Jekk it-talba tiegħi (minn pajjiż ieħor) se titqies f’dan il-pajjiż

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens f’każi transfruntiera?

L-Awtorità Griega tal-Kumpens (Archí Apozimíosis)

Nista’ nibgħat it-talba tiegħi direttament lill-awtorità li tieħu d-deċiżjoni f’dan il-pajjiż anki f’każi transfruntiera (mingħajr ma jkolli nirrikorri għand l-awtorità tal-assistenza fil-pajjiż ta’ appartenenza tiegħi)?

Jekk ir-residenza (katoikía) jew ir-residenza abitwali tiegħek (siníthi diamoní) tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, it-talba għandha titressaq lill-awtorità tal-assistenza tal-Istat Membru kkonċernat, u din tibgħatha lill-Awtorità Griega tal-Kumpens. F’dak il-każ, l-Awtorità Griega tal-Kumpens tibgħat l-informazzjoni li ġejja malajr kemm jista’ jkun lill-awtorità tal-assistenza tal-Istat Membru kkonċernat u lill-attur: (a) il-persuna ta’ kuntatt jew id-dipartiment responsabbli mill-indirizzar tal-kwistjoni; (b) rikonoxximent tal-wasla tat-talba; u (c) indikazzjoni approssimattiva taż-żmien li fih ikun mistenni li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba.

F’liema lingwa/i l-awtorità/ajiet tal-kumpens jaċċettaw it-talba?

Il-lingwa uffiċjali għas-sottomissjoni tat-talba u tal-iskambju tal-informazzjoni, tad-data u tad-dokumenti ta’ sostenn hija l-Grieg.

Jekk l-awtorità tal-kumpens tittraduċi t-talba/d-dokumenti ta’ sostenn, min iħallas għal dan?

L-awtorità ma ġġorrx ir-responsabbiltà għat-traduzzjoni u għaldaqstant ma tħallasx dawn l-ispejjeż.

Hemm xi ħlasijiet amministrattivi jew ħlasijiet oħrajn li għandhom jitħallsu f’dan il-pajjiż għall-ipproċessar tat-talba tiegħi (jekk tasal minn pajjiż ieħor tal-UE)? Jekk iva, kif nista’ nħallashom?

Iva, il-ħlas huwa ta’ EUR 50. Jekk it-tariffa ma tkunx tħallset meta t-talba tiġi kkunsidrata mill-Awtorità tal-Kumpens, it-talba tiġi rrifjutata. L-Awtorità Griega tal-Assistenza tista’ tipprovdilek l-informazzjoni dwar it-trasferiment bankarju li tintalab tagħmel.

Jekk tinsab f’pajjiż SEPA (Żona Unika ta’ Pagament bl-Euro), tista’ tħallas it-tariffa elettronika permezz ta’ trasferiment ta’ kreditu SEPA fil-munita euro, mal-Bank of Greece bħala bank riċevitur. In-numru tal-kont IBAN u d-dettalji tat-trasferiment huma dawn:

Isem tal-benefiċjarju: IL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Indirizz tal-benefiċjarju: 10 Kar. Servias St., 10562 Ateni

IBAN tal-benefiċjarju: GR1201000230000000481090510

Kodiċi għall-Identifikazzjoni tan-Negozju (BIC) tal-bank tal-benefiċjarju BNGRGRAA

Informazzjoni dwar it-trasferiment: xxxxxxxxx95xxxxxxxxx (il-kodiċi tal-password / kodiċi tal-ħlas b’20 ċifra jingħatalek mill-Awtorità Griega tal-Assistenza)

Jekk niġi bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tiegħi, nista’ ningħata rimborż għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar? Kif nista’ nitolbu? Lil min għandi nikkuntattja?

L-Awtorità Griega tal-Kumpens tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tistieden lilek, lit-trasgressur jew lil partijiet oħra, bħal xhieda jew esperti, biex tidhru personalment ħalli tixhdu quddiemha.

Jekk il-post tar-residenza jew ir-residenza abitwali tiegħek tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, l-Awtorità Griega tal-Kumpens titlob lill-awtorità tal-assistenza rilevanti biex tisma’ lill-persuna kkonċernata skont il-liġi tal-Istat fejn tkun tinsab u biex tibagħtilha rapport dwar is-smigħ. Tista’ wkoll, b’kooperazzjoni mal-awtorità tal-assistenza rilevanti, twettaq is-smigħ hija stess, skont il-liġi Griega, bit-telefon jew b’vidjokonferenza. F’dak il-każ, l-Awtorità Griega tal-Kumpens ma tistax tobbligak tidher quddiemha. L-Awtorità Griega tal-Assistenza għandha tgħin lill-awtorità tal-kumpens tal-Istat Membru kkonċernat fis-smigħ tiegħek jew fis-smigħ ta’ partijiet oħrajn, bħal xhieda jew esperti.

Għal dan il-għan, l-Awtorità Griega tal-Assistenza, wara talba mill-awtorità tal-kumpens tal-Istat Membru kkonċernat, tagħmel dan li ġej: (a) tassisti lill-awtorità tal-kumpens meta s-seduta titmexxa direttament minn din tal-aħħar bit-telefown jew b’vidjokonferenza, skont il-liġi Griega, u f’dan il-każ l-Awtorità tal-Assistenza tipprovdi u tiżgura l-infrastruttura loġistika meħtieġa; jew (b) tmexxi s-seduta hija stess, skont il-liġi Griega, u tibgħat rapport dwar is-seduta lill-awtorità tal-kumpens tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ imsemmi l-aħħar, ir-rapport dwar is-seduta, li jitfassal bil-Grieg, jinqaleb fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru jew fi kwalunkwe lingwa oħra tal-UE li dak l-Istat Membru jkun indika li jista’ jaċċetta.

L-ispejjeż imġarrba f’dan ir-rigward mill-Awtorità Griega tal-Assistenza jitħallsu mill-Istat Grieg.

Ikun hemm interpretu f’każ li jkolli nkun personalment preżenti?

Iva, ikun hemm interpretu.

Iċ-ċertifikati mediċi mogħtija minn tobba fil-pajjiż tar-residenza tiegħi, jiġu aċċettati jew rikonoxxuti – jew qabelxejn is-saħħa/korriment tiegħi jkollhom jiġu eżaminati mill-esperti mediċi tiegħek?

Huma aċċettati, iżda jibqa’ possibbli li jiġi ordnat isir ukoll rapport minn espert.

Ningħata rimborż għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, jekk ikolli nagħmel eżami mediku f’dan il-pajjiż?

Iva, tingħata rimborż.

Kemm iddum ma tittieħed, bejn wieħed u ieħor, id-deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtorità/korp?

L-Awtorità Griega tal-Kumpens għandha teżamina l-każ fi żmien 3 xhur mid-data li fiha tkun saret it-talba, u għandha tagħti d-deċiżjoni finali tagħha fi żmien 3 xhur mid-data tal-valutazzjoni tat-talba.

F’liema lingwa nirċievi d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

Fil-lingwa li tifhem.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni, kif nista’ nikkontestaha?

Tista’ tippreżenta rikors quddiem il-Qorti Amministrattiva Ġenerali (Dioikitikó Protodikeío) fi żmien 4 xhur.

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna minn avukat) taħt ir-regoli tal-pajjiż l-ieħor?

Il-vittmi ta’ atti kriminali jikkwalifikaw ukoll għal għajnuna legali fir-rigward ta’ kwalunkwe talba kriminali u ċivili. Il-liġi (l-Artikolu 1 tal-Liġi 3226/2004) tipprovdi għajnuna legali lil ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE b’introjtu baxx, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat jekk dawn ikunu residenti legalment jew ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadini b’introjtu baxx intitolati għall-għajnuna legali huma dawk li l-introjtu annwali tal-familja tagħhom ma jaqbiżx iż-żewġ terzi tal-introjtu personali annwali minimu ddefinit fil-Ftehim Kollettiv Nazzjonali Ġenerali tax-Xogħol. Fil-każ ta’ tilwima domestika, l-introjtu tal-parti l-oħra fit-tilwima ma jiġix ikkunsidrat.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinuni nagħmel talba għal kumpens f’każ transfruntier?

Iċ-Ċentru tar-Riċerka għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (Kéntro Erevnón gia Thémata Isótitas – KEThI)

Iċ-Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali (Ethnikó Kéntro Koinonikís Allilengýis – EKKA)

Is-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (Genikí Grammateía Isótitas ton Fýlon)

Il-Kunsill Grieg għar-Refuġjati (Ellinikó Symvoúlio gia tous Prósfyges)

Amnesty International – it-Taqsima Griega (Diethnís Amnistía – Ellinikó Tmíma)

Pulizija Ellenika – Ċiberkriminalità

L-aħħar aġġornament: 14/06/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.