Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Finlandja

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

Kif nista’ nagħmel talba għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju / sodisfazzjon minn awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?

It-talbiet għal kumpens li jirriżultaw minn reat normalment jiġu pproċessati bħala parti mill-istess proċess bħal dak għall-każ kriminali, iżda dawn jistgħu jiġu separati wkoll għal proċessar taħt proċedimenti differenti.

Inti tista’ titlob lill-prosekutur biex jippreżenta t-talba għal kumpens tiegħek għar-reat inkwistjoni fil-qorti. Tkun idea tajba li tinforma lill-pulizija dwar dan matul l-investigazzjoni preliminari. Il-prosekutur jista’ jsegwi t-talba għal kumpens f’ismek jekk il-kwistjoni hija ċara u sempliċi. Jekk il-prosekutur ma jippreżentax it-talba għal kumpens, hu/hi se jinnotifikak/tinnotifikak bil-miktub.

Inti tista’ wkoll issegwi t-talba tiegħek għad-danni fil-qorti inti stess matul il-proċedimenti għall-każ kriminali, jew dan jista’ jsir f’ismek minn konsulent legali.

F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?

Jekk inti titlob kumpens mill-awtur tar-reat, inti għandek tirrapporta dan lill-pulizija matul l-investigazzjoni preliminari, jew l-iktar lill-qorti meta l-każ jinstema’ minnha.

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u / jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti u l-imgħaxijiet mitlufa)?

Jekk inti vittma ta’ reat, inti tista’ titlob kumpens għal:

  • proprjetà miksura jew mitlufa b’konnessjoni mad-dannu;
  • kwalunkwe kost mediku meħtieġ u kost ieħor essenzjali;
  • telf ta’ qligħ;
  • uġigħ u problemi oħra temporanji;
  • problemi permanenti; u
  • dieqa mentali. Jista’ jitħallas kumpens għad-dieqa mentali jekk l-att inkwistjoni:
    • kiser il-libertà, il-paċi, l-unur jew il-ħajja privata tiegħek;
    • iddiskrimina kontra tiegħek;
    • kiser l-integrità personali tiegħek; jew
    • kiser serjament id-dinjità umana tiegħek b’xi mod ieħor.

Il-qraba tiegħek jistgħu wkoll ikunu intitolati għal kumpens raġonevoli għall-kostijiet essenzjali u t-telf ta’ qligħ ikkawżati lilhom minħabba li kellhom jieħdu ħsiebek minħabba l-korrimenti li inti ġarrabt bħala riżultat tar-reat.

Jekk inti għamilt l-arranġamenti għad-dfin ta’ persuna li mietet bħala riżultat ta’ reat, inti għandek id-dritt li titlob għal kumpens mill-awtur tar-reat għall-kostijiet li kellek għad-dfin. Il-ġenituri, tfal u konjuġi tal-mejjet jew persuna oħra komparabbli li huma qrib b’mod partikolari tal-mejjet għandhom id-dritt għal kumpens raġonevoli għall-kostijiet tad-dfin li jkollhom iħallsu.

Il-qorti ma tistax tordna kwalunkwe ħaġa oħra jew iktar minn dak li inti titlob bħala l-parti interessata. It-talbiet għal kumpens li inti tippreżenta għalhekk huma l-ogħla limitu tal-kumpens li jista’ jiġi ordnat. Inti għandek ukoll id-dritt li titlob l-imgħax fuq l-ammont tal-kumpens li tkun tlabt. Jekk inti tiġi mħarrek biex tiċċara l-kwistjoni personalment fil-qorti, inti għandek id-dritt li tikseb allowance ta’ kuljum u kumpens għall-kostijiet tal-ivvjaġġar u t-telf ta’ qligħ li jkollok.

Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

Ma hemm l-ebda formola speċifika.

X’evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Inti tista’ tagħti prova tal-ammont tad-dannu billi tippreżenta riċevuti għall-ispejjeż ikkawżati mir-reat. Trid tiġi sottomessa wkoll evidenza għal kwalunkwe telf ta’ qligħ, eċċess tal-assigurazzjoni u kwalunkwe kost tal-ivvjaġġar u oħrajn relatati mal-ħtieġa li inti tippreżenta ruħek biex tiċċara l-każ li qed titlob kumpens għalih.

Għall-uġigħ u problemi oħra temporanji, kif ukoll għal problemi permanenti, il-kumpens huwa ddeterminat b’kunsiderazzjoni tan-natura u s-severità tal-korriment, in-natura u d-dewmien tal-kura meħtieġa għalih, u d-dewmien tal-problema. Il-kumpens għal problema permanenti huwa ddeterminat b’kunsiderazzjoni tan-natura u s-severità tal-korriment personali u l-età tal-persuna li għandha l-problema. Kull aggravament partikolari fil-kwalità tal-ħajja tal-persuna li ssofri minn korriment personali wkoll jista’ jingħata kunsiderazzjoni bħala fattur biex jiżdied l-ammont ta’ kumpens mogħti. Sabiex tagħti prova ta’ dan, inti teħtieġ dikjarazzjonijiet tat-tobba li jispjegaw in-natura tal-korrimenti u l-kura meħtieġa biex dawn jiġu ttrattati.

Hemm xi tariffi tal-qrati jew kostijiet oħra marbuta mat-talba tiegħi?

Ma hija se tintalab l-ebda tariffi tal-qorti għas-smigħ tal-każ fil-qorti distrettwali (käräjäoikeus) jekk it-talba għal kumpens tiġi segwita flimkien mal-akkużi li jippreżenta l-prosekutur. Jekk it-talbiet għal kumpens jiġu ppreżentati bħala kawża ċivili separata, tintalab tariffa tal-qorti għas-smigħ tal-każ.

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u / jew waqt il-proċedimenti? Nista’ nirċiviha anki jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?

Jekk inti tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tingħata għajnuna legali, inti tista’ tingħata għajnuna legali kemm għall-investigazzjoni preliminari kif ukoll għall-proċedimenti tal-qorti. Vittma ta’ vjolenza domestika, reat sesswali jew reat serju kontra l-ħajja, is-saħħa jew il-libertà tal-vittma jista’ jkollha konsulent imħallas mill-fondi tal-Istat. Tista’ tinkiseb għajnuna legali għall-każijiet li jinstemgħu mill-qrati Finlandiżi, anki jekk inti ma tgħix fil-Finlandja.

Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra l-awtur tar-reat?

Jekk inti rrapportajt matul l-investigazzjoni preliminari li inti tixtieq issegwi t-talba għal kumpens tiegħek inti stess jew bl-użu ta’ avukat, jew jekk il-prosekutur ma jaċċettax li jsegwi t-talba tiegħek, il-qorti distrettwali se titolbok dwar kwalunkwe talbiet għal kumpens li jista’ jkollok. Il-qorti distrettwali tista’ tistabbilixxi data ta’ skadenza sa meta għandek tibgħatilha t-talba għal kumpens. Jekk ma tippreżentax it-talba bil-miktub dan jista’ jfisser li l-qorti distrettwali ma tinvestigax talba għal kumpens li inti tippreżenta aktar ’il quddiem.

Il-qorti tiċħad it-talba għal kumpens tiegħek jekk ma tiġix ippreżentata biżżejjed evidenza biex issostniha.

Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju / sodisfazzjon?

Jekk inti tixtieq tappella kontra d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali, inti trid tinnotifika lil dik il-qorti dwar in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħek fi żmien sebat ijiem mid-data li fiha toħroġ is-sentenza. Meta tkun innotifikajt il-qorti bin-nuqqas ta’ sodisfazzjon tiegħek, inti tista’ tappella kontra s-sentenza quddiem il-Qorti ta’ Appell kompetenti (hovioikeus). L-ittra ta’ appell tiegħek trid tintbagħat lill-qorti distrettwali fi żmien 30 ġurnata mid-data ta’ ħruġ tas-sentenza tal-qorti distrettwali. Bħala regola ġenerali, inti jkollok tieħu l-liv sabiex il-Qorti tal-Appell tkun tista' tipproċessa l-każ sew.

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex nagħmel dan?

Jekk l-imputat ma jħallasx volontarjament il-kumpens ordnat, inti tista’ tapplika biex it-talba tiegħek tiġi eżegwita minn uffiċjal ġudizzjarju. Inti trid tibgħat lill-uffiċjal ġudizzjarju l-applikazzjoni għal eżekuzzjoni u tinkludi magħha d-deċiżjoni tal-qorti li tikkonferma d-dritt tiegħek għad-danni. L-applikazzjoni għal eżekuzzjoni issir lill-uffiċjal ġudizzjarju għall-post fejn id-debitur jgħix jew għandu post ta’ residenza. Jekk hemm diversi debituri u dawn jgħixu f’lokalitajiet differenti, huwa biżżejjed li tippreżentaapplikazzjoni lil uffiċjal ġudizzjarju wieħed. Inti tista’ titlob gwida iktar dettaljata dwar kif tapplika għal kumpens mill-uffiċċju tal-eżekuzzjoni (ulosottovirasto). Tista’ ssib id-dettalji tal-kuntatt għall-uffiċċji tal-eżekuzzjonihawnhekk (bil-Finlandiż, bl-Iżvediż u bl-Ingliż).

L-aħħar aġġornament: 19/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.