- 1. Reklamar u pprezzar tal-bejgħ ta' beni maqbuda
- 2. Partijiet terzi li jistgħu jmexxu l-operazzjoni tal-bejgħ
- 3. Tipi ta' rkant li r-regoli jaf ma japplikawx kompletament għalihom
- 4. Informazzjoni dwar ir-Reġistru nazzjonali tal-beni
- 5. Informazzjoni dwar bażijiet ta' dejta għall-kredituri biex jidentifikaw il-beni u l-pretensjonijiet tad-debitur
- 6. Informazzjoni dwar bejgħ bil-qorti onlajn
1. Reklamar u pprezzar tal-bejgħ ta' beni maqbuda
Dwar il-proċedura ta' infurzar ta' beni maqbuda, din il-proċedura mhux neċessarjament twassal għall-bejgħ tal-beni maqbuda. Minflok, jista' jintlaħaq ftehim bejn il-kreditur u d-debitur. Jekk ikun hemm diversi kredituri, huwa meħtieġ li jsir ftehim mall-kredituri kollha sabiex jiġi evitat il-bejgħ. Jekk ma jkunx hemm ftehim, il-qorti tordna li jsir il-bejgħ.
Il-valur bażiku tal-beni maqbuda jiġi determinat minn espert li jagħmel stima tal-valur (f'każ ta' beni immobbli). F'każ ta' beni mobbli, il-valur jiġi determinat minn min jagħmel l-ogħla offerta waqt il-bejgħ peress li l-offerti jibdew minn 0. F'każ li tintalab valutazzjoni ta' beni mobbli, l-offerti ma jibdewx minn 0 iżda minn 60% tal-prezz stmat.
Dwar reklamar ta' beni maqbuda, dan isir permezz tal-websajt tal-gvern li tipprovdi dwar servizzi tal-qorti, websajt tal-irkantatur li jmexxi l-bejgħ, gazzetti ta' kuljum (normalment l-avviż tal-bejgħ jiġi ppublikat darba fix-xahar f'żewġ gazzetti ta' kuljum) u avviżi fil-bini tal-qorti fejn isir il-bejgħ.
Il-karatteristiċi tal-oġġett maqbud li jkun offrut għall-bejgħ kif ukoll id-dokumenti relevanti għalih ikunu disponibbli fil-websajt tal-gvern li tipprovdi dwar servizzi tal-qorti u fil-websajt tal-irkantatur li jmexxi l-bejgħ. Kull min ikun interessat jista' jitlob li jkollu aċċess għal din l-informazzjoni.
F'każ li jkun hemm xi ħadd interessat li jara l-beni maqbud li jkun offrut għall-bejgħ, jista' jagħmel rikors lill-qorti li permezz tiegħu jitlob li jara l-beni jekk dan ikun immobbli. Qabel kull bejgħ ta' immobbli, espert tal-qorti jipprepara rapport dwar l-istat tal-beni immobbli u dan ir-rapport huwa pubbliku. F'każ ta' beni mobbli, min ikun interessat ikun jista' jarahom sagħtejn qabel ma jibda l-bejgħ.
Dakinhar tal-bejgħ, l-offerti jsiru viva voce lill-irkantatur nominat mill-qorti li jmexxi l-bejgħ tal-beni.
Il-persuna li takkwista l-beni wara l-irkant ma tagħmilx depożitu ta' parti mill-prezz iżda trid tħallas il-prezz sħiħ. Dwar beni immobbli, l-ammont sħiħ irid jiġi depożitat fil-qorti fi żmien sebat ijiem mid-data tal-bejgħ filwaqt li f'każ ta' mobbli, il-prezz sħiħ għandi jiġi depożitat fi żmien 24 siegħa mill-bejgħ. Il-pagament ma jistax isir b'mod elettroniku iżda jsir fir-reġistru tal-qorti.
2. Partijiet terzi li jistgħu jmexxu l-operazzjoni tal-bejgħ
Il-bejgħ isir taħt l-awtorita' tal-qorti minn irkantatur nominat mill-qorti u m'hemmx terzi persuni li jistgħu jmexxu l-operazzjoni tal-bejgħ.
3. Tipi ta' rkant li r-regoli jaf ma japplikawx kompletament għalihom
M'hemmx tipi ta' rkant li dawn ir-regoli ma japplikawx kompletament għalihom.
4. Informazzjoni dwar ir-Reġistru nazzjonali tal-beni
Jeżistu dawn ir-Reġistri Nazzjonali tal-beni:
Beni immobbli - Ir-Reġistru Pubbliku u r-Reġistru tal-Artijiet
Beni mobbli - rigward vetturi, bċejjeċ tal-baħar u tal-ajru - Transport Malta
Stocks u ishma tal-kumpaniji - l-Awtorita' għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta u l-Borża ta' Malta
Strumenti finanzjarji oħrajn - Il-Borża ta' Malta
Trademark u privattivi - Dipartiment tal-Kummerċ
Dawn ir-Reġistri jinżammu elettronikament mill-uffiċċji pubbliċi konċernati. Uħud minn dawn ir-reġistri huma aċċessibbli elettronikament mill-pubbliku. Dwar ir-Reġistru Pubbliku u l-Awtorita' għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta, l-aċċess mill-pubbliku bi ħlas huwa possibbli. Ir-Reġistri ta' Transport Malta m'humiex aċċessibbli mill-pubbliku. Dwar l-Awtorita' għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta il-ħlas għal dan l-aċċess jista' jisir online. Dwar ir-Reġistru Pubbliku, il-ħlas għandu jsir fl-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku.
5. Informazzjoni dwar bażijiet ta' dejta għall-kredituri biex jidentifikaw il-beni u l-pretensjonijiet tad-debitur
Il-kreditur għandu aċċess għal bażijiet ta' dejta relatati ma' beni immobbli u kumpaniji. Dwar kumpaniji l-Awtorita' għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta tipprovdi aċċess online dirett. Dwar beni immobbli, il-kreditur għandu aċċess għall-informazzjoni permezz tar-Reġistru Pubbliku u r-Reġistru tal-Artijiet. M'hemmx bżonn ta' awtorizzazzjoni oħra, kemm għall-aċċess dirett għall-bażijiet ta' dejta tal-Awtorita' għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta kif ukoll għall-aċċess permezz tar-Reġistru Pubbliku u r-Reġistru tal-Artijiet.
6. Informazzjoni dwar bejgħ bil-qorti onlajn
Ma teżistix il-faċilita' li wieħed jagħmel offerti online għall-bejgħ bl-irkant.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.