Adattament ta’ drittijiet in rem

Ungerija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

1) Is-sjieda

Il-werriet jikseb is-sjieda fuq il-patrimonju b’mod awtomatiku wara l-mewt tat-testatur. Il-patrimonju hu s-somma tad-drittijiet, tal-proprjetà tanġibbli, tal-pretensjonijiet u tal-obbligi tad-deċedut fil-mument tal-mewt tiegħu li ma jintemmux mal-mewt. Dan kollu hu spjegat b’mod dirett fil-liġi Ungeriża; id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili dwar il-liġi tas-suċċessjoni juża l-kunċetti tal-“patrimonju tal-persuna deċeduta” u tal-“assi” b’mod sinonimu. Assi mhuma xejn ħlief proprjetà tanġibbli, dritt jew pretensjoni (l-Artikolu  8:1 tal-Kodiċi Ċivili). L-assi huma s-somma tal-assi kollha bħal dawn. Fil-każ ta’ legat speċifiku (legatum vindicationis), il-legatarju jikseb sjieda (direttament mingħand id-deċedut) fuq l-assi legati.

2) L-użufrutt

Skont il-liġi tal-Ungerija, jekk id-deċeduti jħallu warajhom dixxendenti u konjuġi superstiti (fil-każ ta’ suċċessjoni ab intestato), il-konjuġi superstiti jkunu intitolati għal użufrutt tul ħajjithom kollha fuq ċerti assi li jappartjenu għall-patrimonju, jiġifieri

  • l-abitazzjoni li kienu jabitaw fiha b’mod konġunt mad-deċedut u
  • l-għamara u l-fittings li jappartjenu għall-abitazzjoni (l-Artikolu 7:58(1)(a) tal-Kodiċi Ċivili).

Ir-regoli ġenerali dwar l-użufrutt skont il-liġi ċivili japplikaw b’mod analogu għas-sustanza tad-dritt tal-konjuġi superstiti għall-użufrutt (id-“dritt tar-romol”) (il-Kapitolu XXX tal-Kodiċi Ċivili). L-użufrutt hu wieħed mill-hekk imsejħa drittijiet limitati in rem. L-użufruttarju jista’ jkollu fil-pussess, juża, jisfruta u jiġbor ir-rikavati ta’ proprjetà tanġibbli li tkun proprjetà ta’ persuna oħra. Id-drittijiet tal-użufruttarju jibqgħu intatti indipendentement minn kwalunkwe tibdil fl-identità tas-sid (l-Artikolu 5:147(1) u (2) tal-Kodiċi Ċivili).

It-testatur jista’ jistabbilixxi użufrutt ukoll fuq assi fit-testment tiegħu.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

Id-drittijiet imsemmija huma elenkati fir-reġistru tal-proprjetà immobbli (jew f’reġistri pubbliċi oħra). It-tidħil ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru hu obbligatorju.

Jekk is-suċċessjoni tirriżulta fi sjieda jew f’użufrutt, in-nutar li jmexxi l-proċediment ta’ validazzjoni fl-Ungerija jikkuntattja lill-awtorità domestika li żżomm ir-reġistru ta’ proprjetà immobbli jew ir-reġistri ta’ kull tip ta’ assi oħra biex dawn id-drittijiet jiġu rreġistrati. F’każijiet bħal dawn in-nutar jibgħat l-għotja tal-validazzjoni (wara li ssir finali) lil din l-awtorità (l-Artikolu 91(2) tal-Att XXXVIII tal-2010 dwar il-proċedimenti tal-validazzjoni (hagyatéki eljárásról szóló 2010. évi XXXVIII. tv.). L-għotja tal-validazzjoni min-nutar isservi bħala l-bażi tar-reġistrazzjoni.

Għall-kuntrarju, il-benefiċjarju (werriet, legatarju) irid jieħu azzjoni hu stess biex jirreġistra d-dritt jekk il-proċedimenti ta’ validazzjoni jkunu saru fi Stat Membru ieħor. F’każijiet bħal dawn, dan għandu jippreżenta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni direttament mal-awtorità Ungeriża li żżomm ir-reġistru inkwistjoni (pereżempju r-reġistru tal-artijiet).

Ir-reġistri pubbliċi prinċipali li jelenkaw is-sjieda ta’ assi speċifiċi huma:

- ir-reġistru tal-proprjetà immobbli

miżmum minn: ir-reġistru tal-artijiet

oġġett tar-reġistru: il-proprjetà immobbli

regoli: l-Att CXLI tal-1997 dwar ir-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli (az ingatlan-nyilvántartásról szóló 1997. évi CXLI törvény) (ara t-Artikolu 16 tal-Att)

- ir-Reġistru Nazzjonali tal-Inġenji tal-Ajru (Magyarország Légijármű Lajstroma)

miżmum minn: l-Uffiċċju tal-Avjazzjoni tal-Awtorità Nazzjonali tat-Trasport (Nemzeti Közlekedési Hatóság Légügyi Hivatal)

oġġett tar-reġistru: inġenji tal-ajru ċivili

regoli:

l-Artikolu 12 tal-Att XCVII tal-1995 dwar it-trasport bl-ajru (a légiközlekedésről szóló 1995. évi XCVII. törvény)

l-Artikolu 5 tad-Digriet Governattiv Nru 141/1995 tat-30 ta’ Novembru 1995 li jimplimenta l-Att XCVII tal-1995 (Korm. rendelet a légi közlekedésről szóló 1995. évi XCVII. törvény végrehajtásáról) dwar it-trasport bl-ajru (a légiközlekedésről szóló 1995. évi XCVII. törvény)

- ir-reġistru tal-bastimenti li jżommu fil-wiċċ

miżmum minn: il-Ministeru tal-Iżvilupp Nazzjonali u l-Uffiċċju tal-Gvern Metrapolitan ta’ Budapest bħala awtoritajiet tat-trasport marittimu

oġġett tar-reġistru: bastimenti li jżommu fil-wiċċ (apparat, strutturi u tagħmir li jżommu fil-wiċċ xierqa għat-trasport bl-ilma, xogħol fuq l-ilma u t-twettiq ta’ attivitajiet relatati)

regoli:

l-Artikoli 7 sa 15 u b’mod partikolari l-Artikolu 11(3) tal-Att XLII tal-2000 dwar it-trasport bl-ilma (a víziközlekedésről szóló 2000. évi XLII. törvény)

id-Digriet Governattiv Nru 198/2000 tad-29 ta’ Novembru 2000 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ bastimenti li jżommu fil-wiċċ (az úszólétesítmények lajstromozásáról szóló 198/2000. Korm. rendelet)

- ir-reġistru tal-vetturi

miżmum minn: il-Ministeru tal-Intern (id-Deputat ministeru tal-Istat Responsabbli għar-reġistri) bħala l-korp tar-reġistrazzjoni tat-traffiku tat-triq

oġġett tar-reġistru: vetturi tat-trasport bit-triq

regoli:

l-Att LXXXIV tal-1999 dwar ir-rekords tat-trasport bit-triq (közúti közlekedési nyilvántartásról szóló 1999. évi LXXXIV. törvény), b’mod partikolari l-Artikolu 9

- ir-reġistru tan-negozji:

miżmum minn: il-qrati reġjonali bħala l-qrati tar-reġistrazzjoni

l-oġġett tar-reġistru: in-negozji (negozju hu entità ġuridika li tinħoloq għall-fini ta’ twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali fuq bażi kummerċjali permezz tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tan-negozji (dawn jinkludu b’mod partikolari kumpaniji, soċjetajiet kooperattivi, fergħat Ungeriżi ta’ intrapriżi barranin, Raggruppamenti ta’ Interess Ekonomiku Ewropew, Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej, kummerċjanti waħdiena, eċċ.).

regoli: l-Att V tal-2006 dwar informazzjoni fuq il-kumpaniji pubbliċi, ir-reġistrazzjoni tal-kumpaniji u l-proċeduri ta’ stralċ (a cégnyilvánosságról, a bírósági cégeljárásról és a végelszámolásról szóló 2006. évi V. törvény), b’mod partikolari l-Artikoli 24 sa 25.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

1) Reġistrazzjoni tas-sjieda

B’mod ġenerali, is-sjieda tal-proprjetà immobbli tista’ tinkiseb biss skont il-liġi Ungeriża permezz tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-proprjetà immobbli; fi kliem ieħor, ir-reġistrazzjoni tas-sjieda fir-reġistru tal-proprjetà immobbli għandha effett kostituttiv (jinħoloq dritt) (il-prinċipju ta’ reġistrazzjoni).

Madankollu, il-liġi tagħmel eċċezzjoni fi ftit każijiet; eċċezzjoni minnhom hi s-suċċessjoni. Il-liġi Ungeriża ssegwi l-prinċipju ta’ suċċessjoni ipso jure. Dan ifisser li l-werriet jikseb il-patrimonju unikament permezz tal-liġi mal-ftuħ tas-suċċessjoni, mingħajr aċċettazzjoni jew kwalunkwe att legali ieħor (l-Artikolu 7:87 tal-Kodiċi Ċivili). B’hekk, fil-każ tas-suċċessjoni, is-sjieda tinkiseb mill-werriet fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni, jew fil-mewt tad-deċedut. Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni tas-sjieda f’reġistru tal-proprjetà immobbli miksuba b'suċċessjoni għandha effett dikjaratorju biss. L-istess japplika wkoll għall-akkwiżizzjoni ta’ proprjetà fuq il-bażi ta’ legat speċifiku (legatum per vindicationem).

Bħala riżultat tas-suċċessjoni ipso jure, ir-reġistrazzjoni tas-sjieda fir-reġistri pubbliċi għal assi oħra għandha effett dikjaratorju wkoll, jekk it-tibdil fis-sid iseħħ b’suċċessjoni.

2) Ir-reġistrazzjoni tal-użufrutt

Id-dritt ta’ użufrutt tal-konjuġi superstiti (id-dritt tar-romol) jirriżulta bl-operat tal-liġi. Fid-dawl ta’ dan, ir-reġistrazzjoni tal-użufrutt fir-reġistru tal-proprjetà immobbli (b’mod simili għar-reġistrazzjoni tas-sjieda miksuba b’suċċessjoni) għandha effett dikjaratorju; b'hekk, id-dritt minnu nnifsu ma jinħoloqx bir-reġistrazzjoni.

Skont l-Artikolu 5:146(2) tal-Kodiċi Ċivili, jekk użufrutt li jirriżulta fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni ma jiġix irreġistrat fir-reġistru tal-proprjetà immobbli, dan id-dritt ikun jista’ jiġi infurzat biss kontra akkwirent mala fede tal-proprjetà immobbli jew kontra akkwirent li ma jkunx ħallas xi korrispettiv għall-proprjetà. Għaldaqstant, biex dritt ta’ użufruttarju fuq proprjetà immobbli jgawdi protezzjoni sħiħa skont il-liġi ċivili, ir-reġistrazzjoni tiegħu fir-reġistru tal-proprjetà immobbli hi neċessarja anki jekk dan id-dritt jinħoloq bl-operat tal-liġi (u mhux bir-reġistrazzjoni).

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Iva.

Jekk benefiċjarju kkonċernat minn kwistjoni ta’ suċċessjoni (pereżempju, werriet jew legatarju) jixtieq jinfurza fl-Ungerija dritt in rem maħluq b’suċċessjoni li ma jitħalliex mil-leġiżlazzjoni Ungeriża fir-reġistru tal-proprjetà immobbli (jew f’reġistru ieħor skont il-każ partikolari), l-operazzjoni skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (adattament tad-drittijiet in rem) titwettaq fi proċediment separat. Dan hu magħruf bħala l-“proċediment ta’ adattament”, li hu rregolat bl-Att LXXI tal-2015.

Proċediment ta’ adattament hu proċediment kontenzjuż li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati. Peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament teħtieġ għarfien espert speċjali, qorti waħda biss (il-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda (Budai Központi Kerületi Bíróság) li topera f’Budapest) taġixxi bħala Qorti tal-Prim’Istanza għat-territorju sħiħ tal-Ungerija. Din il-qorti tiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw liema dritt ieħor jista’ jiġi rreġistrat minflok id-dritt barrani inkwistjoni (jew l-eqreb ekwivalenti għal dritt magħruf fil-liġi Ungeriża f’termini tas-sustanza u tal-iskop tiegħu). Id-deċiżjoni tal-qorti hi vinkolanti fuq ir-rikorrent.

Il-persuna kkonċernata mis-suċċessjoni (pereżempju l-werriet jew il-legatarju) ma tiftaħx dan il-proċediment ta’ adattament hi stess bħala rikorrent. L-awtorità li żżomm ir-reġistru pubbliku (bħar-reġistru tal-artijiet) li quddiemha jkun pendenti l-proċediment ta’ reġistrazzjoni (il-proċediment ewlieni) tidher quddiem il-qorti bħala rikorrent.

Matul il-proċedimenti, il-qorti teżamina l-leġiżlazzjoni barranija fir-rigward tad-dritt barrani inkwistjoni. Il-qorti tiżgura b’mod indipendenti li n-natura tad-dritt barrani tkun aċċertata, iżda tista’ titlob ukoll lill-persuna kkonċernata mis-suċċessjoni sabiex tehmeż informazzjoni u kwalunkwe dokument disponibbli għaliha rigward it-tifsira tad-dritt barrani.

Inkella, il-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tad-dokumenti biss u ma tikkumpila ebda evidenza oħra (pereżempju mingħand ix-xhieda).

Kemm ir-rikorrent (l-awtorità li żżomm ir-reġistru inkwistjoni) kif ukoll il-persuna kkonċernata mill-kwistjoni tas-suċċessjoni jistgħu jappellaw id-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali Ċentrali ta’ Buda. L-appell irid jiġi indirizzat lill-qorti reġjonali u ppreżentat quddiem il-qorti li tieħu d-deċiżjoni. Il-Qorti Reġjonali Kapitali ta’ Budapest taġixxi fil-kwistjoni tal-appell.

L-ispejjeż ta’ dawn il-proċedimenti jiġġarrbu mill-persuna kkonċernata mill-kwistjoni tas-suċċessjoni, li trid tħallashom fil-proċediment ewlieni nnifsu (jiġifieri fil-proċediment quddiem l-awtorità li żżomm ir-reġistru).

L-aħħar aġġornament: 15/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.