Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Bulgaru ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Bulgarija

Il-kontenut ipprovdut minn
Bulgarija
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Fir-Repubblika tal-Bulgarija, inti tista’ tirċievi kumpens mill-istat għad-dannu materjali mġarrab bħala riżultat dirett tar-reati li ġejjin:

  • terroriżmu; qtil; attentat ta’ qtil; offiża gravi intenzjonali fuq il-persuna; molestja; stupru; traffikar ta’ bnedmin;
  • reati mwettqa b’ordni jew deċiżjoni ta’ grupp tal-kriminalità organizzata;
  • reat vjolenti intenzjonali ieħor li, bħala konsegwenzi intrinsiċi, ikun ikkawża l-mewt jew offiża gravi fuq il-persuna.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ ningħata kumpens?

Ara t-tweġiba għall-ewwel mistoqsija.

Nista’ ningħata kumpens jekk jiena qarib/a jew dipendenti ta’ vittma li mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Fejn il-vittma tkun mietet bħala riżultat ta’ reat, id-dritt għall-kumpens imur għand is-suċċessuri jew is-sieħeb/sieħba/konkubin tal-vittma.

Nista’ ningħata kumpens jekk jiena qarib/a jew dipendenti ta’ vittma li baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Le, ma tistax. Is-suċċessuri jew is-sieħeb/sieħba/konkubin tal-vittma jistgħu jingħataw kumpens biss jekk il-vittma tkun mietet bħala riżultat ta’ reat.

Nista’ ningħata kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Jista’ jingħata kumpens lil barranin f’każijiet previsti fi ftehim internazzjonali li r-Repubblika tal-Bulgarija tkun parti fih.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż tar-residenza jew tan-nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat twettaq f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob il-kumpens fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le, ma tistax. Il-kumpens jitħallas mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun twettaq ir-reat.

Irrid nirrapporta r-reat lill-pulizija l-ewwel, biex inkun nista’ nitlob il-kumpens?

Iva. Ma jingħata ebda kumpens meta l-vittma ma tkunx irrappurtat ir-reat lill-awtoritajiet kompetenti, sakemm il-vittma ma tkunx setgħet tagħmel dan għal raġunijiet leġittimi.

Irrid nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċediment kriminali qabel inkun nista’ nagħmel it-talba?

Iva. Il-vittmi ta’ reat huma intitolati jitolbu kumpens ladarba l-proċedimenti kriminali jkunu ġew konklużi b’deċiżjoni finali tal-awtoritajiet ġudizzjarji, jiġifieri:

  • kundanna kriminali, inkluż fejn il-każ ikun instema’ fin-nuqqas tal-imputat;
  • ftehim ta’ soluzzjoni barra mill-qorti;
  • deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew mill-qorti kompetenti li tittermina l-proċedimenti kriminali, esklużi każijiet itterminati abbażi tas-subparagrafi 1, 7, 8a, u 9 tal-Artikolu 24(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Nakazatelno-protsesualen kodeks);
  • deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew mill-qorti kompetenti li tissospendi l-proċedimenti kriminali minħabba li t-trasgressur ma jkunx ġie identifikat.

L-ewwel irrid infittex kumpens mingħand it-trasgressur – jekk ikun ġie identifikat?

Filwaqt li ma hemm l-ebda rekwiżit bħal dan, ma jingħatax kumpens jekk il-vittma tkun ġiet ikkumpensata mod ieħor.

Jekk it-trasgressur ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġja t-talba tiegħi?

Ara t-tweġiba għall-mistoqsija: “Irrid nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċediment kriminali qabel inkun nista’ nagħmel it-talba?”.

Hemm terminu li fih irrid nagħmel it-talba għall-kumpens?

L-applikazzjonijiet għall-kumpens iridu jiġu ppreżentati mhux aktar tard minn sena wara d-data li fiha d-deċiżjoni rilevanti tal-awtorità ġudizzjarja ssir finali.

Liema telf u spejjeż huma koperti mill-kumpens?

Il-kumpens ikopri, in solidum, id-dannu materjali mġarrab bħala riżultat dirett tar-reat, inkluż:

  • l-ispejjeż tal-kura, esklużi l-ispejjeż imħallsa mill-baġit tal-Fond Nazzjonali għall-Assigurazzjoni tas-Saħħa;
  • it-telf tal-qligħ;
  • l-ispejjeż legali;
  • it-telf tal-mezzi ta’ sussistenza;
  • l-ispejjeż tal-funerali;
  • dannu materjali ieħor.

Il-vittmi jridu jissottomettu d-dokumenti rilevanti kollha li jippruvaw id-dannu materjali kollu mitlub.

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew f’pagamenti parzjali kull xahar.

Il-vittmi ta’ reat huma intitolati għal pagament uniku ta’ kumpens mill-Istat.

B’liema mod jistgħu l-imġiba tiegħi stess fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti ta’ kumpens jaffettwaw iċ-ċansijiet tiegħi li nirċievi kumpens, u / jew l-ammont li nirċievi?

Il-kumpens ma jingħatax f’każijiet fejn:

  • il-vittma tkun ġiet ikkundannata għal reat elenkat fit-tweġiba għall-ewwel mistoqsija fil-perjodu ta’ ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-kumpens;
  • ir-reat ikun twettaq taħt disturb emozzjonali estrem ikkawżat minn azzjoni illegali tal-vittma li wasslet, jew setgħet wasslet, għal konsegwenzi gravi għat-trasgressur jew għall-qraba tat-trasgressur;
  • ir-reat ikun twettaq waqt li kienu qegħdin jinqabżu l-limiti tal-awtodifiża leġittima.
  • Jekk il-vittma tkun ikkontribwixxiet għar-riżultat kriminali, l-ammont ta’ kumpens li kieku ried jitħallas, jitnaqqas.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa ċ-ċansijiet tiegħi li nirċievi kumpens u / jew l-ammont?

Il-vittmi kollha ta’ reat għandhom l-istess drittijiet. Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-vittma ma għandha ebda influwenza fuq it-talba għall-kumpens mill-Istat.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw iċ-ċansijiet tiegħi li nirċievi kumpens u / jew l-ammont?

Jingħata kumpens mill-Istat għal reati mwettqa wara t-30 ta’ Ġunju 2005 li jaqgħu fi ħdan il-kategoriji speċifikati fit-tweġiba għall-ewwel mistoqsija.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-vittmi jridu jissottomettu d-dokumenti rilevanti kollha li jippruvaw id-dannu materjali kollu mitlub.

Hemm xi ammont minimu / massimu li jista’ jingħata?

Il-kumpens pagabbli mill-Istat huwa ammont fi flus li ma jistax jaqbeż BGN 10 000. Meta jingħata kumpens għall-manteniment ta’ persuni dipendenti ta’ taħt it-18-il sena li jkunu s-suċċessuri ta’ persuna li tkun mietet b’riżultat ta’ reat, il-kumpens għal kull persuna dipendenti ma jistax jammonta għal aktar minn BGN 10 000.

Jiena mistenni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif għandi nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Iva, inti mistenni li tagħmel dan. Fl-applikazzjoni għall-kumpens, il-vittma trid tispeċifika l-ammont ta’ kumpens u d-dannu materjali mitlub.

Kwalunkwe kumpens li nirċievi għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħall-iskema tal-assigurazzjoni tal-impjegatur tiegħi jew waħda privata) jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità / korp?

Iva, jitnaqqas.

Nista’ nikseb avvanz fuq il-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le, ma tistax.

Nista’ ningħata kumpens komplementari jew addizzjonali (pereżempju wara bidla fiċ-ċirkustanzi jew deterjorament fis-saħħa, eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Le, ma tistax.

X’dokumenti ta’ sostenn irrid ninkludi mat-talba tiegħi?

  • kopja tad-deċiżjoni tal-awtorità ġudizzjarja kkonċernata u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliha fil-każ ta’ kundanna;
  • estratt mir-rekord ġudizzjarju jekk il-persuna ma tkunx ċittadina Bulgara;
  • kopja ta’ dokument tal-identità;
  • attestament tad-domiċilju attwali tal-persuna intitolata għall-kumpens fil-Bulgarija;
  • dokument dwar ir-rappreżentanza legali, it-tutela jew il-kustodja legali;
  • ċertifikat tas-suċċessjoni jekk il-persuna intitolata għall-kumpens tkun l-iben / il-bint, il-ġenitur jew il-konjuġi ta’ vittma li mietet b’riżultat ta’ reat;
  • kopji ċċertifikati tad-dokumenti li jappoġġaw l-ispejjeż, bħall-ispejjeż mediċi (esklużi l-ispejjeż koperti mill-Fond Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa), l-ispejjeż tal-funerali, eċċ.;
  • dokument li jiċċertifika l-qligħ riċevut mill-vittma taħt relazzjonijiet ta’ impjieg jew arranġamenti ekwivalenti għal perjodu ta’ sitt xhur qabel id-data tar-reat;
  • dikjarazzjoni mill-qorti tal-ispejjeż imġarrba b’rabta mal-proċedimenti kriminali;
  • dokumenti li jippruvaw dannu materjali ieħor;
  • dikjarazzjoni li l-vittma ma ġietx ikkumpensata mod ieħor għad-dannu materjali mġarrab b’riżultat tar-reat.

Hemm xi imposti amministrattivi jew imposti oħra li jridu jitħallsu meta tasal u tiġi pproċessata t-talba?

Le, ma hemmx.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Assistenza u l-Kumpens lill-Vittmi ta’ Reat fil-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Bulgarija.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

IL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA TAR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA (MINISTRY OF JUSTICE OF THE REPUBLIC OF BULGARIA)

Il-Kunsill Nazzjonali għall-Assistenza u l-Kumpens lill-Vittmi ta’ Reat (National Council for Assistance and Compensation to Victims of Crime)

Indirizz: Slavyanska 1, 1040 Sofia, Republic of Bulgaria

Sit Web: https://www.compensation.bg.

Għandi għalfejn ikun preżenti waqt il-proċedura u / jew meta t-talba tiegħi tkun qed tiġi deċiża?

Le, m’għandekx għalfejn.

Kemm jieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) sabiex tittieħed deċiżjoni dwar talba għall-kumpens mill-awtorità?

L-applikazzjoni għall-kumpens tiġi eżaminata mhux aktar minn xahar wara d-data li tasal fiha. Jekk ikun meħtieġ, dan it-terminu jista’ jiġi estiż sa tliet xhur.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali għall-Assistenza u l-Kumpens lill-Vittmi ta’ Reat ma jistgħux jiġu kkontestati.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

Il-formola ta’ applikazzjoni standard għall-kumpens hija disponibbli mill-Kunsill Nazzjonali għall-Assistenza u l-Kumpens lill-Vittmi ta’ Reat, il-gvernaturi provinċjali, l-investigaturi, u l-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi. Hija disponibbli formola ta’ applikazzjoni elettronika għall-kumpens fuq is-sit web tal-Kunsill Nazzjonali: https://www.compensation.bg.

Hemm xi linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Jekk jogħġbok irreferi għas-sit web tal-Kunsill Nazzjonali għall-Assistenza u l-Kumpens lill-Vittmi ta’ Reat: https://www.compensation.bg.

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qiegħed inħejji t-talba?

L-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi jipprovdu assistenza prattika lill-vittmi ta’ reat, inkluża għajnuna fit-tħejjija tal-applikazzjoni għall-kumpens.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob il-kumpens?

Iva. L-Assoċjazzjoni Bulgara tal-Assoċjazzjonijiet ta’ Appoġġ lill-Vittmi.

Tel. +359 29819300

L-aħħar aġġornament: 25/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.