- Kif nista’ nressaq talba għal danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn trasgressur fi proċess (proċedimenti kriminali) u lil min għandi nindirizza din it-talba?
- F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nressaq talba?
- X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (indika ammont totali u/jew speċifika t-telf individwali, il-profitti u l-imgħaxijiet mitlufa)?
- Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?
- Liema evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?
- Hemm tariffi tal-qrati jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?
- Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew tul il-proċedimenti? Nista’ nirċiviha jekk jien ma nkunx ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?
- F’liema każijiet il-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trasgressur?
- Nista’ nappella kontra tali deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?
- Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra t-trasgressur u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?
Kif nista’ nressaq talba għal danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn trasgressur fi proċess (proċedimenti kriminali) u lil min għandi nindirizza din it-talba?
L-uniku prerekwiżit huwa “talba ta’ adeżjoni” [talba tad-dritt ċivili fi proċedimenti kriminali] li fiha s-suġġett u r-raġunijiet tat-talba huma deskritti b’mod sħiħ (ara l-mistoqsija 3 għad-dettalji). It-talba tista’ tiġi indirizzata lill-pulizija, lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew lill-qorti kompetenti (ara l-mistoqsija 2).
F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nressaq talba?
It-talba tista’ tiġi ppreżentata bil-miktub meta r-reat jiġi rrappurtat lill-pulizija. Tista’ wkoll tiġi sottomessa aktar tard bil-miktub lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew lill-qorti, jew reġistrata mill-iskrivan tal-qorti (fir-Rechtsantragsstelle (dipartiment fil-qrati Ġermaniżi fejn jistgħu jiġu sottomessi talbiet u dikjarazzjonijiet oħra)). Talba tista’ titressaq wkoll oralment fis-seduta prinċipali.
Ġeneralment huwa rrakkomandat li talba ssir kmieni kemm jista’ jkun, mhux l-inqas biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ma tittieħed l-ebda deċiżjoni minħabba dewmien proċedurali konsiderevoli.
X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (indika ammont totali u/jew speċifika t-telf individwali, il-profitti u l-imgħaxijiet mitlufa)?
It-talba għandha tippreżenta b’mod ċar dak li tixtieq mill-akkużat u għaliex. Bħala regola, jekk teħtieġ ammont ta’ flus biex tikkumpensa għal telf finanzjarju (eż. telf ta’ qligħ, proprjetà bil-ħsara), għandek tikkwantifika dan b’mod preċiż. L-ammont ta’ kumpens għal uġigħ u tbatija (Schmerzensgeld), min-naħa l-oħra, jista’ jitħalla għad-diskrezzjoni tal-qorti. Madankollu, anke f’dak il-każ għandek tagħti figura approssimattiva u tippreżenta l-bażi li fuqha l-ammont ta’ Schmerzensgeld għandu jiġi kkalkulat jew stmat. Trid tippreżenta l-fatti biex tiġġustifika t-talba tiegħek bl-akbar dettall possibbli (eż. deskrizzjoni tar-reat, informazzjoni dwar id-danni u l-ħsara lill-proprjetà li tkun saret).
Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?
Le. Ma hemm l-ebda formola speċifika.
Eżempju ta’ talba skont il-proċedura ta’ adeżjoni jinstab fil-paġna 63 (eżempju 5) tal-“Guide for victims” bl-Ingliż (bil-Ġermaniż: Opferfibel) ippubblikat mill-Ministeru Federali għall-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur. Il-Guide for victims on the rights of injured parties in criminal proceeding jinstab inter alia fuq https://www.hilfe-info.de/ taħt l-intestatura “Publications” fil-verżjoni Ingliża tas-sit web.
Liema evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?
Għandek telenka jew tippreżenta l-evidenza disponibbli kollha li hi meħtieġa biex tagħti prova u issostni t-talba tiegħek (eż. fatturi, ċertifikati). Tista’ wkoll tirreferi b’mod espliċitu għar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tax-xhieda li inti tajt lill-pulizija jew għall-att tal-akkuża nnifisha.
Hemm tariffi tal-qrati jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?
Jekk int bħala l-applikant ingħatajt il-kumpens mitlub, ma jkollok tħallas l-ebda tariffa tal-qorti; kwalunkwe spiża li kellek iġġarrab, eż. telf ta’ qligħ minħabba l-parteċipazzjoni fi proċedimenti tal-qorti, għandha titħallas mill-akkużat.
Jekk it-talba tiegħek ma tintlaqax jew tintlaqa’ biss parzjalment, jekk inti tirtira t-talba tiegħek jew jekk il-qorti toqgħod lura milli tieħu deċiżjoni, il-qorti tiddeċiedi, wara kunsiderazzjoni xierqa, min għandu jħallas l-ispejjeż tal-qorti u l-ispejjeż tal-partijiet (eż. l-ispejjeż legali).
B’differenza f’kawżi ċivili, anke jekk it-talba għall-kumpens ma tkunx ta’ suċċess, peress li inti l-parti li ġġarrab id-dannu ma għandekx tħallas l-ispejjeż tal-qorti.
Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew tul il-proċedimenti? Nista’ nirċiviha jekk jien ma nkunx ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?
Mhux assolutament neċessarju li wieħed jqabbad avukat, iżda jista’ jkun rakkomandat f’ċerti każijiet. Pereżempju, jekk tkun kawża kumplessa li tinvolvi diversi trasgressuri, jekk ikun hemm kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ċivili diffiċli, jew jekk il-qorti tiddeċiedi li t-talbiet mogħtija (eż. somma ta’ flus) għandhom jiġu infurzati permezz ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni. Jekk il-kundizzjonijiet legali jiġu sodisfatti (partikolarment il-bżonn), tista’ tingħata għajnuna legali biex tkopri l-ispejjeż ta’ avukat.
F’liema każijiet il-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trasgressur?
Il-qorti mhux se tiddeċiedi fuq it-talba għall-kumpens jekk l-akkużat ikun liberat jew il-proċeduri jitwaqqfu, jekk it-talba tkun inammissibbli jew infondata fil-fehma tal-qorti, jew jekk, bħala eċċezzjoni, ma jkunx xieraq li l-qorti tiddeċiedi dwar it-talba bħala parti mill-proċedimenti kriminali.
Nista’ nappella kontra tali deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?
Jista’ jiġi ppreżentat ilment immedjat kontra d-deċiżjoni tal-qorti li toqgħod lura milli tieħu deċiżjoni dwar it-talba għax tqis li l-kundizzjonijiet għal deċiżjoni dwar it-talba ma ġewx sodisfatti.
Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra t-trasgressur u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?
Deċiżjonijiet ta’ adeżjoni u soluzzjonijiet milħuqa fil-proċedura ta’ adeżjoni jistgħu jiġu eżegwiti skont ir-regoli ġenerali għall-eżekuzzjoni. L-eżekuzzjoni titwettaq fuq il-bażi ta’ kopja infurzabbli tad-deċiżjoni jew tas-soluzzjoni milħuqa, li tinħareġ mill-iskrivan tal-qorti kriminali.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.