- Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?
- Għal liema tip ta’ ħsara nista’ ningħata kumpens?
- Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew persuna dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew persuni dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?
- Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew persuna dipendenti ta’ vittma li tkun baqgħet ħajja? Liema qraba jew persuni dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?
- Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?
- Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?
- Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?
- Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nressaq pretensjoni?
- Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk ikun ġie identifikat?
- Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni l-pretensjoni tiegħi?
- Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?
- Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?
- Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti fix-xahar?
- B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?
- B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?
- Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?
- Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?
- Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?
- Fil-formola tal-pretensjoni jiena mistennija nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?
- Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?
- Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem għall-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?
- Nista’ ningħata kumpens komplementari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?
- Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mal-pretensjoni tiegħi?
- Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tal-pretensjoni u meta din tiġi pproċessata?
- Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?
- Fejn għandi nibgħat il-pretensjoni (f’każijiet nazzjonali)?
- Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża l-pretensjoni tiegħi?
- Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar pretensjoni għal kumpens?
- Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?
- Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta l-pretensjoni?
- Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?
- Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji l-pretensjoni?
- Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?
Jista’ jinkiseb kumpens għal kwalunkwe tip ta’ reat li kkawża ħsara fuq il-persuna jew dannu morali bħala riżultat ta’ atti intenzjonali li jikkostitwixxu jew l-actus reus ta’ reat jew ta’ reat ta’ attentat għall-pudur jew stupru skont l-Artikoli 372 sa 376 tal-Kriminali Kodiċi.
Għal liema tip ta’ ħsara nista’ ningħata kumpens?
- ħsara fuq il-persuna/telf ekonomiku;
- danni morali.
Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew persuna dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew persuni dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?
Qraba jew persuni dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta' atti intenzjonali li jikkostitwixxu reat u kkawżaw ħsara fuq il-persuna li wasslu għall-mewt tal-vittma u li jaffettwaw b’mod serju l-kwalità tal-ħajja ta’ qraba jew persuni dipendenti ta’ vittma (tbatija mentali minħabba t-telf tal-maħbubin tagħhom) jistgħu jressqu pretensjoni għal kumpens lill-Ministru tal-Ġustizzja f’każ li ma jkunx inkiseb kumpens effettiv u adegwat. Il-membri tal-familja, il-konjuġi, is-sħab mhux miżżewġin, sħab reġistrati jew nies li huma viċin b’mod partikolari tal-vittma jistgħu jiksbu kumpens, sakemm ikunu batew dannu reparabbli. Fil-prinċipju, il-grad tar-relazzjoni huwa irrilevanti għax hija kkunsidrata biss il-ħajja emozzjonali u materjali maqsuma mal-vittma diretta. Fil-prattika, huma biss il-membri tal-familja, b'mod partikolari l-familja nukleari, li huma meqjusa bħala l-vittmi indiretti. Il-familja nukleari hija familja li tinkludi żewġ adulti, kemm jekk miżżewġin kif ukoll jekk le, u sew jekk għandhom it-tfal kif ukoll mingħajr tfal.
Nista’ ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew persuna dipendenti ta’ vittma li tkun baqgħet ħajja? Liema qraba jew persuni dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?
Qraba jew persuni dipendenti ta’ vittma li baqgħet ħajja wara atti intenzjonali li jikkostitwixxu reat u kkawżaw ħsara fuq il-persuna li wasslu għal diżabilità permanenti jew inkapaċità totali għax-xogħol għal aktar minn xahar li affettwa serjament il-kwalità tal-ħajja tagħhom, jistgħu jressqu pretensjoni għal kumpens lill-Ministru għall-Ġustizzja, fejn ma nkisibx kumpens effettiv u adegwat.
Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?
Dawk in-nies li huma residenti legalment fil-Lussemburgu jew ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew il-Kunsill tal-Ewropa u li kienu, fil-ħin tar-reat, legalment preżenti fil-Lussemburgu jew vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin jistgħu jitolbu kumpens. Inkella, ma jista’ jingħata l-ebda kumpens.
Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?
Kull min jirresjedi legalment u abitwalment fil-Lussemburgu, iżda kien vittma ta’ reat intenzjonat vjolenti fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, huwa intitolat li jitlob kumpens li għandu jitħallas mill-baġit tal-Lussemburgu sakemm ma jkunx intitolat li jiġi kkumpensat mill-Istat l-ieħor.
Skont il-Liġi tat-12 ta’ Marzu 1984 dwar il-kumpens għal ċerti vittmi li jsofru ħsara fuq il-persuna, għandhom ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
- Il-vittma għandha jew tirrisjedi legalment u abitwalment fil-Lussemburgu jew tkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew tal-Kunsill tal-Ewropa. Barra minn hekk, fil-ħin tar-reat, il-vittma għandha tkun legalment preżenti fil-Lussemburgu jew tkun vittma tar-reat imsemmi fl-Artikolu 382-1 tal-Kodiċi Kriminali.
- Id-dannu mġarrab għandu jkun ir-riżultat ta’ atti intenzjonali li jikkostitwixxu reat.
- Għandu jkun hemm ħsara fuq il-persuna u mhux biss telf finanzjarju (li teskludi, pereżempju, kumpens għal serqa minuri).
- Id-dannu għandu jaffettwa serjament il-kwalità tal-ħajja tiegħek, li tista’ tkun riżultat ta’ telf jew tnaqqis ta' qligħ, spejjeż miżjuda jew infiq eċċezzjonali, inkapaċità għax-xogħol, telf ta’ sena skolastika, ħsara fiżika jew mentali, dannu morali jew sfigurazzjoni, jew tbatija fiżika jew mentali. Jekk inti vittma ta’ reat imsemmi fl-Artikoli 372 sa 376 tal-Kodiċi Kriminali, m'għandekx għalfejn tagħti prova tad-dannu fiżiku jew mentali minħabba li dan ikun preżunt.
- Il-kumpens jitħallas mill-Istat biss jekk ma tkunx tista' tikseb kumpens effettiv u adegwat b'xi mod ieħor.
Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?
Le, il-vittma m’għandux għalfejn tkun irrapportat ir-reat lill-pulizija qabel ma tkun tista’ titlob kumpens.
Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nressaq pretensjoni?
Le, id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kumpens tittieħed mill-Ministru tal-Ġustizzja qabel ma jiġu deċiżi l-proċeduri kriminali.
Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk ikun ġie identifikat?
Jekk l-awtur tar-reat ikun ġie identifikat u inti tfittxu għal danni bħala parti ċivili fil-proċeduri kriminali, trid tistenna r-riżultat ta’ dik il-pretensjoni. Jekk l-awtur tar-reat ikun insolventi, tista’ mbagħad tressaq pretensjoni għal kumpens lill-Ministru tal-Ġustizzja.
Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jordna ħlas lura sħiħ jew parzjali tal-kumpens jew ħlas bil-quddiem li inti tħallast sussegwentement bħala kumpens effettiv għad-dannu.
Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni l-pretensjoni tiegħi?
Awtur tar-reat mhux identifikat
Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat, tista’ tapplika għal kumpens billi tibgħat il-pretensjoni tiegħek lill-Ministeru tal-Ġustizzja. Din il-pretensjoni għandha tkun miktuba bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bil-Lussemburgiż u għandha tindika d-data, il-post u n-natura eżatta tal-atti li inti kont vittma tagħhom. Id-dokumenti ta’ prova għall-atti u d-dannu li sofrejt għandhom ikunu mehmuża ma’ din l-ittra, bħala appoġġ għal pretensjoni tiegħek. Barra minn hekk, trid tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tal-Liġi tat-12 ta’ Marzu 1984 dwar kumpens għal ċerti vittmi ta’ ħsara fuq il-persuna li tirriżulta minn reat.
Awtur tar-reat mhux ikkundannat
Sabiex tkun intitolat għal kumpens, l-awtur tar-reat għandu jkun instab ħati b’sentenza li tkun finali. Il-Ministru tal-Ġustizzja jista’, abbażi ta’ opinjoni maħruġa mill-Kummissjoni tal-Vittmi (Commission victime), jordna ħlas lura sħiħ jew parzjali tal-kumpens jew ħlas bil-quddiem. Il-Ministru jista’ jieħu l-istess deċiżjoni fejn tħallas ħlas bil-quddiem u sussegwentement jirriżulta li l-kumpens ma kienx ġustifikat.
Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?
Il-pretensjoni għandha tiġi sottomessa fi żmien sentejn mid-data tal-atti. Jekk l-awtur tar-reat jiġi pproċessat, il-limitu ta’ żmien jiġi estiż u jiskadi sentejn wara d-deċiżjoni finali tal-qorti li tkun semgħet il-kawża kriminali. Jekk, wara li deċiżjoni fil-proċeduri kriminali tkun saret finali, tingħata deċiżjoni dwar il-pretensjoni ċivili għad-danni, din l-iskadenza tiġi estiża u tiskadi sentejn wara li d-deċiżjoni tal-qorti dwar il-pretensjoni tiegħek għad-danni ssir finali. Madankollu, jekk inti minuri, il-perjodu ta’ limitazzjoni ma jibdiex jgħodd qabel id-data li fiha tasal għall-età maġġuri jekk l-atti huma punibbli b’pieni kriminali jew previsti u punibbli skont l-Artikoli 372, 373, 375, 382-1 u 382-2, 400, 401bis, 402, 403 jew 405 tal-Kodiċi Kriminali.
Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?
Bħala eżempju, il-kumpens ikopri:
a) għall-vittma tar-reat:
ħsara fuq il-persuna (mhux psikoloġika):
- spejjeż mediċi li jirriżultaw mill-korriment (kura medika - kura in-patient u out-patient, irkupru);
- ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali bħala riżultat tal-korriment (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija fit-tul, aġġustamenti fid-dar, tagħmir speċjali, eċċ.);
- dannu permanenti (eż. diżabilità u diżabilitajiet permanenti oħra);
- telf ta’ qligħ matul u wara t-trattament mediku (inkluż telf ta’ qligħ u telf ta’ kapaċità ta’ qligħ jew tnaqqis ta’ benefiċċji, eċċ.);
- telf ta’ opportunitajiet professjonali;
- spejjeż li jirriżultaw minn proċedimenti legali konnessi mal-avveniment li kkawża d-dannu, bħal spejjeż legali u spejjeż oħra;
- kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara;
ħsara psikoloġika (morali):
- uġigħ u tbatija tal-vittma;
b) għall-benefiċjarji jew qraba ta’ vittma:
ħsara fuq il-persuna (mhux psikoloġika):
- spejjeż tal-funeral;
- spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, kura in-patient u out-patient, riabilitazzjoni);
- telf ta’ benefiċċji jew opportunitajiet professjonali;
ħsara psikoloġika:
- uġigħ u tbatija ta’ qraba jew benefiċjarji/kumpens għas-superstiti f’każ ta’ mewt tal-vittma.
Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti fix-xahar?
Il-kumpens jitħallas bħala somma f’daqqa u mhux fil-forma ta’ annwalità. Madankollu, jekk tinqala’ l-ħtieġa, f'każijiet debitament sostanzjati, il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jagħti ħlas bil-quddiem lir-rikorrent waqt li l-pretensjoni tkun qed tiġi eżaminata. Barra minn hekk, jekk il-kumpens ikun tħallas lill-vittma u d-dannu sussegwentement jiggrava b’mod sinifikanti, il-vittma tista’ tressaq pretensjoni għal kumpens addizzjonali fi żmien ħames snin minn meta jitħallas il-kumpens ewlieni.
B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens, u/jew l-ammont li ningħata?
Il-kumpens jista’ jiġi rrifjutat jew imnaqqas minħabba l-imġiba tal-vittma fiż-żmien tal-atti.
B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?
Kull vittma li tkun sofriet dannu u tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Liġi tat-12 ta’ Marzu 1984 dwar il-kumpens għal ċerti vittmi ta’ ħsara fuq il-persuna tista’ titlob kumpens mill-Istat, irrispettivament mis-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, sakemm ma jkunux inkisbu kumpens u danni effettivi u adegwati.
Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li ningħata kumpens u/jew l-ammont?
Il-kumpens jista’ jiġi rifjutat jew imnaqqas minħabba r-relazzjoni tiegħek mal-awtur tar-reat.
Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?
Il-Kummissjoni tal-Vittmi tiddikjara, fl-opinjoni tagħha, jekk il-pretensjoni hijiex ġustifikata u kemm għandu jingħata kumpens, li jkun ibbażat b’mod partikolari fuq kemm tkun affettwata b’mod serju l-kwalità tal-ħajja tar-rikorrent. Il-Ministru tal-Ġustizzja mbagħad jiddeċiedi jekk jagħtix jew le l-kumpens u jistabbilixxi l-ammont.
Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?
L-ammont massimu ta’ kumpens li jista’ jingħata mill-Ministru tal-Ġustizzja ma jistax jaqbeż il-limitu ffissat kull sena mir-Regolament tal-Gran Dukat. Dan il-limitu ġie stabbilit għal EUR 63 000 għall-2017.
Fil-formola tal-pretensjoni jiena mistennija nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?
Ebda formola speċifika ma jeħtieġ li timtela mir-rikorrenti għal kumpens fil-Lussemburgu. Teħtieġ biss tikteb ittra li tindika d-data, il-post u n-natura eżatta tal-atti u tehmeż id-dokumenti ta’ sostenn għal pretensjoni tiegħek.
Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?
Il-kumpens jitħallas mill-Istat biss jekk il-vittma ma tistax tikseb kumpens effettiv u adegwat b’xi mod ieħor, eż. mill-awtur tar-reat, mis-sigurtà soċjali jew mill-assigurazzjoni personali. Il-Kummissjoni tal-Vittmi tista’ tqis kwalunkwe kumpens irċevut għat-telf tiegħek minn sorsi oħra.
Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem għall-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?
Jekk tinqala’ l-ħtieġa, f'każijiet debitament sostanzjati, il-Ministru tal-Ġustizzja jista’ jagħti ħlas bil-quddiem waqt li l-pretensjoni tkun qed tiġi eżaminata.
Nista’ ningħata kumpens komplementari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?
Jekk il-kumpens ikun ingħata u d-dannu sussegwentement jiggrava b’mod sinifikanti, tista’ titressaq pretensjoni għal kumpens addizzjonali. Din il-pretensjoni għandha tiġi mressqa fi żmien ħames snin mid-data li fiha jkun tħallas il-kumpens ewlieni.
Dan il-kumpens addizzjonali ma jistax jaqbeż il-massimu ta’ EUR 63 000 li minnu jitnaqqas l-ammont ta’ kumpens li jkun ingħata qabel.
Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mal-pretensjoni tiegħi?
Kull dokument ta’ sostenn għall-atti u l-ħsara li sofrejt għandu jkun mehmuż mal-ittra tiegħek, biex issostni l-pretensjoni tiegħek.
Lista mhux eżawrjenti:
- kopja tal-kwerela (rapport tal-pulizija) jew evidenza tal-pretensjoni għad-danni bħala parti ċivili fil-proċedimenti kriminali;
- kopja tas-sentenza li tiddeċiedi l-proċedimenti kriminali;
- deċiżjoni dwar il-pretensjoni ċivili għad-danni;
- evidenza tal-korriment: ċertifikati mediċi li jindikaw in-natura tal-korriment imġarrab, it-tul tal-inkapaċità għax-xogħol u, fejn applikabbli, in-natura tal-effetti sekondarji u d-diżabilità permanenti;
- evidenza tal-ispejjeż mediċi li jirriżultaw mill-korriment (kura medika, kura in-patient u out-patient, eċċ.);
- evidenza ta’ sħubija f’organizzazzjoni tas-sigurtà soċjali;
- evidenza tal-ammont ta’ kwalunkwe kumpens irċevut permezz tas-sigurtà soċjali;
- kopja tal-polza tal-assigurazzjoni;
- evidenza tal-ammont ta’ kwalunkwe kumpens irċevut mill-kumpanija tal-assigurazzjoni;
- evidenza ta’ telf ta' qligħ matul u wara t-trattament mediku.
Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tal-pretensjoni u meta din tiġi pproċessata?
Le.
Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?
Luxembourg Ministry of Justice
13, rue Erasme
L-2934 Luxembourg
Tel.: (+352) 247 84527 / (+352) 247 84517
Fax: (+352) 26 68 48 61 / (+352) 22 52 96
Email: info@mj.public.lu
Sit web: http://www.mj.public.lu/
Fejn għandi nibgħat il-pretensjoni (f’każijiet nazzjonali)?
Luxembourg Ministry of Justice
13, rue Erasme
L-2934 Luxembourg
Tel.: (+352) 247 84527 / (+352) 247 84517
Fax: (+352) 26 68 48 61 / (+352) 22 52 96
Email: info@mj.public.lu
Sit web: http://www.mj.public.lu/
Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża l-pretensjoni tiegħi?
Il-Kummissjoni tal-Vittmi għandha tistieden lill-vittma biex tattendi s-seduta. Jekk jattendu, il-Kummissjoni se tisma’ x-xhieda tagħha dwar l-atti u d-dannu mġarrba. Dan is-smigħ mhux pubbliku u tista’ tkun assistit minn avukat.
Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar pretensjoni għal kumpens?
Il-Ministru tal-Ġustizzja jiddeċiedi fi żmien sitt xhur mill-pretensjoni għall-kumpens li tressqet minnek.
Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?
Jekk il-vittma ma tkunx sodisfatta bid-deċiżjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja skont il-prinċipju jew l-ammont mogħti, hija tista’ tieħu azzjoni legali kontra l-Istat, rappreżentat mill-Ministru tal-Ġustizzja. Din l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-Qorti Distrettwali (tribunal d’arrondissement) tal-Lussemburgu jew ta’ Diekirch, skont kif jagħżel ir-rikorrent.
Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta l-pretensjoni?
Informazzjoni dwar il-proċedura biex tkun imressqa pretensjoni tista’ tinkiseb minn:
Ministry of Justice
13, rue Erasme
L-2934 Luxembourg
Tel.: (+352) 247 84527 / (+352) 247 84517
Fax: (+352) 26 68 48 61 / (+352) 22 52 96
Email: info@mj.public.lu
Sit web: http://www.mj.public.lu/
Barra minn hekk, iċ-Ċentru Legali u s-Servizz ta’ Informazzjoni (Service d’Accueil et d’Information juridique) u s-Servizz ta’ Appoġġ għal Vittmi (Service d’aide aux victimes) Servizz Ċentrali għal Assistenza Soċjali (Service central d’assistance sociale) joffru għajnuna u pariri dwar kif jitressqu pretensjonijiet.
Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?
Sit web:
http://www.mj.public.lu/services_citoyens/indemnisation/index.html
https://justice.public.lu/fr/aides-informations/assistance-sociale/scas-service-aide-victimes.htmlNista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji l-pretensjoni?
Kull min jista’ jagħti prova li m'għandux dħul suffiċjenti jista' jirċievi għajnuna legali bla ħlas, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi. Jista’ jinħatar avukat biex joffrilek pariri legali jew jirrappreżentak fil-qorti, bl-ispejjeż li jkunu koperti mill-Istat. Kulħadd jista’ jikkonsulta lill-korpi li joffru informazzjoni legali u pariri jew medjazzjoni. Tista’ taċċessa ċ-Ċentru Legali u s-Servizz ta’ Informazzjoni biex tikseb kwalunkwe informazzjoni legali mingħajr ħlas.
Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?
- Service d’aide aux victimes (Servizz ta’ Appoġġ għal Vittmi), Service central d’assistance sociale (Servizz Ċentrali għal Assistenza Soċjali)
Bâtiment Plaza Liberty, Entrée A
12-18, rue Joseph Junck
L-1839 Luxembourg
Tel.: (+352) 47 58 21-627 / 628
Mobile: (+352) 621 32 65 95
Email: scas-sav@justice.etat.lu
- Service d’Accueil et d’Information juridique (Ċentru Legali u s-Servizz ta’ Informazzjoni):
fil-Lussemburgu,
Cité judiciaire – Bâtiment BC,
L-2080 Luxembourg
Tel.: (+352) 22 18 46
f’Diekirch,
Justice de Paix,
L-9211 Diekirch
Tel.: (+352) 80 23 15
f’Esch-sur-Alzette,
Justice de Paix,
L-4239 Esch-sur-Alzette
Tel.: (+352) 54 15 52
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.