Adattament ta’ drittijiet in rem

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema huma d-drittijiet in rem li jistgħu jqumu minn suċċessjoni skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru?

A – Drittijiet tal-proprjetà (l-Artikoli minn 123 sa 151 tal-Kodiċi Ċivili):

1/pussess uniku

2/pussess kondiviż (proprjetà matrimonjali diviżibbli u indiviżibbli)

B- Drittijiet fuq proprjetà ta’ persuni oħra (l-Artikoli minn 151a sa 151v tal-Kodiċi Ċivili)

1/garanziji (stabbiliment ta’ talbiet, subgaranziji)

2/servitujiet

3/drittijiet ta’ żamma

Id-dritt tal-pussess jiġi ttrasferit b’wirt mit-testatur lill-eredi fid-data tal-mewt tat-testatur. It-trasferiment tas-sjieda ta’ proprjetà immobbli jrid dejjem jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-proprjetà.

Il-garanziji jintużaw biex jiżguraw talbiet u spejjeż assoċjati billi lill-persuna li tirċievi l-pleġġ jagħtuha l-jedd li tikseb jew inkella tfittex is-sodisfazzjon tad-dejn mill-pleġġ, jekk id-dejn ma jkunx tħallas kollu kemm hu fil-ħin.

Garanzija tiġi stabbilita b’kuntratt bil-miktub, bi ftehim biex tiġi konkluża s-suċċessjoni milħuqa bejn l-eredi, b’deċiżjoni tal-qorti jew ta’ awtorità amministrattiva jew b’att tal-liġi, u din normalment tidħol fis-seħħ meta tiġi rreġistrata fir-reġistru.

Is-servitujiet jillimitaw lill-proprjetarji ta’ proprjetajiet immobbli favur persuni oħra billi jobbligawhom li jittolleraw, joqogħdu lura minn jew milli jwettqu ċerti azzjonijiet. Id-drittijiet li jikkorrispondu għas-servitujiet huma assoċjati jew mal-pussess ta’ proprjetà immobbli partikolari (bħalma huwa d-dritt li tgħaddi minn biċċa art) jew ma’ persuna partikolari (kera għal għomrok).

Servitujiet assoċjati ma’ pussess ta’ proprjetà immobbli (servitujiet in rem) jgħaddu fuq il-parti li takkwista flimkien mal-pussess tal-proprjetà. Servitujiet assoċjati ma’ individwu (servitujiet in personam) jiskadu mal-mewt tal-persuna li f’isimha dawn ikunu ġew stabbiliti.

Id-dritt taż-żamma jagħti l-jedd lil persuna sabiex iżżomm proprjetà mobbli li din tkun obbligata ċċedi sabiex tassigura t-talba finanzjarja dovuta lilha kontra persuna li kieku tkun obbligata ċċedi l-proprjetà lilha. Madankollu, il-proprjetà miksuba b’mod arbitrarju jew b’qerq ma tistax tinżamm. Abbażi tad-dritt taż-żamma, meta deċiżjoni ġudizzjarja tiġi eżegwita, il-kreditur ikollu l-jedd għal sodisfazzjon preferenzjali qabel kredituri oħrajn mid-dħul tal-proprjetà miżmuma, inkluż il-kredituri tal-garanzija.

2 Dawn id-drittijiet in rem jiġu reġistrati f’reġistru tad-drittijiet fuq propjetà mobbli jew immobbli u jekk iva, din ir-reġistrazzjoni hija obbligatorja? F’liema reġistru(i) jiġu reġistrati u x’inhuma r-rekwiżiti u l-proċedura ta’ reġistrazzjoni?

A – Id-drittijiet tal-proprjetà għal proprjetà immobbli, proprjetà residenzjali u bini mhux residenzjali jridu dejjem jitniżżlu fir-reġistru tal-proprjetà, li ġeneralment ikollhom effett vinkolanti. Għal kuntratti ta’ trasferiment ta’ proprjetà, id-drittijiet tal-pussess ma jidħlux fis-seħħ qabel ma dawn il-kuntratti jiġu rreġistrati fir-reġistru. Fi kliem ieħor, id-dħul fir-reġistru għandu effett kostituttiv.. F’każ ta’ mewt l-effetti tar-reġistrazzjoni huma differenti, peress li huwa biss qabel meta tkun saret ir-reġistrazzjoni li t-trasferiment tal-pussess lill-eredi jiġi ddikjarat b’mod retroattiv fid-data tal-mewt skont il-proċeduri tas-suċċessjoni. Din il-proċedura hija regolata bl-Att dwar ir-Reġistru tal-Proprjetà 162/1995 u r-reġistrazzjoni tat-trasferiment tal-pussess meta jitlestew il-proċeduri tas-suċċessjoni hija obbligatorja. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-proprjetà tiġi ppreżentata minn nutar maħtur mill-qorti li jitqabbad biex imexxi l-proċeduri tas-suċċessjoni jew minn persuna awtorizzata oħra (l-eredi). L-applikazzjoni tiġi ppreżentata lid-Dipartiment Katastali tal-Uffiċċju Distrettwali kompetenti għat-territorju.

Id-dritt tal-pussess f’ċerti proprjetajiet mobbli għandu jiġi rreġistrat fir-reġistri rilevanti. Dawn ir-reġistri jinkludu: Ir-Reġistru tan-Negozju (Att Nru 530/2003 dwar ir-Reġistru tan-Negozju) - il-qrati tar-reġistru huma l-qrati distrettwali fis-sede tal-Qorti Reġjonali.

Ir-Reġistru tal-Vetturi bil-Mutur, li għalih huwa responsabbli l-ispettorat distrettwali tat-traffiku tat-toroq tal-Pulizija.

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Industrijali f’Banská Bystrica, li l-kompetenza tiegħu hija għas-Slovakkja kollha, jirreġistra l-privattivi, it-trade marks, id-diżinji u data proprjetarja oħra.

Id-Depożitarju tat-Titoli Ċentrali - trasferiment ta’ titoli ta’ dħul fil-kotba - id-Depożitarju tat-Titoli Ċentrali tar-Repubblika Slovakka huwa kompetenti għas-Slovakkja kollha.

Ir-Reġistru Marittimu - reġistrazzjoni ta’ opri tal-baħar għar-rikreazzjoni - ir-Reġistru Marittimu tar-Repubblika Slovakka, miżmum mill-Ministeru tat-Trasport u l-Kostruzzjoni tas-Slovakkja, huwa kompetenti għas-Slovakkja kollha.

B – Drittijiet għall-proprjetà ta’ persuna oħra

Ir-reġistri jirreġistraw ukoll drittijiet fuq il-proprjetà ta’ persuni oħra li jillimitaw kif il-proprjetarju jista’ jiddisponi mill-proprjetà. B’mod ġenerali, il-garanziji fir-rigward ta’ proprjetà immobbli, proprjetà residenzjali u mhux residenzjali jiġu stabbiliti meta dawn jiddaħħlu fir-reġistru tal-proprjetà.

1/ Id-dritt taż-żamma fir-rigward ta’ proprjetà mobbli jiġi stabbilit meta dan jiddaħħal fir-Reġistru Notarili Ċentrali tad-Drittijiet taż-Żamma (l-Artikoli 73d – 73i tal-Att Nru 323/1992 dwar in-nutara u l-attivitajiet notarili (il-Kodiċi tan-Nutara) u r-regoli interni tal-Kamra tan-Nutara), li jinżamm mill-Kamra tan-Nutara; meta jkun hemm reġistru separat għall-proprjetà kkonċernata, ir-reġistrazzjoni ssir f’dak ir-reġistru (kif iddikjarat taħt il-punt A aktar ’il fuq). Id-dritt taż-żamma, emendi fl-informazzjoni dwar id-dritt taż-żamma, u l-bidu tal-eżekuzzjoni tad-dritt jiġu rreġistrati minn nutar abbażi ta’ talba li ssir minn persuna awtorizzata kif stabbilit fil-liġi rilevanti. L-istess japplika għat-tħassir ta’ dritt ta’ żamma mir-Reġistru tad-Drittijiet taż-Żamma. Persuni li japplikaw għal reġistrazzjoni jridu jagħtu prova tal-identità tagħhom lin-nutar; jew, jekk japplikaw f’isem ħaddieħor, dawn iridu jagħtu prova li huma awtorizzati jagħmlu dan. Persuni li japplikaw sabiex jirreġistraw garanzija għandhom jipprovdu lin-nutar bl-informazzjoni kollha meħtieġa bil-liġi, u din imbagħad tiddaħħal fir-reġistru tal-garanziji. Meta l-garanzija tiġi stabbilita bi ftehim ta’ suċċessjoni milħuq bejn l-eredi jew permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti jew awtorità amministrattiva, il-persuna li tapplika biex tirreġistra l-garanzija trid tipprovdi lin-nutar bid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-garanzija.

2/Servitujiet in rem jiġu stabbiliti meta dawn ikunu rreġistrati fir-reġistru tal-proprjetà.

3/Id-drittijiet taż-żamma ammissibbli biss fir-rigward ta’ proprjetà mobbli mhumiex soġġetti għar-reġistrazzjoni.

3 Liema effetti huma marbuta mar-reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem?

F’każ li t-testatur imut, id-dritt tal-pussess jiġi ttrasferit lill-eredi fid-data tal-mewt tat-testatur. Ir-reġistrazzjoni fir-reġistru għandha biss effett dikjaratorju.

4 Hemm regoli u proċeduri speċifiċi fis-seħħ għall-adattament ta’ dritt in rem li għalih hija intitolata persuna skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjonijiet f'każ li l-liġi tal-Istat Membru fejn jiġi invokat id-dritt ma jirrikonoxxix dan id-dritt in rem?

Fl-1 ta’ Diċembru 2015, daħal fis-seħħ l-Artikolu 67a tal-Att Nru 97/1963 dwar il-Liġi Privata Internazzjonali u r-Regoli ta’ Proċedura, li għamilha possibbli li jiġu adattati dritt in rem, miżura jew ordni ddikjarati f’deċiżjoni barranija. Meta tittieħed deċiżjoni fuq id-dikjarazzjoni tal-eżegwibilità ta’ deċiżjoni ta’ suċċessjoni barranija li tinvolvi dritt in rem, l-Att jirregola l-adattament tad-dritt in rem mhux magħruf skont dawk il-proċeduri.

L-aħħar aġġornament: 06/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.