Bejgħ fl-irkant bil-qorti

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

1. Ir-reklamar tal-bejgħ ta’ assi kkonfiskati u l-valwazzjoni

Is-subbasti huma rreklamati permezz ta’ avviżi ppubblikati fit-taqsima “Administración de Justicia” (Amministrazzjoni tal-Ġustizzja) tal-portal B.O.E. (Boletín Oficial del Estado, Gazzetta tal-Gvern Uffiċjali) u fuq il-portal tas-subbasti nnifsu.

Il-valwazzjonijiet jitwettqu fi proċedimenti ġuridiċi stabbiliti għal dik il-fini (l-Artikolu 637 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili — Ley de Enjuiciamiento Civil, LEC), permezz tan-nomina ta’ esperti. Xi drabi ma jkunx hemm bżonn ta’ valwazzjoni għaliex il-valur għall-finijiet tas-subbasta jkun diġà ġie stabbilit, pereżempju fi preklużjonijiet tad-dritt ipotekarju. Il-valwazzjoni lanqas ma tkun meħtieġa għal subbasti volontarji li fihom l-assi jistgħu jitqiegħdu għall-bejgħ mingħajr prezz minimu jew mingħajr valur stmat, jew bil-valur propost mill-partijiet.

2. Partijiet terzi li jistgħu jwettqu operazzjonijiet ta’ bejgħ

Skont il-liġi Spanjola, il-bejgħ jista’ wkoll isir minn persuni jew entitajiet speċjalizzati, kemm jekk pubbliċi kif ukoll jekk privati, u meta jkun hemm il-qbil tal-awtorità ġudizzjarja, il-bejgħ jew is-subbasta jridu jikkonformaw mar-regoli tal-entità, dment li ma jkunux inkompatibbli mal-għan tal-eżekuzzjoni jew il-protezzjoni tal-interessi kemm tal-parti li qed twettaq l-eżekuzzjoni kif ukoll tal-persuna li l-eżekuzzjoni tkun qed issir fil-konfront tagħha, skont l-Artikolu 641 LEC.

L-ewwel paragrafu tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq jistipula li l-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati (Colegios de Procuradores) jistgħu jassumu dawn il-karigi, u għal dak l-iskop, huma stabbilew il-portal tas-subbasti elettroniċi tagħhom.

Nistgħu wkoll insibu każijiet ta’ bejgħ dirett minn amministraturi ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fil-fażi ta’ likwidazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

3. Tipi ta’ subbasti li r-regoli jaf ma jkunux japplikaw għalkollox għalihom

Fil-preżent, il-portal tas-subbasti jirreklama s-subbasti kollha, kemm dawk ġudizzjarji kif ukoll dawk ġestiti min-nutara, li jsiru fi Spanja, iżda s-subbasti amministrattivi (pereż. it-Teżor jew is-Sigurtà Soċjali) mhumiex inklużi, anki jekk hemm pjanijiet biex fil-futur dawn jiġu inkorporati fil-portal.

Apparti minn hekk, fil-portal mhuwiex inkluż ukoll il-bejgħ diġà rrappurtat minn entitajiet speċjalizzati, il-bejgħ taħt proċedimenti ta’ insolvenza, f’liema każ il-qorti tkun approvat forma oħra ta’ disponiment, u taħt proċedimenti ta’ insolvenza li fihom il-partijiet ikunu qablu b’mod reċiproku fuq forma oħra ta’ disponiment billi jiffirmaw ftehim ta’ bejgħ (l-Artikolu 640 LEC).

4. Informazzjoni dwar ir-reġistri nazzjonali tal-assi

  • Art u proprjetà: Ir-reġistri tal-proprjetà għandhom l-inkarigu li jipprovdu informazzjoni dwar l-art u l-proprjetà għas-subbasta, bħal informazzjoni dwar is-sid, l-istat fiżiku tal-proprjetà, il-post u l-jeddijiet li jingħataw bl-art u l-proprjetà jew inkella l-impedimenti fuqhom, pereżempju, dritt ta’ użufrutt f’rabta ma’ art jew proprjetà.
  • Proprjetà mobbli: Hemm ukoll reġistru ta’ proprjetà mobbli, li jinkludi inġenji tal-ajru, bastimenti, karozzi bil-mutur u vetturi oħra bil-magni, makkinarju industrijali, postijiet ta’ negozju u oġġetti kapitali, eċċ.
  • Reġistri oħra ta’ assi: L-informazzjoni dwar ċerti assi tkun disponibbli għall-pubbliku b’mod speċifiku skont in-natura tal-istess assi, kif jista’ jiġri fil-każ ta’ assi intanġibbli fl-Uffiċċju Spanjol għall-Privattivi u t-Trademarks.

5. Informazzjoni dwar il-bażijiet tad-data li fihom il-kredituri jistgħu jidentifikaw l-assi jew id-drittijiet tad-debituri

Ir-reġistru tal-proprjetà u r-reġistru tal-proprjetà immobbli għandhom dan l-iskop, billi t-tnejn li huma jagħtuna informazzjoni dwar is-sjieda tal-assi u dwar il-kredituri kollha tal-assi.

Huwa possibbli wkoll li dak li jkun jikkonsulta d-data fis-sit web tar-Reġistru tal-Artijiet. Jekk tiġi ppubblikata r-referenza tar-reġistru tal-artijiet tal-assi għas-subbasta, il-portal tas-subbasti jiġġenera ħolqa li tippermetti li dan l-assi jintwera permezz tas-satellita, bis-saħħa ta’ pjattaformi bħal Google Earth.

6. Informazzjoni dwar il-bejgħ ġudizzjarju online

Il-portal tas-subbasti

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.