrett ta’ fejn tinsab il-proprjetà immobbli, maħtur għas-subbasta (l-Artikolu 998 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Is-subbasta ssir billi jiġu sottomessi offerti elettroniċi, ladarba l-offerenti jkunu pprovdew garanzija tal-offerta u jkunu ġew iċċertifikati fis-sistemi elettroniċi f’konformità mal-Artikolu 959 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Is-subbasta ssir fil-ġranet tax-xogħol u speċifikament nhar ta’ Erbgħa, nhar ta’ Ħamis u nhar ta’ Ġimgħa, fil-qorti ċivili distrettwali tad-distrett li ta’ fejn ikun sar il-qbid.

3. Tipi ta’ subbasti li r-regoli għalihom jistgħu ma jkunux kompletament applikabbli

Qbid ta' beni speċjali (l-Artikoli minn 1022 sa 1033 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili):

Huwa possibbli wkoll il-qbid fil-konfront ta’ drittijiet tal-proprjetà tal-parti li tkun qed tintalab eżekuzzjoni kontriha li ma jistgħux jiġu maqbuda skont il-proċedura stipulata fl-Artikoli 953(1) u (2), 982 u 992 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, b’mod partikolari drittijiet tal-proprjetà intellettwali, drittijiet tal-privattivi, royalties fuq films u pretensjonijiet fil-konfront ta’ terzi li jiddependu fuq eżekuzzjoni korrispettiva, dment li d-dispożizzjonijiet tal-liġi sostantiva jippermettu t-trasferiment ta’ dawk id-drittijiet (l-Artikolu 1022 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).

Jekk ikun intalab il-bejgħ b’subbasta tad-dritt maqbud, il-qorti ċivili distrettwali taħtar lill-irkantatur (l-Artikolu 1026 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) u japplikaw ir-regoli li jirregolaw is-subbasti ta’ proprjetà mobbli.

4. Informazzjoni rigward reġistri nazzjonali tal-beni

Ma hemm l-ebda reġistru nazzjonali tal-beni.

5. Informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data li tagħti lok lill-kredituri biex jidentifikaw il-beni jew il-pretensjonijiet tanġibbli tad-debituri.

Ma hemm l-ebda bażi tad-data li tista’ tintuża biex jiġu identifikati l-beni jew il-pretensjonijiet tanġibbli tad-debituri. Hemm biss sistema ċentrali miżmuma mill-Awtorità Indipendenti għad-Dħul Pubbliku (Anexártiti Archí Dimosíon Esódon - AADE). Din is-sistema tista’ tiġi aċċessata biss minn ċerti awtoritajiet (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-Eżattorija, l-Awtorità Kontra l-Ħasil tal-Flus, eċċ.) u turi kontijiet bankarji miżmuma mal-banek Griegi.

6. Informazzjoni dwar is-subbasti ġudizzjarji online

Sa mill-bidu tal-2018 is-subbasti kollha jsiru b’mod elettroniku fuq il-pjattaforma eauction.gr.

L-aħħar aġġornament: 14/06/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.