Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Danimarka

Il-kontenut ipprovdut minn
Danimarka

Kif nista’ nitlob id-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjoni mingħand awtur ta’ reat li għaddej proċess (proċedimenti kriminali) u lil min għandi nindirizzaha t-talba?

It-talba tal-applikant għall-kumpens tista’ tiġi nkluża fil-proċedimenti kriminali fil-qrati. F’dan il-każ, l-imħallef jista’ jagħżel li jew jikkunsidra t-talba jew jiċħadha. Dan jiddependi mill-awtur tar-reat jekk hux qiegħed jikkontesta t-talba jew le, kif ukoll mill-fatt jekk hemmx dokumentazzjoni għat-talba, anke minħabba l-importanza tagħha.

It-talba trid issir quddiem il-qorti fir-rigward tal-awtur tar-reat bil-miktub jew oralment, ħalli l-awtur tar-reat ikun jista’ jwieġeb għat-talba. Dan jista’ jsir billi wieħed jidher personalment matul il-proċess jew permezz ta’ rappreżentant (tipikament avukat ad litem).

It-talba tista’ tiġi sottomessa wkoll lill-pulizija, li mbagħad tinkludi t-talba fil-proċedimenti l-qorti.

Għalkemm it-talba tkun ġiet mismugħa mill-qrati waqt il-proċedimenti kriminali, l-applikant xorta jista’ jissottometti l-applikazzjoni quddiem il-Bord ta’ Kumpens għall-Korrimenti Kriminali Daniż. Dan huwa partikolarment rilevanti f’każijiet fejn l-awtur tar-reat ma jħallasx kumpens skont is-sentenza.

F’liema stadju tal-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta t-talba?

It-talbiet għal kumpens jistgħu jiġu ppreżentati kmieni, sa mill-ewwel intervista mal-pulizija u jenħtieġ li jiġu ppreżentati mhux iktar tard mis-seduta ta’ smigħ ewlenija l-qorti.

Għal xiex nista’ nistaqsi fit-talba u kif għandi nippreżentaha (għandi nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-qligħ mitluf u l-interessi)?

Jekk sofrejt telf li għalih huwa responsabbli l-awtur tar-reat, inti tista’ titlob kumpens għal dan it-telf. L-Att Daniż dwar ir-Responsabbiltà u l-Kumpens fih, fost affarijiet oħra, diversi affarijiet li għalihom l-applikant jista’ jitlob kumpens.

Dawn jinkludu:

  • lLispejjeż għat-trattament
  • Id-dħul mitluf
  • L-uġigħ u t-tbatija
  • Korriment permanenti
  • It-telf tal-kapaċità ta’ qligħ
  • It-telf tal-persuna li kienet taqla l-qligħ prinċipali
  • L-ispejjeż tal-funeral
  • Tort
  • Ksur serju
  • Dannu lill-propjetà
  • Telf monetarju

Hemm formola speċifika għal dawn it-talbiet?

Wieħed jista’ juża l-formola ta’ applikazzjoni provduta mill-Bord Daniż għall-Kumpens minħabba Korrimenti Kriminali. Il-Bord jirrakkomanda li bħala applikant tuża l-formola, iżda dan mhux rekwiżit.

Liema provi rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Dan jiddependi fuq il-kumpens li qed tapplika għalih. It-telf għandu jkun raġonevoli, u għal xi oġġetti hemm rekwiżit għal dokumenti rigward l-ammont tat-telf.

Id-dokumentazzjoni tista tinkludi, pereżempju, irċevuti għal spejjeż imġarrba b’rabta ma reat kriminali. Barra minn hekk, ir-rekords u r-rapporti mediċi frekwentement jintużaw b’rabta mad-determinazzjoni tal-firxa tal-korriment. Rigward it-telf tal-qligħ u tal-kapaċità ta’ qligħ, l-applikant jenħtieġ li jissottometti dokumentazzjoni rigward il-qligħ tiegħu, kemm qabel u wara l-korriment, permezz ta’ payslips, kontijiet annwali u, jekk applikabbli, dikjarazzjoni mill-impjegatur tiegħu.

Jekk il-qorti ssib li t-talba mgħandix dokumentazzjoni xierqa, u l-konvenut jikkontesta l-ħlas tal-kumpens, ir-rikorrent jispiċċa jirriskja li l-qorti ma tinkludix it-talba għad-danni fil-proċedimenti kriminali.

Hemm xi tariffi tal-qortu jew spejjeż oħra relatati mat-talba tiegħi?

Le. Jekk it-talba ssir b’rabta mal-kawża kriminali, mhemmx spejjeż marbuta ma dan għar-rikorrent.

Għandi dritt għall-għajnuna legali qabel u/jew matul il-proċedimenti? Għandi dritt għaliha jekk ma ngħix fil-pajjiż fejn qed isiru l-proċedimenti?

Iva. Bħala rikorrent, inti għandek il-possibiltà, skont ċertu kundizzjonijiet, li l-qorti taħtar avukat ad litem għalik mingħajr ħlas.

Il-qorti kriminal meta tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra l-awtur tar-reat?

F’kull ħin matul il-proċedimenti kriminali il-qorti tista’ tirrifjuta li tisma’ kawża ċivili jekk issib li l-kunsiderazzjoni tagħha matul il-proċedimenti kriminali ma jistgħux isiru mingħajr inkonvenjent sinifikanti.

Jekk il-qorti ssib li l-informazzjoni b’sostenn tat-talba mhix kompluta jew li l-kundanna jew il-ħelsien li sseħħ rigward ir-reat kriminali ma jirriżultax f’deċiżjoni li tappoġġja t-talba, it-talba ma tiġix ikkunsidrata.

Nista nappella minn din id-deċiżjoni jew nuża mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Id-deċiżjoni tal-qorti li ma tinkludix it-talba għad-danni matul il-proċedimenti kriminali ma tistax tiġi appellata.

Minflok, ir-rikorrent irid iressaq it-talba għal kumpens permezz ta’ kawża ċivili jew iressaqha quddiem il-Bord ta’ Kumpens għall-Korrimenti Kriminali Daniż.

Jekk nirbaħ id-danni mingħand qorti, kif niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u liema għajnuna nista’ nikseb għal dan il-għan?

Inizjalment tista’ tikkuntattja lill-awtur tar-reat, li jista’ jkun iħallsek immedjatament. B’hekk, tkun tista’ tirċievi kumpens malajr u l-każ jintemm.

Jekk l-awtur tar-reat ma jħallsekx b’mod volontarju, jew hemm aktar talbiet għal kumpens li jeħtieġu proċedimenti itwali, inti tista’ tissottometti t-talbiet tiegħek lill-Bord ta’ Kumpens għall-Korrimenti Kriminali Daniż.

Biex kollox ikun ċar għandu jingħad li mhix rekwiżit li inti l-ewwel għandek tipprova tiġbor il-kumpens mingħand l-awtur tar-reat qabel tissottometti applikazzjoni quddiem il-Bord ta’ Kumpens għall-Korrimenti Kriminali Daniż.

Il-Bord ta’ Kumpens għall-Korrimenti Kriminali Daniż imbagħad jiftaħ talba għal ħlas kontra l-awtur tar-reat.

L-aħħar aġġornament: 05/05/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.