Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Grieg ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliżir-Rumenis-Sloven diġà ġew tradotti.
Swipe to change

Talba għall-ħlas tad-danni mingħand min ikun wettaq ir-reat

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja
Ma hemm l-ebda traduzzjoni uffiċjali tal-verżjoni tal-lingwa li qed tara.
Hawnhekk tista' tara verżjoni tradotta awtomatikament ta' dan il-kontenut. Jekk jogħġbok innota li din hi pprovduta biss għal finijiet kuntestwali. Is-sid ta’ din il-paġna ma jaċċetta ebda responsabbiltà jew obbligazzjoni fir-rigward tal-kwalità ta’ dan it-test tradott b'mod awtomatiku.

Kif nista’ nressaq talba għad-danni jew mezzi oħrajn ta' rimedju/sodisfazzjon minn trażgressur fi proċess (proċeduri kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?

Fl-istadju ta’ qabel il-proċess tal-proċeduri kriminali, għandek tiddikjara li tixtieq tingħaqad mal-proċeduri kriminali bħala parti ċivili meta tagħmel kwerela mal-prosekutur pubbliku jew mal-awtoritajiet tal-pulizija xierqa, u f’dan il-każ għandek tagħmel dikjarazzjoni fil-kwerela stess. Tista’ wkoll tagħmel dik id-dikjarazzjoni waqt l-investigazzjoni tar-reat, f’dokument proċedurali separat (dikógrafo) li jagħti avviż lill-pulizija, lill-prosekutur pubbliku jew lill-awtoritajiet investigattivi, u tista’ wkoll tagħmel dikjarazzjoni direttament lill-qorti sakemm ma tkunx bdiet l-eżami tal-provi (l-Artikoli 82-83 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

F’liema punt tal-proċeduri kriminali għandi nippreżenta t-talba?

(A) Fl-istadju ta’ qabel il-proċess, kif spjegat hawn fuq (l-Artikolu 83 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali)

(B) Fil-qorti, b’dikjarazzjoni orali sempliċi qabel il-kumpilazzjoni tax-xhieda, mingħajr il-ħtieġa ta’ proċedura bil-miktub qabel il-proċess, jekk tkun qed titlob kumpens għal uġigħ u tbatija u danni mhux materjali mġarrbin kaġun tar-reat imwettaq kontrik, jew b’notifika lill-persuna akkużata mill-inqas ħamest ijiem qabel id-data tas-smigħ, jekk qed titlob kumpens għal danni materjali (l-Artikolu 68 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika l-ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti u l-interessi mitlufa)?

B’mod ġenerali, id-dikjarazzjoni li tixtieq tingħaqad mal-proċeduri kriminali bħala parti ċivili għandha tinkludi sommarju tal-każ, ir-raġunijiet għaliex taħseb li għandek id-dritt li tingħaqad mal-proċeduri, u l-ħatra ta’ persuna awtorizzata li taċċetta n-notifika fil-post fejn il-qorti għandha s-sede tagħha, jekk ma tkunx residenti b'mod permanenti hemmhekk.

Jekk id-dikjarazzjoni li tixtieq tingħaqad mal-proċeduri kriminali bħala parti ċivili tirrigwarda talba għal kumpens għal uġigħ u tbatija, u danni mhux materjali, ma tkun meħtieġa ebda proċedura bil-miktub. F’dawn il-każijiet, il-parti ċivili normalment titlob somma simbolika (EUR 44 bla preġudizzju (me epifelaksi)) u mhux l-ammont kollu pretiż. Jekk il-qorti tiddikjara lill-akkużat ħati, tordna li titħallas din is-somma simbolika bħala kumpens. Għall-bqija, għandek tippreżenta rikors separat f’qorti ċivili. Jekk it-talba tiegħek tirrigwarda l-irkupru ta’ danni materjali kkawżati lilek mir-reat, trid tinnotifika lill-konvenut mill-inqas ħamest ijiem qabel il-proċess, u telenka kollox f’punti individwali ta’ dannu (l-Artikolu 68 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

Hemm xi formola speċifika għal talbiet bħal dawn?

Ma hi prevista ebda formola speċifika. Id-dikjarazzjoni tiegħek għandha tinkludi dak kollu msemmi hawn fuq. Kif indikat hawn fuq, proċedura speċifika ta’ qabel il-proċess tkun meħtieġa biss meta l-qorti kriminali tintalab tagħmel tajjeb għad-danni materjali, u f’dan il-każ l-avviż għandu jiġi notifikat lill-akkużat ħamest ijiem qabel is-smigħ.

X’evidenza neħtieġ inressaq biex nappoġġja t-talba tiegħi?

Qabel is-smigħ tal-każ, għandek tipproduċi kwalunkwe dokument li jissostanzja bil-provi t-talba tiegħek, jiġifieri ċertifikati mediċi, dikjarazzjonijiet, xhieda u kull evidenza oħra.

Hemm tariffi tal-qrati jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?

Għandek tħallas tariffa tar-rikors ta’ EUR 40 (l-Artikolu 63 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, kif applikabbli mit-23 ta’ Jannar 2017, wara emenda mil-Liġi 4446/2016).

Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew waqt il-proċeduri? Dan nista’ niksbu jekk ma nkunx residenti fil-pajjiż fejn jiżvolġu l-proċeduri?

Il-liġi (l-Artikolu 1 tal-Liġi 3226/2004) tipprevedi għajnuna legali lil ċittadini ta’ Stat Membru tal-UE b’introjtu baxx, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat jekk dawn ikunu residenti legalment jew ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadini b’introjtu baxx intitolati għall-għajnuna legali huma dawk li l-introjtu annwali tal-familja tagħhom ma jaqbiżx iż-żewġ terzi tal-introjtu personali annwali minimu ddefinit fil-Ftehim Kollettiv Nazzjonali Ġenerali tax-Xogħol. Fil-każ ta’ tilwima domestika, l-introjtu tal-parti l-oħra fit-tilwima ma jiġix ikkunsidrat. L-għajnuna legali fi kwalunkwe talba kriminali jew ċivili hija disponibbli wkoll għall-vittmi kollha tar-reati msemmija fl-Artikoli 323 (traffikar ta’ lsira), 323A (traffikar tal-bnedmin, ilsiera jew servitù u żwieġ sfurzat), 323B(a) (arranġament ta’ vjaġġar bi skop ta’ parteċipazzjoni f’atti ta’ kopulazzjoni sesswali jew f’atti indeċenti oħra li jinvolvu minuri (turiżmu sesswali)), 324 (ħtif ta’ minuri), 339 (korruzzjoni ta’ minuri), 348A (pedopornografija), u 351A (atti indeċenti li jinvolvu minuri għal ħlas) tal-Kriminali Kodiċi u fl-Artikoli 87(5) u (6) (faċilitazzjoni tad-dħul fil-Greċja, ħruġ mill-Greċja jew residenza illegali fil-Greċja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz) u 88 (trasport illegali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-Greċja) tal-Liġi 3386/2005, u lil minorenni li jkunu vittmi tal-atti msemmija fl-Artikoli 336 (stupru), 338 (abbuż sesswali), 343 (atti indeċenti b’abbuż ta’ awtorità), 345 (inċest), 346 (atti indeċenti bejn qraba), 347 (atti indeċenti li jmorru kontra n-natura — dan ir-reat tneħħa), 348 (faċilitazzjoni tad-debuxxjar ta’ persuni oħra), 348B (tħajjir ta’ tfal għal skopijiet sesswali), 348C (rappreżentazzjonijiet pornografiċi ta’ minuri), u 349 (akkwist ta' prostituzzjoni) tal-Kodiċi Kriminali.

Meta l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trażgressur?

Jekk il-qorti kriminali tiddeċiedi li l-prosekuzzjoni kriminali m’għandhiex tipproċedi jew għandha tiġi miċħuda għal kwalunkwe raġuni, ma tistax tikkunsidra l-azzjoni ċivili. Tiċħad ukoll azzjoni ċivili jekk din ma tkunx ġiet ippreżentata legalment kif deskritt hawn fuq, jew jekk tkun infondata fid-dritt, jew jekk it-talba ma tkunx fondata fuq il-merti, pereżempju għaliex ma tkunx sofrejt direttament b’riżultat tar-reat jew ma tkunx id-detentur tal-interess legali kkonċernat.

Nista’ nappella kontra deċiżjoni bħal din jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?

Tista’ tressaq appell ordinarju (efesi) kontra liberazzjoni mill-qorti kriminali distrettwali, lill-qorti tal-ewwel istanza b’membru wieħed jew bi tlieta jew mill-qorti tal-appell għall-kontravvenzjonijiet (plimellima) jekk tiġi ordnat tħallas kumpens u spejjeż, u għal dak il-punt biss (l-Artikolu 486(1b) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Tista’ wkoll tressaq appell ordinarju kontra sentenza li tikkundanna lill-akkużat sakemm din tkun ċaħdet it-talba tiegħek għar-raġuni li ma tkunx fondata fid-dritt jew tkun tatek kumpens finanzjarju jew materjali, sakemm l-ammont totali mitlub ikun qabeż il-EUR 100 jekk l-appell isir kontra sentenza tal-qorti kriminali distrettwali, EUR 250 jekk isir kontra sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza b’membru wieħed jew tal-qorti tal-minorenni b’membru wieħed, jew EUR 500 jekk isir kontra sentenza tal-qorti tal-ewwel istanza bi tliet membri jew tal-qorti tal-minorenni bi tliet membri (l-Artikolu 488 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali). Tista’ tressaq appell fuq punt tal-liġi (anaferesi) kontra sentenza li tikkundanna lill-akkużat sakemm din tkun ċaħdet it-talba tiegħek minħabba li ma tkunx fondata fid-dritt (l-Artikolu 505(1c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali) jew kontra liberazzjoni jekk tkun ġejt ordnat tħallas kumpens u spejjeż (l-Artikolu 505(1c) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali).

Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ niżgura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra t-trażgressur u x’għajnuna nista’ ningħata biex dan niżgurah?

Il-kumpens mogħti mill-qorti kriminali huwa essenzjalment l-aċċettazzjoni ta' talba ċivili. Għalhekk din tiġi eżegwita bil-proċess tal-eżekuzzjoni għal sentenzi ċivili (anankastikí ektélesis).

L-aħħar aġġornament: 06/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.