Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Jekk it-talba tiegħi se tinbagħat minn dan il-pajjiż għal pajjiż ieħor tal-UE

Italja

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Liema awtorità ser tgħinni biex nibgħat pretensjoni f’pajjiż ieħor tal-UE?

Fl-Italja, l-awtorità ta’ assistenza hija l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku (procura generale della Repubblica) fil-qorti tal-appell (corte d’appello) li għandha ġurisdizzjoni fil-post ta’ residenza tar-rikorrent.

X’inhu r-rwol tal-awtorità ta’ assistenza?

Fl-Italja, l-awtorità ta’ assistenza hija l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-appell li għandha ġurisdizzjoni fil-post ta’ residenza tar-rikorrent.

Bil-kapaċità tiegħu bħala awtorità ta’ assistenza, l-uffiċċju għandu d-doveri li ġejjin:

  • li jipprovdi lir-rikorrent bl-informazzjoni essenzjali kollha relatata mas-sistema ta’ kumpens fis-seħħ fl-Istat Membru tal-UE li sar ir-reat fih;
  • li jipprovdi lir-rikorrent bil-formoli meħtieġa biex jippreżenta l-pretensjoni tiegħu;
  • jekk ir-rikorrent jitlob dan, li jipprovdilu gwida ġenerali u informazzjoni dwar kif għandha timtela t-talba u x’dokumentazzjoni tista’ tkun meħtieġa;
  • li jirċievi pretensjonijiet għal kumpens u jressaqhom mingħajr dewmien, flimkien mad-dokumentazzjoni ta’ sostenn, lill-awtorità ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru tal-UE fejn sar ir-reat;
  • li jassisti lir-rikorrent biex jissodisfa kwalunkwe talba għal informazzjoni supplimentari li ssir mill-awtorità ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru tal-UE fejn sar ir-reat;
  • jekk ir-rikorrent jitlob dan, li jittrażmetti kwalunkwe informazzjoni supplimentari u dokumentazzjoni ulterjuri lill-awtorità ta’ deċiżjoni.
  • Jekk l-awtorità ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru tal-UE fejn sar ir-reat tiddeċiedi li tisma’ lir-rikorrent jew lil xi persuna oħra, l-uffiċċju ser jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex jiżgura li l-awtorità ta’ deċiżjoni tkun tista’ tisma’ lill-persuna kkonċernata direttament skont il-liġijiet ta’ dan l-Istat Membru. Jekk issir vidjokonferenza, japplikaw ir-regoli fil-Liġi Nru 11 tas-7 ta’ Jannar 1998.
  • Jekk l-awtorità ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru l-ieħor tal-UE titlob dan, l-uffiċċju nnifsu jisma’ lir-rikorrent jew lil xi persuna oħra u jibgħat rapport tas-seduta lill-awtorità ta’ deċiżjoni.

Din l-awtorità ser tittraduċi d-dokumenti ta’ sostenn, jekk il-pretensjoni li tinħareġ tkun teħtieġ dan? Jekk iva, min iħallas għal dan?

Il-kompiti mwettqa mill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fil-qorti tal-appell, bħala awtorità ta’ assistenza, jistgħu jinkludu t-traduzzjoni tad-dokumenti, li r-rikorrent ma jkun meħtieġ jagħmel l-ebda ħlas għaliha.

L-informazzjoni kollha tintbagħat mill-uffiċċju lill-awtorità ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru l-ieħor tal-UE jew bil-lingwa uffiċjali (jew waħda mil-lingwi uffiċjali) ta’ dan l-Istat Membru, li madankollu għandha tkun waħda mil-lingwi tal-istituzzjonijiet tal-Komunità, jew inkella b’lingwa oħra tal-istituzzjonijiet tal-Komunità li l-Istat Membru ddikjara li jista’ jaċċetta.

Ir-rapporti tas-seduti li jsiru mill-awtorità ta’ assistenza jintbagħtu bit-Taljan.

Hemm imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li għandhom jitħallsu meta l-pretensjoni tintbagħat barra mill-pajjiż?

Le.

L-aħħar aġġornament: 24/02/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.