Jekk it-talba tiegħi (minn pajjiż ieħor) se titqies f’dan il-pajjiż

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens f’każijiet transfruntiera?

-

Nista’ nibgħat it-talba tiegħi direttament lill-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet f’dan il-pajjiż anki f’każijiet transfruntiera (mingħajr ma jkolli ngħaddi mill-awtorità tal-assistenza fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħi)?

Għal reati vjolenti u reati sesswali, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità (Oficinas de Asistencia a las Víctimas del delito) huma l-awtorità tal-assistenza.

Tista’ ssib il-post tal-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità fil-ħolqa li ġejja.

Għal reati ta’ terroriżmu, il-Ministeru tal-Intern huwa l-awtorità tal-assistenza.

Tista’ tiċċekkja s-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Intern għal informazzjoni dwar l-awtorità tal-assistenza.

Jista’ jkun hemm każijiet fejn l-awtoritajiet tal-assistenza ta’ Stati Membri oħra jistabbilixxu kuntatt dirett mal-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet, għalkemm aħna nirrakkomandaw li t-talbiet jgħaddu mill-awtoritajiet tal-assistenza.

F’liema lingwa / lingwi l-awtoritajiet tal-kumpens jaċċettaw - it-talba? - id-dokumenti ta’ sostenn?

Il-lingwa aċċettata għat-talbiet għall-kumpens u d-dokumenti hija l-Ispanjol.

Jekk l-awtorità tal-kumpens tittraduċi t-talba/d-dokumenti ta’ sostenn minn pajjiż ieħor tal-UE, min iħallas għal dan?

Din l-informazzjoni mhix disponibbli.

Hemm spejjeż amministrattivi jew oħrajn li jridu jitħallsu f’dan il-pajjiż biex tiġi pproċessata t-talba tiegħi (li tasal minn pajjiż ieħor tal-UE)? Jekk iva, kif nista’ nħallashom?

Le.

Jekk ikolli bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tiegħi, nista’ niġi rrimborżat(a) għall-ispejjeż tiegħi għall-ivvjaġġar? Kif nista’ nitlobhom? Lil min għandi nikkuntattja?

Fil-każ ta’ reati vjolenti u reati sesswali, ladarba jitlestew l-investigazzjonijiet kollha u qabel ma titfassal id-deċiżjoni dwar l-għoti jew ir-rifjut tal-għajnuna mitluba, tiġi organizzata seduta ta’ smigħ għar-rikorrent skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, sabiex ir-rikorrent ikun jista’ jippreżenta l-argumenti rilevanti.

Jekk ir-reat twettaq fi Spanja u r-rikorrent għall-għajnuna jkun resident abitwali fi Stat Membru ieħor tal-UE, meta t-talba għall-għajnuna ssir permezz tal-awtorità tal-assistenza tal-Istat Membru fejn jgħix abitwalment ir-rikorrent, id-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet Pubbliċi tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika (Dirección General de Costes de Personal y Pensiones Públicas del Ministerio de Hacienda y Función Pública), bħala l-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet, jista’ jikseb il-kooperazzjoni tal-awtorità tal-assistenza rilevanti biex iwettaq il-proċedura għas-seduta ta’ smigħ tar-rikorrent jew ta’ kwalunkwe persuni jekk hija tqis li dan huwa meħtieġ.

Sabiex iwettaq is-seduta ta’ smigħ, id-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet Pubbliċi tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika jista’ jitlob lill-awtorità tal-assistenza tal-Istat Membru fejn ir-rikorrent għall-għajnuna huwa resident abitwali biex tipprovdi dak kollu meħtieġ sabiex l-entità li tinvestiga l-għoti jew ir-rifjut tal-għajnuna tkun tista’ tmexxi seduta ta’ smigħ direttament, bit-telefon jew b’vidjokonferenza, jekk ir-rikorrent jaqbel ma’ dan. Barra minn hekk, l-awtorità tal-assistenza li tmexxi s-seduta ta’ smigħ trid tibgħat lid-Direttorat Ġenerali tal-Ispejjeż tal-Persunal u l-Pensjonijiet Pubbliċi tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika rapport tas-seduta ta’ smigħ imwettqa.

Fil-każ ta’ reati ta’ terroriżmu, japplikaw l-istess regoli bħar-reati vjolenti u r-reati sesswali f’każijiet fejn ir-reat ikun twettaq fi Spanja u r-rikorrent għall-għajnuna jkun resident abitwali fi Stat Membru ieħor tal-UE, jekk it-talba għall-għajnuna ssir permezz tal-awtorità tal-assistenza tal-Istat Membru fejn ir-rikorrent ikun resident abitwali, u huwa l-Ministeru tal-Intern, permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Appoġġ tal-Vittmi ta’ Terroriżmu, bħala l-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet, li jwettaq l-azzjonijiet deskritti hawn fuq fir-rigward tas-seduta ta’ smigħ.

Kif stabbilit hawn fuq, huwa possibbli li s-seduta ta’ smigħ titmexxa bit-telefon jew b’vidjokonferenza jekk ir-rikorrent jaqbel ma’ dan, b’hekk jiġu evitati spejjeż għall-ivvjaġġar.

Jiġi pprovdut interpretu, f’każ li jkolli nkun preżenti personalment?

B’mod ġenerali, għall-vittmi ta’ kwalunkwe reat, kwalunkwe vittma li ma titkellimx jew ma tifhimx l-Ispanjol jew il-lingwa uffiċjali użata fil-proċedimenti għandha d-dritt li tiġi assistita mingħajr ħlas minn interpretu li jitkellem lingwa li tifhem il-vittma meta ssir dikjarazzjoni fl-istadju tal-investigazzjoni mill-maġistrat, il-prosekutur pubbliku jew uffiċjali tal-pulizija, jew meta persuna tiġi involuta bħala xhud fil-proċess jew fi kwalunkwe proċediment orali ieħor. Dan id-dritt japplika wkoll għal persuni b’nuqqas ta’ smigħ jew b’diffikultajiet fit-taħdit.

L-assistenza minn interpretu tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ vidjokonferenza jew kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni, sakemm l-imħallef jew il-qorti, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, ma jiddeċidux li l-interpretu jkun fiżikament preżenti sabiex jissalvagwardja d-drittijiet tal-vittma.

Fil-każ ta’ azzjoni tal-pulizija, kwalunkwe deċiżjoni li ma jiġix ipprovdut interpretar lil vittma tista’ tiġi appellata quddiem il-maġistrat inkwirenti. Dan l-appell jiġi mifhum li ġie ppreżentat meta l-persuna affettwata mid-deċiżjoni tesprimi l-iskuntentizza tagħha fiż-żmien tar-rifjut.

Deċiżjoni ġudizzjarja biex ma jiġix ipprovdut interpretar lil vittma tista’ tiġi appellata.

Barra minn hekk, l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità, li huma l-awtoritajiet tal-assistenza għar-reati transfruntiera, jipprovdu informazzjoni lill-vittmi dwar is-servizzi ta’ interpretar disponibbli.

Ċertifikati mediċi, mogħtija minn tobba fil-pajjiż ta’ residenza tiegħi, jiġu aċċettati jew irrikonoxxuti – jew is-saħħa / il-korriment tiegħi jkollhom jiġu eżaminati mill-esperti mediċi tagħkom?

Id-dokumenti kollha inklużi mat-talba jridu jiġu tradotti għall-Ispanjol, peress li din hija l-unika lingwa aċċettata mill-awtorità tal-kumpens.

Niġi rrimborżat(a) għall-ispejjeż għall-ivvjaġġar tiegħi jekk ikolli nagħmel eżami mediku f’dan il-pajjiż?

Le.

Kemm jgħaddi żmien bejn wieħed u ieħor sakemm tittieħed deċiżjoni dwar il-kumpens mill-awtorità/mill-entità?

Fil-każ ta’ reati vjolenti u reati sesswali, il-perjodu perentorju għat-talba tal-għajnuna ġeneralment ikun ta’ sena mid-data li fiha seħħ ir-reat.

Il-limiti ta’ żmien biex tinħareġ deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta l-għajnuna, b’mod finali jew provviżorju, huma kif ġej:

  • Għal korrimenti li jikkawżaw diżabbiltà, aggravar ta’ tali korrimenti jew mewt: sitt (6) xhur.
  • Għal inkapaċità temporanja: 4 xhur.
  • Għall-ispejjeż ta’ trattament terapewtiku wara reati sesswali u għall-ispejjeż tal-funeral: xahrejn.

It-talbiet jistgħu jitqiesu bħala rrifjutati jekk ma tkun ħarġet l-ebda deċiżjoni b’mod ċar meta l-perjodu perentorju biex tinħareġ deċiżjoni jkun skada.

Fil-każ ta’ reati ta’ terroriżmu, b’mod ġenerali t-talbiet iridu jkunu ġew ippreżentati fi ħdan perjodu perentorju ta’ sena minn meta seħħ id-dannu jew miż-żmien meta kien hemm dijanjosi li turi relazzjoni kawżali bejn il-konsegwenza u l-att terroristiku. Fil-każ ta’ għajnuna għall-istudju, il-perjodu perentorju huwa ta’ tliet xhur mir-reġistrazzjoni għall-kors.

Il-perjodu perentorju biex tiġi adottata u nnotifikata d-deċiżjoni rilevanti huwa ta’ 12-il xahar, ħlief għall-għajnuna għall-istudju fejn huwa ta’ 6 xhur, u t-talba titqies bħala approvata jekk il-limiti ta’ żmien ikunu skadew mingħajr ma tkun ħarġet deċiżjoni ċara.

F’liema lingwa nirċievi d-deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

Bl-Ispanjol.

Jekk ma nkunx sodisfatt(a) bid-deċiżjoni, kif nista’ nikkontestaha?

Għal reati vjolenti u reati sesswali, ir-rikorrenti jistgħu jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika dwar l-għajnuna stabbilita legalment fi żmien perjodu ta’ xahar wara n-notifika. Jekk id-deċiżjoni ma tiġix ikkontestata fi ħdan dak il-perjodu perentorju, l-unika possibbiltà tkun li tiġi ppreżentata talba għal rieżami eċċezzjonali lill-Ministeru msemmi hawn fuq.

Il-kontestazzjoni tista’ ssir lill-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika jew lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Għajnuna u l-Assistenza lill-Vittmi ta’ Reati Vjolenti (Comisión Nacional de Ayuda y Asistencia a las Víctimas de Delitos Violentos).

Il-Kummissjoni Nazzjonali hija l-entità kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-kontestazzjonijiet għad-deċiżjonijiet tal-Ministeru tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni Pubblika dwar l-għajnuna mogħtija skont il-leġiżlazzjoni applikabbli.

Jekk jgħaddu tliet xhur wara l-kontestazzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni Nazzjonali tadotta deċiżjoni, il-kontestazzjoni tista’ titqies bħala miċħuda, u jista’ jiġi ppreżentat appell għal rieżami ġudizzjarju kontriha.

Fil-każ ta’ reati ta’ terroriżmu, id-deċiżjonijiet maħruġa mill-Ministeru tal-Intern dwar il-proċeduri amministrattivi biex issir talba għat-tipi differenti ta’ għajnuna jistgħu jiġu appellati internament jew ikkontestati direttament fis-sistema legali tal-ġustizzja amministrattiva.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) skont ir-regoli tal-pajjiż l-ieħor?

Fil-każ ta’ reati vjolenti u reati sesswali, il-vittmi jistgħu jitolbu għajnuna legali skont ir-rekwiżiti u l-proċedura stabbiliti fil-leġiżlazzjoni applikabbli fi Spanja.

B’mod partikolari, skont il-leġiżlazzjoni Spanjola, il-vittmi ta’ vjolenza abbażi ta’ sess għandhom id-dritt jirċievu parir legali mingħajr ħlas immedjatament wara li jippreżentaw ilment, u għal difiża u rappreżentanza minn avukat u rappreżentant tal-qorti mingħajr ħlas fil-proċessi u l-proċedimenti amministrattivi kollha li jirriżultaw direttament jew indirettament mill-vjolenza mġarrba.

F’dawn is-sitwazzjonijiet, tim legali wieħed għandu jmexxi d-difiża tal-vittma, sakemm dan jiggarantixxi kif xieraq id-dritt tad-difiża tal-vittma. Dan id-dritt japplika wkoll għall-benefiċjarji ta’ kwalunkwe għajnuna fil-każ ta’ mewt tal-vittma, sakemm ma kinux involuti fl-atti.

Fil-każ ta’ reati ta’ terroriżmu, il-vittmi ta’ terroriżmu rrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni Spanjola għandhom id-dritt għal għajnuna legali fil-proċedimenti ġudizzjarji u l-proċeduri amministrattivi kollha li jirriżultaw mill-att terroristiku li rriżulta fl-istatus tagħhom ta’ vittma, irrispettivament mir-riżorsi finanzjarji tagħhom, skont it-termini tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna legali fis-seħħ fi Spanja.

Fi kwalunkwe każ, tiġi ggarantita għajnuna legali immedjata lill-vittmi kollha ta’ terroriżmu li japplikaw għaliha. Id-dritt għal għajnuna legali jintilef jekk l-istatus ta’ vittma sussegwentement ma jiġix irrikonoxxut jew jekk tinħareġ liberazzjoni li ma tistax tiġi appellata, jew il-każ jiġi miċħud, mingħajr l-ebda obbligu li titħallas lura l-ispiża tal-benefiċċji li jkunu tgawdew mingħajr ħlas sa dak il-punt.

Hemm organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi f’dan il-pajjiż li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens f’każ transfruntier?

Għal reati vjolenti u reati sesswali, għal għajnuna biex jiġu ppreżentati u jintbagħtu talbiet għall-għajnuna, ir-rikorrenti jistgħu jżuru l-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità rilevanti, fejn tingħatalhom informazzjoni dwar l-għajnuna finanzjarja li tista’ tapplika għalihom u l-proċeduri differenti biex jitolbu din l-għajnuna.

Dawn l-uffiċċji jinsabu fil-komunitajiet awtonomi kollha, kważi fil-bliet kapitali provinċjali kollha, u anki fi bliet oħrajn.

Tista’ ssib il-post tal-Uffiċċji ta’ Appoġġ għall-Vittmi tal-Kriminalità fil-ħolqa li ġejja.

L-Uffiċċju ta’ Appoġġ u Informazzjoni għall-Vittmi tat-Terroriżmu tal-Qorti Superjuri Nazzjonali (Oficina de Información y Asistencia a Víctimas del Terrorismo de la Audiencia Nacional) jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar l-għajnuna finanzjarja li tista’ tapplika għall-vittmi ta’ terroriżmu. Dan l-Uffiċċju jinsab:

C/ Goya, 14, 5ª planta, 28071 MADRID.

Numru tat-telefon ta’ kuntatt: + 34 91 400 74 02

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.