Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Estonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens għalih?

Il-kumpens jista’ jitħallas lill-vittmi ta’ reati vjolenti u lid-dipendenti ta’ dawn il-vittmi. Reat vjolenti huwa att punibbli skont il-proċedura kriminali, li jitwettaq direttament kontra l-ħajja jew is-saħħa ta’ persuna u li b’riżultat tiegħu l-persuna leża tmut jew issofri dannu serju għal saħħitha jew disturb tas-saħħa li jdum għal mill-anqas erba’ xhur.

Liema tip ta’ korriment nista’ nikseb kumpens għalih?

Għandek id-dritt għal kumpens jekk reat vjolenti jwassal għal dannu serju għal saħħtek jew għal disturb tas-saħħa li jdum għal mill-anqas erba’ xhur.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b’riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Kumpens ta’ EUR 448 jitħallas lill-persuna li tbati l-ispejjeż tal-funeral ta’ vittma ta’ reat vjolenti. Għandu jiġi nnutat li l-persuna li tħallas l-ispejjeż tal-funeral ma hemmx għalfejn tkun membru tal-familja jew dipendenti tal-vittma.

Id-dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b’riżultat ta’ reat vjolenti huma intitolati għall-kumpens mill-Istat pagabbli lill-vittmi ta’ reati.

Id-dipendenti jinkludu l-persuni li ġejjin:

  • l-ulied ta’ taħt it-18-il sena tal-vittma;
  • l-ulied ta’ bejn it-18 u l-24 sena tal-vittma, li jkunu studenti full-time;
  • l-armla jew l-armel tal-vittma li l-kapaċità għax-xogħol tagħhom tkun naqset;
  • l-armla jew l-armel tal-vittma fl-età tal-pensjoni;
  • il-ġenituri tal-vittma ta’ età tal-pensjoni;
  • il-ġenituri tal-vittma li l-kapaċità għax-xogħol tagħhom tkun naqset;
  • l-armla tal-vittma li tkun tqila u mhux impjegata;
  • il-ġenitur jew it-tutur tal-wild ta’ taħt it-tliet snin tal-vittma li ma jkunx impjegat.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f'dan il-każ?

Għandek id-dritt għal kumpens jekk, b’riżultat ta’ reat vjolenti, il-vittma ssofri dannu serju għal saħħitha jew disturb fis-saħħa li jdum għal mill-anqas erba’ xhur.

Il-persuni li ġejjin huma intitolati għall-kumpens:

  • l-ulied ta’ taħt it-18-il sena tal-vittma;
  • l-ulied ta’ bejn it-18 u l-24 sena tal-vittma, li jkunu studenti full-time;
  • l-armla jew l-armel tal-vittma li l-kapaċità għax-xogħol tagħhom tkun naqset;
  • l-armla jew l-armel tal-vittma fl-età tal-pensjoni;
  • il-ġenituri tal-vittma fl-età tal-pensjoni;
  • il-ġenituri tal-vittma li l-kapaċità għax-xogħol tagħhom tkun naqset;
  • l-armla tal-vittma li tkun tqila u mhux impjegata;
  • il-ġenitur jew it-tutur tal-wild ta’ taħt it-tliet snin tal-vittma li ma jkunx impjegat.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Fl-Estonja, id-dritt għall-kumpens mhuwiex marbut man-nazzjonalità.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk jew niġi minn hawnhekk (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Il-kumpens jitħallas mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih ikun twettaq ir-reat. Il-kumpens jitħallas skont id-dritt tal-pajjiż konċernat.

Biex titlob kumpens, tista’ tirrikorri għand:

  • l-awtorità kompetenti tal-pajjiż ikkonċernat jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż tar-residenza tiegħek;
  • fl-Estonja, l-awtorità kompetenti hija l-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali, li jibgħat l-applikazzjoni tiegħek, flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn, lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż l-ieħor.

Għandi nkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija qabel inkun nista’ nitlob il-kumpens?

Reat vjolenti jrid jiġi rrappurtat lill-pulizija fi żmien 15-il jum tal-kalendarju mill-jum li r-reat ikun twettaq fih.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċediment kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

M’hemmx għalfejn tistenna l-eżitu tal-proċedimenti biex titlob il-kumpens; huwa suffiċjenti li tkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija u li jkunu bdew il-proċedimenti kriminali. Il-kumpens jista’ jintalab fi żmien tliet snin minn meta jkun twettaq ir-reat.

Għandi għalfejn l-ewwel nitlob kumpens mingħand it-trażgressur — jekk ikun ġie identifikat?

Ma hemm l-ebda rekwiżit biex l-ewwel titlob kumpens mingħand it-trażgressur. Meta jingħata kumpens, id-dritt tat-talba jiġi ttrasferit lill-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali u aħna nressqu t-talba kontra l-persuna li tkun ikkawżat id-dannu (it-trażgressur) permezz ta’ rikors.

Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat jew ma jkunx ġie kkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Għandek id-dritt għall-kumpens anki jekk il-persuna li tkun ikkawżat id-dannu ma tkunx ġiet identifikata jew il-proċedimenti ġudizzjarji jkunu għadhom ma ġewx konklużi.

Biex tikseb il-kumpens mill-Istat pagabbli lill-vittmi ta’ reati, hija meħtieġa ċertifikazzjoni tat-tnedija tal-proċedimenti kriminali maħruġa minn korp investigattiv.

Trid tippreżenta l-irċevuti tal-ispejjeż jekk qiegħed tapplika għar-rimborż tal-ispejjeż tal-kura medika jew għal għotja tal-mewt.

Hemm limitu ta’ żmien li fih għandi nitlob kumpens?

L-applikazzjonijiet għall-kumpens jistgħu jiġu ppreżentati fi żmien tliet snin mid-data ta’ reat jew minn meta ssir taf li twettaq ir-reat.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?

Il-kumpens ikopri:

- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċi tal-korriment (kura medika — kura ambulanti u fl-isptar, irkupru)
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn dannu (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija fit-tul, adattament ta’ akkomodazzjoni, għajnuna speċjali, eċċ.)
  • korrimenti permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ matul il-kura medika u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-kapaċità li tagħmel qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)
    • il-kumpens għal ħwejjeġ u għajnuniet li saritilhom ħsara (eż. kumpens għan-nuċċalijiet, rimborż tal-ispejjeż tal-ħwejjeġ ġodda)

- Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  1. L-ispejjeż tal-funeral
  2. it-telf tal-manteniment jew tal-opportunità

- Ħsara psikoloġika:

  • l-uġigħ u t-tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet

Il-membri tal-familja ta’ vittma jistgħu jiksbu konsulenza psikoloġika. Biex jinkiseb kumpens għall-għajnuna psikoloġika, jeħtieġ li jiġi kkuntattjat fornitur ta’ servizz ta’ appoġġ lill-vittmi, li mbagħad iħejji l-applikazzjoni li trid tiġi ffirmata. Huwa meħtieġ ukoll ċertifikat tal-pulizija, li jikkonferma li jkunu nfetħu l-proċedimenti u li inti vittma jew ir-rappreżentant legali ta’ vittma. Il-fornitur ta’ servizz ta’ appoġġ lill-vittmi jgħinek tikseb ċertifikat tal-pulizija.

Inti tiġi infurmat dwar l-għoti tal-kumpens għall-għajnuna psikoloġika fi żmien 10 ijiem tax-xogħol. Wara tkun tista’ tmur għand psikologu. L-ammont ta’ kumpens għal kull persuna huwa l-paga minima ta’ kull xahar (EUR 584 fl-2020).

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti mensili?

Id-dipendenti jitħallsu l-kumpens f’pagamenti mensili. L-ispejjeż mediċi u tal-funeral jiġu rrimborżati bħala somma f’daqqa abbażi tal-irċevuti tal-ispejjeż.

B’liema mod tista' l-imġiba tiegħi stess fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nieħu kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Ma jitħallasx kumpens jekk:

  1. il-vittma tkun ikkawżat jew iffaċilitat it-twettiq tar-reat jew l-okkorrenza tad-dannu permezz tal-imġiba intenzjonali jew traskurata tagħha;
  2. il-vittma tonqos milli tinnotifika r-reat fi żmien 15-il jum minkejja li dan tkun kapaċi tagħmlu, u l-pulizija ma jkunux saru jafu bir-reat b'xi mod ieħor;
  3. il-vittma tkun ġiet ikkundannata li wettqet reat vjolenti jew abbażi tal-Artikolu 255(1) jew 256(1) tal-Kodiċi Penali u l-fedina penali tagħha tkun għadha ma tħassritx mill-bażi tad-data tal-fedini penali skont l-Att dwar il-Bażi tad-Data tal-Fedini Penali;
  4. il-pagament tal-kumpens ma jkunx ġust jew ma jkunx iġġustifikat għal raġunijiet oħra.

Barra minn hekk, il-kumpens jista’ jiġi rrifjutat jekk l-applikant ikun irrifjuta li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu aċċertati l-fatti relatati mar-reat kriminali, jiġi identifikat jew maqbud it-trażgressur jew jiġi ppruvat id-dannu.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nieħu kumpens u/jew l-ammont tal-kumpens?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma taffettwax l-għoti jew il-pagament tal-kumpens.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nieħu kumpens u/jew l-ammont tal-kumpens?

Kwalunkwe ammont li persuna leża tirċievi jew tkun intitolata li tirċievi abbażi tad-dannu li jirriżulta minn reat vjolenti, minn sors li ma jkunx il-persuna responsabbli għad-dannu kkawżat mir-reat, jitnaqqas mid-dannu li jservi bħala l-bażi sabiex jiġi determinat l-ammont tal-kumpens, inkluż il-benefiċċju tal-kapaċità għax-xogħol imħallas lill-vittma. Meta jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens, jiġi kkunsidrat kwalunkwe ammont li l-persuna responsabbli għad-dannu kkawżat mir-reat tħallas lill-applikant qabel l-għoti tal-kumpens.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Kalkolu tal-kumpens għal kapaċità parzjali jew l-ebda kapaċità għax-xogħol

L-ammont tal-kumpens jiġi kkalkulat abbażi tal-introjtu medju għal kull jum tal-kalendarju. Jiġi kkunsidrat l-introjtu, intaxxat bit-taxxa soċjali, maqlugħ matul is-sitt xhur ta’ qabel ir-reat.

Kalkolu tad-dannu li jirriżulta minn kapaċità parzjali jew l-ebda kapaċità għax-xogħol

L-introjtu medju għal kull jum tal-kalendarju jiġi mmultiplikat bi tletin, u l-pensjoni għall-inkapaċità għax-xogħol jew il-benefiċċju tal-kapaċità għax-xogħol mogħti lill-persuna jiġu mnaqqsa mir-riżultat tal-multiplikazzjoni. Il-kumpens ikopri 80 % tal-introjtu mitluf. Id-data dwar l-introjtu medju tinkiseb mill-Bord tat-Taxxa u tad-Dwana.

Kalkolu tal-kumpens għall-mewt tal-fornitur

1. L-introjtu medju tal-vittma għal kull jum tal-kalendarju jiġi mmultiplikat bi tletin, u l-pensjoni tas-superstiti mogħtija lill-persuna tiġi mnaqqsa mir-riżultat tal-multiplikazzjoni.

2. Perċentwal tal-ammont miksub huwa kkalkulat skont l-għadd ta’ persuni dipendenti:

  • 75 % fil-każ ta’ dipendenti wieħed
  • 85 % fil-każ ta’ żewġ dipendenti
  • 100 % fil-każ ta’ tliet dipendenti jew aktar

Jiġi kkumpensat 80 % tal-ammont ikkalkulat.

Hemm xi ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Ma hemm l-ebda ammont minimu; il-kumpens jitħallas sakemm il-persuna intitolata tikkwalifika għall-kumpens jew sal-limitu ta’ EUR 9 590.

Jiena mistenni nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nirċievi xi struzzjonijiet dwar kif għandi nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Ma għandu għalfejn jiġi indikat l-ebda ammont fuq il-formola tat-talba.

Jekk nirċievi xi kumpens għat-telf minn sorsi oħra (bħal mingħand l-impjegatur tiegħi jew skema ta’ assigurazzjoni privata) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/entità?

Iva

Nista’ nieħu ħlas bil-quddiem mill-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Jista’ jintalab kumpens bil-quddiem minn persuni f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli, jekk dawn ikunu intitolati għal kumpens iżda l-għoti tiegħu jiġi pospost.

Pagament bil-quddiem ta’ sa EUR 640 isir fuq il-bażi tal-applikazzjoni rilevanti.

Jekk il-ħlas bil-quddiem jaqbeż l-ammont ta’ kumpens mogħti sussegwentement, l-ammont żejjed li jkun tħallas jiġi rkuprat.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (eż. wara bidla fiċ-ċirkostanzi jew jekk is-saħħa tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Għandek id-dritt tissottometti fatturi addizzjonali għall-ispejjeż tal-kura medika.

X'dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Ċertifikat minn korp investigattiv

Il-fatturi għall-ispejjeż tal-funeral

Il-fatturi għall-ispejjeż tal-kura medika, l-irċevuti għall-prodotti mediċinali, eċċ.

Iċ-ċertifikat tal-mewt tal-vittma

Hemm imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tiġi rċevuta u pproċessata?

Le

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet ta' kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Bord Nazzjonali tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Estonja

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Opzjonijiet għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet:

  • L-applikazzjoni ffirmata b’mod diġitali flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn skennjati jistgħu jintbagħtu permezz tal-posta elettronika. Il-formola tal-applikazzjoni tinsab fis-sit tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali.
    L-applikazzjoni ffirmata b’mod diġitali għandha tintbagħat lil: info@sotsiaalkindlustusamet.ee
  • L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll bil-posta f’Põllu 1A, 50303, Tartu.
  • L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati minn fornitur ta’ appoġġ lill-vittmi. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-fornituri ta’ appoġġ lill-vittmi jinsabu fis-sit tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali;
  • L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati wkoll f’uffiċċju ta’ servizz lill-klijenti tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Għandi bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

M’għandekx għalfejn tkun preżenti.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) l-awtorità biex tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Id-deċiżjoni tittieħed fi żmien 30 jum minn meta jasal l-aħħar dokument.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Tista’ tiġi ppreżentata kontestazzjoni kontra d-deċiżjoni fi żmien 30 jum minn meta tasal. B’mod alternattiv, tista’ tiġi ppreżentata denunzja f’qorti amministrattiva skont il-proċedura prevista fil-Kodiċi ta’ Proċedura tal-Qorti Amministrattiva.

Fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

Il-formoli tal-applikazzjoni u l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni għall-kumpens jinsabu fis-sit tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Hemm xi linja telefonika speċjali għall-għajnuna jew sit li nista’ nuża?

Dawk li jipprovdu appoġġ lill-vittmi jistgħu jiġu kkuntattjati wkoll bit-telefon. Id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jinsabu fis-sit tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Iva

Hemm xi organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob il-kumpens?

Dawk li jipprovdu appoġġ lill-vittmi jassistu wkoll fit-talba għall-kumpens.

L-aħħar aġġornament: 31/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.