Restrizzjonijiet fuq is-suċċessjonijiet – regoli speċjali

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, ir-regoli speċjali jimponu, għal raġunijiet ekonomiċi, familjari jew soċjali, restrizzjonijiet li jikkonċernaw jew jaffettwaw is-suċċessjoni fir-rigward ta’ propjetà immobbli, ċerti intrapriżi jew kategoriji speċjali oħra li jinsabu f’dan l-Istat Membru?

Il-liġijiet dwar it-tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli (Grundverkehrsgesetze) tal-provinċji jistgħu jipprevedu restrizzjonijiet fl-applikazzjoni tal-ftehim bejn il-Gvern Federali u l-provinċji skont l-Artikolu 15a tal-Liġi Kostituzzjonali Federali (Bundesverfassungsgesetz) dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi ċivili li jirrigwardjaw it-tranżazzjonijiet ta’ plott tal-bini (Il-Gazzetta Federali Nru 260/1993 kif emendata mill-Gazzetta Federali I Nru 1/2017, disponibbli fuq: https://www.ris.bka.gv.at/GeltendeFassung.wxe?Abfrage=Bundesnormen&Gesetzesnummer=10001259.)

F’konformità mal-Artikolu 14 tal-Att tal-2002 dwar il-Proprjetà Residenzjali (Wohnungseigentumsgesetz), jekk xi ħadd mis-sħab fi “sħubija ta’ sidien”(Eigentümerpartnerschaft) imut, tapplika regola speċjali: is-sjieda tal-parti tad-deċedut tas-sehem minimu u l-proprjetà residenzjali konġunta tiġi ttrasferita bil-liġi direttament lis-sieħeb superstiti. Madankollu, dan tal-aħħar jista’ jirrinunzja d-dritt tiegħu għal dan it-trasferiment tas-sjieda (Il-Gazzetta Federali I Nru 70/2002 kif emendata mill-Gazzetta Federali I Nru 87/2015, disponibbli fuq: http://www.ris.bka.gv.at/).

2 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli speċjali japplikaw għas-suċċessjoni fir-rigward tal-assi msemmija hawn fuq irrispettivament mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni?

Id-dispożizzjoni msemmija hawn fuq fl-Artikolu 14 tal-Att tal-2002 dwar il-Proprjetà Residenzjali dwar sjieda konġunta bi dritt ta’ sopravivenza hija koperta mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(2)(g) tar-Regolament tas-Suċċessjoni tal-UE.

3 Skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru, jeżistu regoli speċjali biex jiżguraw konformità mar-regoli speċjali msemmija hawn fuq?

Sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tal-Att tal-2002 dwar il-Proprjetà Residenzjali, il-paragrafu (7) tiegħu jiddikjara li jekk proprjetà titħallas barra l-pajjiż, id-dmirijiet u s-setgħat ġeneralment assenjati lill-Qorti dwar is-Suċċessjoni (Awstrijaka) (Verlassenschaftsgericht) jiġu assenjati lill-Qorti Awstrijaka kompetenti tar-Reġistru tal-Artijiet (Grundbuchsgericht).

L-aħħar aġġornament: 29/10/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.