Jekk it-talba tiegħi se tinbagħat minn dan il-pajjiż għal pajjiż ieħor tal-UE

Ġermanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Ġermanja

Liema awtorità ser tgħinni nibgħat talba lil pajjiż ieħor tal-UE?

Il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali
Rochusstraße 1
53123 Bonn

Tel.: +49 228 99527 0
Faks: +49 228 99527 4134

E-mail: dub@bmas.bund.de

Hawnhekk wieħed jista’ jsib aktar informazzjoni:

Dritt għall-kumpens għall-vittmi ta’ reati mwettqa fi Stat Membru ieħor tal-UE (bil-Ġermaniż)

Kumpens għall-vittmi ta’ reati vjolenti mwettqa fi Stat Membru ieħor tal-UE

X'inhu r-rwol tal-punti ta’ kuntatt?

L-awtorità Ġermaniża ta’ assistenza fil-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali tgħin lill-vittmi ta’ reati vjolenti li huma residenti fil-Ġermanja biex jitolbu kumpens fl-Istat Membru Ewropew li fih ikun seħħ ir-reat.

Ir-rwol tagħha jinkludi, b’mod partikolari:

  • tipprovdi lill-vittmi ta’ reati vjolenti informazzjoni dwar l-opzjonijiet li għandhom biex iressqu talba għall-kumpens barra mill-pajjiż (inkluża informazzjoni dwar il-proċedura f'dak il-pajjiż, il-limiti taż-żmien biex iressqu talba, il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, u d-dokumenti ta' sostenn li għandhom jintbagħtu mat-talba);
  • tqiegħed għad-disponibbiltà l-formoli tat-talba ta’ dawk l-Istati Membri fejn ikun seħħ ir-reat;
  • tidentifika l-awtorità inkarigata li tasal għal deċiżjoni dwar it-talba għall-kumpens fl-Istat Membru fejn ikun seħħ ir-reat;
  • tittrażmetti t-talba għall-kumpens u kwalunkwe dokument ta' sostenn lill-awtorità li tiddeċiedi;
  • tittraduċi d-dokumenti u l-korrispondenza bil-lingwa lokali rilevanti bla ħlas;
  • issegwi l-evolviment tal-proċedura għall-kumpens u żżomm aġġornat lil kull min ikun ikkonċernat.

L-Istati Membri tal-UE jiddeċiedu rigward talba abbażi biss tal-liġi nazzjonali tagħhom. L-awtorità Ġermaniża ta’ assistenza ma tistax tinfluwenza l-proċedura fl-Istat Membru l-ieħor jew id-deċiżjoni.

Din l-awtorità se tittraduċi d-dokumenti ta’ sostenn, jekk it-talba li tkun qed tintbagħat tkun teħtieġ dan? Jekk iva, min iħallas għal dan?

Tista’ tibgħat id-dokumenti meħtieġa bil-lingwi nazzjonali tiegħek. Dawn jiġu tradotti għalik bla ħlas.

Hemm ħlasijiet amministrattivi jew ħlas ieħor li għandhom jitħallsu meta t-talba tintbagħat barra l-pajjiż?

L-awtoritajiet Ġermaniżi ma jżommu l-ebda ħlas. Stati Membri oħra tal-UE jaf jimponu xi tariffa li trid titħallas qabel ma t-talba tiegħek tiġi pproċessata.

L-aħħar aġġornament: 16/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.