Sib informazzjoni għal kull reġjun
Definizzjoni
Bejgħ fl-irkant bil-qorti normalment jiġi preċedut minn qbid, jiġifieri l-att li permezz tiegħu l-kreditur jew l-awtorità kompetenti tidentifika u tieħu l-pussess tal-beni adatti biex jissodisfaw il-pretensjoni. Jistgħu jinqabdu proprjetajiet immobbli jew mobbli, kif ukoll krediti li jkollu d-debitur fir-rigward ta' parti terza. Fil-każ ta' krediti, madankollu, il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni ma jintemmux mal-bejgħ imma mal-allokazzjoni tal-kreditu tad-debitur lill-kreditur tiegħu.
Hemm tipi differenti ta' bejgħ fl-irkant bil-qorti fil-pajjiżi tal-UE, li l-liġi nazzjonali tagħhom jistipulaw qafas legali rilevanti. F'xi pajjiżi tal-UE, bejgħ fl-irkant bil-qorti jista' jsir onlajn, u b'hekk jiġi evitat li l-parteċipanti jidhru personalment quddiem l-imħallef jew fil-Qorti jew f'entitajiet pubbliċi jew privati.
Bejgħ fl-irkant bil-qorti – li normalment jitmexxa minn imħallef, li jista' jassenja l-operazzjoni tal-bejgħ lil parti terza (professjonist indipendenti jew kumpanija speċifikament awtorizzata tagħmel dan il-kompitu) imma jista' wkoll jiġi ġestit kompletament minn suġġetti oħrajn (eż. marixxall, jew awtorità ta' eżekuzzjoni oħra) – normalment jiġi preċedut mir-reklamar xieraq.
Se tibda titpoġġa dejta fil-paġni nazzjonali dalwaqt. Jekk il-bandiera tal-pajjiż rilevanti li tinsab fuq il-lemin ta' din il-paġna tkun griża, dak ifisser li l-informazzjoni għadha ma tpoġġietx fil-paġna.
Glossarju ta' termini relatati ma' bejgħ fl-irkant bil-qorti
- Aġġudikazzjoni – il-beni għall-bejgħ jiġu aġġudikati lill-persuna li toffri l-ogħla prezz fi tmiem il-bejgħ fl-irkant bil-qorti.
- Beni maqbuda – proprjetà tad-debitur (proprjetà immobbli jew personali) maqbuda minn kreditur jew mill-awtorità kompetenti jekk id-debitur ma jħallasx volontarjament id-dejn tiegħu. Biex tinqabad proprjetà, il-kreditur jew l-awtorità kompetenti jridu jibagħtu lid-debitur mandat ta' qbid. Dan hu att li bih il-kreditur jew l-awtorità kompetenti jidentifikaw il-beni li jistgħu jintużaw biex jitħallas id-dejn.
- Espert li jistima l-valur tal-beni maqbuda – espert (fis-suq rilevanti) li normalment jistima l-valur tal-beni. L-espert irid jagħti l-valur tas-suq ġust għall-beni, wara li jikkunsidra s-sitwazzjoni ġenerali f'dak is-suq u l-kundizzjoni tagħhom.
- Garanzija – biex wieħed jattendi rkant bil-qorti, persuna trid tħallas ammont bħala garanzija qabel ma jibda l-irkant. Il-persuna tieħu l-garanzija lura wara tmiem l-irkant, jekk ma tixtrix l-oġġett li jkun għall-bejgħ.
- Kunsinna – l-att li jittrasferixxi s-sjieda tal-beni mibjugħa mid-debitur lix-xerrej.
- Offerta f'konkors ma' nies/kumpaniji oħrajn – il-proċess kompetittiv tal-offerti għal beni fi rkant bil-qorti.
- Offerta ogħla – offerta ġdida għal oġġett minn persuna/kumpanija fi rkant bil-qorti, bi prezz ogħla – biex tipprova tirbaħ l-irkant.
- Persuna jew kumpanija inkarigata mill-operazzjoni tal-bejgħ – persuna jew kumpanija responsabbli li tagħti informazzjoni lin-nies interessati li jixtru l-beni, jirreklamaw il-bejgħ tagħhom, iwettqu l-proċedura tal-offerti waqt l-irkant, eċċ.
- Possibilità li wieħed jara l-beni għall-bejgħ minn qabel – possibilità li x-xerrejja potenzjali jaraw l-oġġett ikkonċernat, u l-kundizzjoni tiegħu (xi kultant permezz ta' ritratti, drabi oħra personalment).
- Reklam tal-bejgħ – biex jinbiegħu beni maqbuda fi rkant bil-qorti, l-imħallef jew id-delegat tiegħu jew l-awtorità kompetenti trid tirreklama l-bejgħ (kif u meta se jinbiegħu l-beni). Il-bejgħ fl-irkant bil-qorti normalment jiġi rreklamat fuq l-internet, imma spiss anke fil-gazzetti.
- Valur stmat – il-valur tal-proprjetajiet (proprjetà immobbli jew proprjetà personali) tad-debitur maqbuda mill-kreditur jew mill-awtorità kompetenti biex jagħmlu tajjeb għad-dejn.
Lista ta' pajjiżi tal-UE fejn diġà qed isir bejgħ fl-irkant bil-qorti onlajn
- L-Awstrija (b'kooperazzjoni mal-Ġermanja)
- L-Estonja
- Il-Finlandja
- Il-Ġermanja (b'kooperazzjoni mal-Awstrija)
- L-Italja
- Il-Kroazja
- Il-Latvja (għal proċeduri ta' eżekuzzjoni relatati ma' proprjetà immobbli biss)
- In-Netherlands (għal proċeduri ta' eżekuzzjoni relatati ma' proprjetà immobbli biss)
- Il-Portugall
- Spanja
- L-Ungerija
- Is-Slovenja (għal proċeduri ta' eżekuzzjoni relatati ma' proprjetà immobbli biss).
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.