- Kif nista’ nitlob għad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon mingħand awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali) u lil min għandi nibgħatha din it-talba?
- F’liema stadju tal-proċedimenti kriminali għandi nressaq it-talba tiegħi?
- X'nista’ nistaqsi fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-qligħ u l-interessi mitlufa)?
- Hemm formola speċifika għal dawn it-talbiet?
- Liema provi neħtieġ nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?
- Hemm xi tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?
- Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew matul il-proċedimenti? Jista’ jkolli għajnuna legali jekk ma ngħix fil-pajjiż fejn qiegħdin iseħħu l-proċedimenti?
- Il-qorti kriminali meta tista’ ticħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra l-awtur tar-reat?
- Nista nappella kontra din id-deċiżjoni jew insib mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?
- Jekk il-qorti taqta’ l-kwistjoni tad-danni favur tiegħi, kif nassigura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u liema għajnuna nista’ nikseb għal dan il-għan?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Kif nista’ nitlob għad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon mingħand awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali) u lil min għandi nibgħatha din it-talba?
Inti tista’ titlob kumpens għad-dannu mġarrab minħabba reat billi tressaq talba ċivili fi proċedimenti kriminali. Talba ċivili tista’ titressaq fil-fażi ta’ qabel il-proċess, billi tiġi ppreżentata lill-uffiċjali li jkun qiegħed imexxi l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess jew lill-prosekutur, u meta l-kawża tkun qiegħda tinstema, lill-qorti. Jekk it-talba ċivili ma titressaqx jew ma tkunx ġietx eżaminata matul il-proċedimenti kriminali, inti tista’ tressaq talba ċivili f’proċedimenti ċivili.
F’liema stadju tal-proċedimenti kriminali għandi nressaq it-talba tiegħi?
Talba ċivili tista’ titressaq fi kwalunkwe ħin matul il-proċedimenti kriminali, sakemm il-provi jibdew jiġu kkunsidrati mill-qorti.
X'nista’ nistaqsi fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-qligħ u l-interessi mitlufa)?
Permezz ta’ talba ċivili inti tista’ titlob kumpens għal dannu materjali u mhux materjali kkawżat mir-reat kommess mis-suspettat jew mill-akkużat. It-talba ċivili tiegħek trid tispeċifika l-ammont eżatt li qed titlob u tiddikjara ċ-ċirkostanzi ta’ sostenn.
Hemm formola speċifika għal dawn it-talbiet?
Ma hemmx formoli speċjali għal talbiet ċivili. Japplikaw biss ir-rekwiżiti ġenerali għad-dokumenti proċedurali ppreżentati lill-qorti.
Liema provi neħtieġ nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?
Jenħtieġ li tippreżenta provi bil-miktub, materjali jew ta’ xorta oħra biex isostni l-ammont ta’ danni mġarrba.
Hemm xi tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?
Talba ċivili mressqa quddiem qorti għal kumpens għal dannu materjali u mhux materjali ikkawżat minħabba reat hija eżentata mit-taxxa tal-boll.
Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u/jew matul il-proċedimenti? Jista’ jkolli għajnuna legali jekk ma ngħix fil-pajjiż fejn qiegħdin iseħħu l-proċedimenti?
Iva, ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja, iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea u persuni fiżiċi oħra li jirrisjedu legalment fir-Repubblika tal-Litwanja u Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea għandhom dritt għal għajnuna legali sussidjarja f’każijiet marbuta mal-kumpens għal danni kkawżati minħabba reati. Id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ għajnuna legali għandhom jittieħdu mis-Servizz ta’ Għajnuna Legali Iggarantit mill-Istat (Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos tarnyba).
Il-qorti kriminali meta tista’ ticħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra l-awtur tar-reat?
Talba ċivili tiġi miċħuda jekk ma hemmx provi li l-akkużat ħa sehem f’reat kriminali.
Talba ċivili ma tiġix eżaminata jekk l-akkużat ġie liberat mill-akkużi għaliex ma ġie kommess l-ebda att li għandu l-elementi kostitwenti ta’ reat jew ta’ reat minuri jew jekk il-parte ċivile jew ir-rappreżentant tiegħu ma jattendux għas-seduta ta' smigħ. F’dawn il-każijiet, il-parti fil-kawża ċivili għandha dritt tressaq talba f’proċedimenti ta' natura ċivili.
F’każijiet eċċezzjonali, fejn ma tistax issir kwantifikazzjoni preċiża tal-ammont li għandu jingħata għaliex jenħtieġ materjal addizzjonali, il-qorti tista’ tirrikonoxxi d-drittijiet tal-parti fil-kawża ċivili li t-talba tagħha tiġi sodisfatta meta taqta’ l-kundanna u tgħaddi d-deċiżjoni dwar l-ammont tat-talba lil-qorti ċivili.
Nista nappella kontra din id-deċiżjoni jew insib mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?
Iva, tista’ tappella kontra din id-deċiżjoni tal-qorti quddiem qorti tal-appell skont il-proċedura prevista fil-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Baudžiamojo proceso kodeksas).
Jekk il-qorti taqta’ l-kwistjoni tad-danni favur tiegħi, kif nassigura li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u liema għajnuna nista’ nikseb għal dan il-għan?
Meta s-sentenza li tagħti kumpens għad-danni ssir finali, inti għandek dritt tikseb mandat ta’ eżekuzzjoni, li tista’ tippreżenta lill-bailiff, li mbagħad jeżegwixxi l-irkupru tal-ammont. Jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet applikabbli kollha, matul il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni tista’ tingħata wkoll għajnuna legali sussidjarja garantita mill-Istat.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.