Bejgħ fl-irkant bil-qorti

Portugall

Il-kontenut ipprovdut minn
Portugall

1. Ir-reklamar tal-bejgħ u l-ipprezzar tal-beni maqbuda

Is-sitwazzjoni attwali hija li l-assi għandhom preferibbilment jinbiegħu permezz ta’ https://www.e-leiloes.pt/, kif previst mill-Artikolu 837 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż (CPC) u l-Artikoli 20 et seq. tal-ordni ta’ implimentazzjoni ministerjali (Portaria) Nru 282/2013 tad-29 ta’ Awwissu 2013.

Ir-regoli li jirregolaw l-operat tal-pjattaforma https://www.e-leiloes.pt/ ġew adottati permezz tal-Ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja Nru 12624/2015, ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Portugiża (Diário da República), it-tieni serje, Nru 219, tad-9 ta’ Novembru 2015.

Avviż: Minħabba l-ħafna attakki ċibernetiċi riċenti fuq diversi istituzzjonijiet nazzjonali, il-persuni li jikkonsultaw is-sit e-leilões minn barra l-Portugall għandhom aċċess ristrett.

Dawn il-persuni huma meħtieġa jipprovdu l-IP (il-protokoll tal-internet) tagħhom lil suporte@solicitador.net. Mod kif issib l-IP tiegħek huwa permezz tal-link li ġejja: https://www.whatismyip.com/.

Ir-reklami tal-bejgħ huma regolati mill-Artikolu 6 tal-Ordni 12624/2015:

l-Artikolu 6

Reklamar ta’ subbasti

  1. Is-subbasti jiġu rreklamati fuq https://www.e-leiloes.pt/. Barra minn hekk, b’deċiżjoni tal-Kamra tal-Konsulenti Legali (Câmara dos Solicitadores), tista’ titqassam informazzjoni kompluta jew parzjali permezz ta’ siti web oħra, b’mod stampat u bil-posta elettronika. Dan ma jaffettwax id-dritt tal-aġent ta’ eżekuzzjoni legalment responsabbli mill-proċedura li jirreklama s-subbasta bi kwalunkwe mezz ieħor li jista’ jqis xieraq.
  2. L-informazzjoni ppubblikata fuq www.e-leiloes.pt trid tinkludi, bħala minimu:
    1. in-numru ta’ referenza tal-proċedimenti legali, il-qorti u l-unità organizzazzjonali kkonċernata;
    2. id-data meta tibda s-subbasta;
    3. id-data u l-ħin sa meta trid tingħalaq is-subbasta;
    4. il-prezz bażiku tal-assi (jew tal-kollezzjoni ta’ assi) li għandhom jinbiegħu;
    5. il-valur tal-aħħar offerta;
    6. jekk l-oġġett għall-bejgħ ikun assi mobbli, ritratt tal-oġġett jew tal-kollezzjoni ta’ oġġetti li tifforma l-lott li għandu jinbiegħ b’subbasta;
    7. deskrizzjoni qasira tal-oġġett;
    8. in-natura tal-oġġett;
    9. jekk l-oġġett ikun assi immobbli, il-post u l-għamla tiegħu, in-numru tar-reġistru tal-proprjetà u l-entrata fir-reġistru tal-artijiet, id-distrett, il-muniċipalità, il-parroċċa u l-pożizzjoni ġeografika approssimattiva, ritratt tal-assi immobbli minn barra u, meta jkun possibbli, minn ġewwa, jekk ikun binja urbana jew blokka bini;
    10. l-identifikazzjoni tal-kustodju jew il-post tal-ħażna;
    11. il-post u l-ħin biex wieħed jara l-assi, u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kustodju;
    12. id-dettalji tal-aġent tal-eżekuzzjoni legalment responsabbli mill-proċedura, inklużi isem l-aġent, in-numru ta’ reġistrazzjoni professjonali, in-numru tal-linja fissa u tal-mobile, in-numru tal-faks u l-indirizz tal-email u l-ħinijiet li fihom jista’ jiġi kkuntattjat;
    13. kwalunkwe kwistjoni li kwalunkwe parti interessata trid legalment tiġi infurmata dwarha, b’mod partikolari jekk ikunx hemm pendenti xi kontestazzjoni kontra l-eżekuzzjoni jew il-qbid, jekk ikunx hemm appell pendenti, u jekk hemmx xi irhna li ma jridux jiskadu mal-bejgħ jew kwalunkwe detentur ta’ drittijiet preferenzjali li jkun ippreżenta lilu nnifsu matul il-proċedimenti;
    14. isem id-debitur jew id-debituri ta’ min huma l-assi li għandhom jinbiegħu.

Il-prezzijiet/valuri tal-assi maqbuda

Valur bażiku: dan huwa l-valur tal-assi jew tas-sett ta’ assi li jiffurmaw lott, kif stabbilit matul il-proċedimenti li magħhom huwa assoċjat il-bejgħ: b’mod speċifiku, l-eżekuzzjoni rregolata mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (CPC) jew, fil-każ ta’ proċedura ta’ insolvenza, mill-Kodiċi dwar l-Insolvenza u l-Irkupru tan-Negozju (Código da Insolvência e da Recuperação de Empresas).

Il-valur minimu: il-“valur minimu” huwa l-valur li minnu jistgħu jibdew jinbiegħu l-prodotti, li jikkorrispondi, kif stabbilit fl-Artikolu 816 tas-CPC, għal 85 % tal-valur bażi. F’xi każijiet, il-valur minimu jista’ jkun ugwali għall-valur bażiku.

2. Partijiet terzi li jistgħu jwettqu l-operazzjoni tal-bejgħ

Ir-regoli li jirregolaw l-operat https://www.e-leiloes.pt/ ġew adottati permezz tal-Ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja Nru 12624/2015, ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Portugiża (Diário da República), it-tieni serje, Nru 219, tad-9 ta’ Novembru 2015, li tgħid li l-pjattaforma kienet se tiġi żviluppata u mħaddma mill-Kamra tal-Konsulenti Legali (Câmara dos Solicitadores), li issa saret l-Ordni tal-Konsulenti Legali u tal-Aġenti tal-Eżekuzzjoni (Ordem dos Solicitadores e Agentes de Execução).

Fi proċedimenti ta’ eżekuzzjoni ċivili mwettqa minn aġenti tal-eżekuzzjoni, il-proċedura ta’ bejgħ hija prerogattiva esklużiva tal-aġenti tal-eżekuzzjoni.

Avviż: Minħabba l-ħafna attakki ċibernetiċi riċenti fuq diversi istituzzjonijiet nazzjonali, il-persuni li jikkonsultaw is-sit  e-leilões minn barra l-Portugall għandhom aċċess ristrett.

Dawn il-persuni huma meħtieġa jipprovdu l-IP (il-protokoll tal-internet) tagħhom lil suporte@solicitador.net. Mod kif issib l-IP tiegħek huwa permezz tal-link li ġejja: https://www.whatismyip.com/.

3. Tipi ta’ subbasta li r-regoli jaf ma jkunux japplikaw għalkollox għalihom

L-assi li jridu jinbiegħu fi swieq regolati jew jinbiegħu direttament huma eżempju wieħed.

L-Artikolu 837 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (CPC) Portugiż - Bejgħ permezz ta’ subbasta online

  1. Għajr għall-każijiet li jissemmew fl-Artikoli 830 u 831, il-bejgħ ta’ assi immobbli maqbuda għandu jseħħ preferibbilment permezz ta’ subbasta online, skont dispożizzjonijiet li jridu jiġu definiti permezz ta’ ordni ta’ implimentazzjoni ministerjali maħruġa minn membru tal-Gvern inkarigat mill-ġustizzja.

L-Artikolu 830 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż - Assi mibjugħa fi swieq regolati

Strumenti finanzjarji u komoditajiet innegozjati jinbiegħu fi swieq regolati.

L-Artikolu 831 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Portugiż - Bejgħ dirett

F’każijiet fejn ikun rekwiżit legali li l-assi jiġu ċeduti lil korp partikolari, jew fil-każ ta’ kuntratt promettenti ta’ bejgħ b’effetti erga omnes ma’ parti li tkun tixtieq teżerċita d-dritt ta’ eżekuzzjoni obbligatorja, il-bejgħ isir direttament.

Għalkemm is-subbasti online huma l-mezz primarju ta’ bejgħ eżegwit fil-Portugall, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi wkoll tipi alternattivi ta’ bejgħ:

  1. bejgħ permezz ta’ offerti ssiġillati;
  2. bejgħ fi swieq regolati;
  3. bejgħ dirett lil persuni jew korpi li huma intitolati li jixtru l-assi;
  4. bejgħ permezz ta’ negozjar privat;
  5. bejgħ minn stabbiliment tal-irkant;
  6. bejgħ minn maħżen tal-gvern jew simili;
  7. bejgħ permezz ta’ subbasta online.

4. Informazzjoni mir-reġistri nazzjonali tal-assi

Fost l-entitajiet regolatorji u ta’ reġistrazzjoni nsibu dawn li ġejjin:

  • l-Istitut tal-Uffiċċji tar-Reġistri u tan-Nutara (Instituto dos Registos e do Notariado, I.P. (IRN)): l-istitut pubbliku bl-inkarigu li jimplimenta u jimmonitorja l-politika dwar is-servizzi ta’ reġistrazzjoni, bl-għan li jipprovdi servizzi lill-pubbliku u lin-negozji fil-qasam tal-identifikazzjoni ċivili u tar-reġistrazzjoni tan-nazzjonalità, tal-artijiet, tan-negozji, tal-assi mobbli u tal-persuni ġuridiċi, minbarra li jiżgura r-regolamentazzjoni, il-kontroll u l-ispezzjoni tal-attivitajiet notarili fir-rigward tal-proprjetà immobbli, tad-dgħajjes, tal-ajruplani, eċċ.;
  • il-Kummissjoni Portuġiża tas-Suq tat-Titoli (Comissão do Mercado de Valores Mobiliários (CMVM)): fdata bl-inkarigu li tiżgura, tissorvelja u tirregola s-swieq fl-istrumenti finanzjarji u lill-aġenti attivi f’dawn is-swieq, biex tgħin fil-protezzjoni tal-investituri fir-rigward ta’ ishma u strumenti finanzjarji, eċċ.;
  • l-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali (Instituto Nacional de Propriedade Industrial (INPI)): li l-attivitajiet ewlenin tiegħu huma ċ-ċessjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kemm fil-Portugall, kif ukoll barra l-Portugall, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li l-Portugall huwa membru tagħhom.

5. Informazzjoni fuq il-bażijiet tad-data li tippermetti lill-kredituri jidentifikaw l-assi jew il-pretensjonijiet tad-debituri

L-ewwel nett, ta’ min jinnota li huwa l-aġent tal-eżekuzzjoni li jikkonsulta l-bażi tad-data, b’mod kunfidenzjali. Il-kreditur m’għandux aċċess dirett.

L-aċċess għall-bażijiet tad-data pubbliċi huwa rregolat mill-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 331-A/2009 tat-30 ta’ Marzu 2009, kif emendata mill-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 350/2013 tat-3 ta’ Diċembru 2013 u mill-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 288/2015 tas-17 ta’ Settembru 2015.

L-aċċess għall-bażijiet tad-data tal-Bank tal-Portugall huwa rregolat mill-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 282/2013 tad-29 ta’ Awwissu 2013.

Il-bażijiet tad-data li l-aġent tal-eżekuzzjoni għandu aċċess dirett għalihom bħalissa jinkludu:

  1. l-Awtorità tat-Taxxa u d-Dwana Portugiża;
  2. il-bażi tad-data tas-Sigurtà Soċjali (Segurança Social);
  3. il-Fond ta’ Pensjoni Ġenerali (Caixa Geral de Aposentações);
  4. ir-Reġistru tal-Artijiet (Registo Predaal);
  5. ir-Reġistru Kummerċjali (Registo Comercial);
  6. ir-Reġistru Nazzjonali tal-Persuni Ġuridiċi (Registo Nacional de Pessoas Coletivas);
  7. ir-Reġistru tal-Vetturi (Registo Automóvel);
  8. il-Bank tal-Portugall;
  9. l-Istitut ta’ Ġestjoni tal-Kreditu Pubbliku (Instituto de Gestão de Crédito Público);
  10. CITIUS (il-pjattaforma tal-IT li tappoġġa l-attivitajiet tal-qrati).

6. Informazzjoni dwar is-subbasti ġudizzjarji online

Ir-regoli li jirregolaw l-operat tal-pjattaforma https://www.e-leiloes.pt/ ġew adottati permezz tal-Ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja Nru 12624/2015, ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Portugiża (Diário da República), it-tieni serje, Nru 219, tad-9 ta’ Novembru 2015.

L-informazzjoni tinsab fis-siti web li ġejjin:

Avviż: Minħabba l-ħafna attakki ċibernetiċi riċenti fuq diversi istituzzjonijiet nazzjonali, il-persuni li jikkonsultaw is-sit web  e-leilões minn barra l-Portugall għandhom aċċess ristrett.

Dawn il-persuni huma meħtieġa jipprovdu l-IP (il-protokoll tal-internet) tagħhom lil suporte@solicitador.net. Mod kif issib l-IP tiegħek huwa permezz tal-link li ġejja: https://www.whatismyip.com/.

L-aħħar aġġornament: 18/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.