- Kif nista’ nressaq talba għall-kumpens tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon mingħand awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?
- F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?
- X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħaxijiet)?
- Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?
- Xi provi rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?
- Hemm xi tariffi tal-qrati jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?
- Nista’ ningħata għajnuna legali qabel u/jew matul il-proċedimenti? Nista’ ningħata l-għajnuna legali anki jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn isiru l-proċedimenti?
- Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra l-imputat?
- Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?
- Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Kif nista’ nressaq talba għall-kumpens tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon mingħand awtur ta’ reat fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?
Sabiex tikseb kumpens tad-dannu kkawżat minn reat kriminali, il-parti leża tista’ tressaq rikors quddiem qorti kriminali jew ċivili.
L-aktar mezz proċedurali importanti li bihom il-vittmi ta’ reat jistgħu jiksbu ordni li ġġiegħel lill-imputat iħallas danni jew kumpens huma billi titressaq azzjoni ċivili fi ħdan il-proċedimenti kriminali. Il-benefiċċju ta’ dan l-approċċ huwa li jippermetti li jintużaw il-provi kollha mressqa quddiem il-qorti kriminali, filwaqt li proċedimenti ċivili separati quddiem qorti ċivili huma rregolati mill-“prinċipju tad-disponibbiltà”.
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw kif azzjoni ċivili titressaq fi proċedimenti kriminali huma stabbiliti fl-Artikoli 19 sa 28 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali.
L-iskop ta’ azzjoni ċivili mressqa fi proċedimenti kriminali huwa biex il-persuni jinżammu responsabbli taħt il-liġi ċivili għal kwalunkwe dannu kkawżat mir-reat kriminali li jkun qiegħed jiġi indirizzat mill-proċedimenti kriminali.
Azzjoni ċivili tista’ titressaq minn parti leża – jew mis-suċċessuri tagħha – li jkunu parte civile fil-proċedimenti kontra imputat u, fejn applikabbli, parti b’responsabbiltà ċivili.
Meta l-parti leża tkun inabilitata jew ikollha kapaċità limitata li taġixxi, l-azzjoni ċivili tista’ titressaq f’isimha minn rappreżentant legali jew, fejn applikabbli, prosekutur pubbliku.
Jekk ma jkunux issieħbu fil-proċedimenti kriminali bħala parte civile, il-partijiet leżi jew is-suċċessuri tagħhom, jistgħu jressqu azzjoni quddiem il-qorti ċivili għal kumpens għad-dannu kkawżat minn reat kriminali.
F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?
Fil-bidu tal-ewwel seduta, il-parti leża tkun informata bid-dritt li tissieħeb fi proċedimenti kriminali bħala parte civile.
Rikors biex tiddaħħal bħala parte civile (cerere de constituire ca parte civilă) jista’ jitressaq matul l-istadji ta’ qabel il-proċess ta’ prosekuzzjoni kriminali jew jitressaq quddiem l-awla preliminari, kif ukoll matul il-proċess, iżda jrid jiġi ppreżentat qabel ma tibda l-investigazzjoni ġudizzjarja.
Waqt li l-investigazzjoni ġudizzjarja tkun għadha għaddejja, il-parte civile tista’ tikkoreġi kwalunkwe żball klerikali fir-rikors biex tiddaħħal bħala parte civile, iżżid jew tnaqqas it-talba u titlob kumpens għal danni materjali fil-forma ta’ ħlas bi flus, jekk kumpens in natura ma jkunx għadu possibbli.
X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħaxijiet)?
Biex tiddaħħal bħala parte civile trid tagħmel talba bil-miktub jew verbalment. In-natura u l-ammont tat-talba jridu jiġu ddikjarati flimkien mar-raġunijiet u l-provi li fuqhom hija bbażata t-talba.
Jekk dan isir verbalment, il-qorti hija meħtieġa tirreġistrah f’rapport formali jew, fejn applikabblli, f’ordni tal-qorti (încheiere).
Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?
Ma hemmx formola speċifika, iżda azzjoni ċivili tista’ tinġieb fi proċedimenti kriminali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin: Il-parte civile tidħol fil-proċedimenti qabel ma tibda l-investigazzjoni ġudizzjarja, u din issir b’talba bil-miktub jew verbali fejn jiġu ddikjarati n-natura u l-ammont tat-talba, kif ukoll ir-raġunijiet u l-evidenza li fuqhom hija bbażata t-talba.
Xi provi rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?
Fi proċedimenti kriminali, provi jfissru kwalunkwe fatt li jservi biex tiġi stabbilita l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ reat kriminali, li jidentifika l-persuna li wettqitu u li jiddetermina ċ-ċirkostanzi meħtieġa biex il-kawża tinqata’ b’mod ġust, u li jikkontribwixxi biex tiġi stabbilita l-verità fil-proċedimenti kriminali.
Hemm xi tariffi tal-qrati jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?
Azzjoni ċivili biex tiddetermina r-responsabbiltà ċivili ta’ imputat u/jew parti b’responsabbiltà ċivili li titressaq quddiem il-qorti kriminali jew il-qorti ċivili, hija eżentata mit-tariffi tal-qorti (taxă de timbru).
Nista’ ningħata għajnuna legali qabel u/jew matul il-proċedimenti? Nista’ ningħata l-għajnuna legali anki jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn isiru l-proċedimenti?
Il-partijiet u dawk li l-litiganti fi proċedimenti kriminali huma rrappreżentati jew assistiti minn avukat.
Matul il-prosekuzzjoni kriminali, l-avukat tal-parti leża għandu d-dritt li jkun informat bid-data u l-ħin tal-investigazzjoni kriminali jew tas-seduta quddiem l-imħallef tad-drittijiet u l-libertajiet (judecător de drepturi și libertăți) li jkun preżenti fi kwalunkwe fażi sakemm mhux stupulat mod ieħor mil-liġi, id-dritt li jikkonsulta l-atti tal-kawża u li jissottometti rikorsi u dikjarazzjonijiet. Fl-istess waqt, l-avukat tal-parti leża għandu d-dritt li jingħata l-ħin u l-faċilitajiet meħtieġa biex iħejji u jiżviluppa difiża effettiva.
L-għajnuna legali għall-parti leża hija obbligatorja meta ma jkollhiex kapaċità li taġixxi jew kapaċità restritta li taġixxi, kif ukoll meta l-parti leża tkun vittma ta’ reati ta’ trattament ħażin ta’ minuri, vjolenza domestika, reati li jikkonċernaw traffikar u sfruttament ta’ persuni vulnerabbli, u reati kontra l-libertà sesswali u l-integrità. Meta l-qorti tqis li, għal ċerti raġunijiet, il-parti leża ma hijiex se tkun kapaċi tiddefendi lilha nnifisha, din tirranġa għal avukat maħtur mill-qorti biex jiddefendiha.
Il-parti leża għandha d-dritt li tiġi pprovduta b’interpretu mingħajr ħlas meta ma tkunx tifhem, titkellem sew jew ma tistax tikkomunika bir-Rumen u d-dritt li tkun tingħata traduzzjoni f’lingwa li tifhem ta’ kwalunkwe riżoluzzjoni mhux tal-proċess (soluție de netrimitere în judecată) meta ma tkunx tifhem bir-Rumen.
Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra l-imputat?
Kif iddikjarat hawn fuq, azzjoni ċivili tista’ titressaq fi proċedimenti kriminali jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin: il-parte civile tissieħeb fil-proċedimenti qabel ma tibda l-investigazzjoni ġudizzjarja, u din issir bil-miktub jew oralment bin-natura u l-ammont tat-talba ddikjarati, kif ukoll ir-raġunijiet u l-evidenza li fuqhom hija bbażata t-talba.
F’konformità mal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, il-qorti tħalli azzjoni ċivili mhux solvuta fil-każijiet li ġejjin: fil-każ li l-imputat jiġi lliberat; terminazzjoni tal-proċedimenti kriminali minħabba li l-att ma jkunx jaqa’ taħt il-liġi kriminali, ma kienx hemm kwerela preliminari, awtorizzazzjoni jew rinviju lill-korp kompetenti jew kwalunkwe kundizzjoni oħra stabbilita mil-liġi meħtieġa biex titressaq prosekuzzjoni; amnestija; il-mewt tas-suspettat jew tal-imputat jew jekk tkun ġiet ordnata d-direġistrazzjoni tal-persuna ġuridika suspettata jew akkużata; jekk tkun tapplika l-awtorità ta’ deċiżjoni finali (res judicata); Ikun seħħ trasferiment ta’ proċedimenti miftiehma ma’ Stat ieħor f’konformità mal-liġi; fil-każ ta’ terminazzjoni tal-proċedimenti kriminali wara l-irtirar tal-kwerela preċedenti; u, jekk il-qorti taċċetta patteġġament u ma jkunx intlaħaq ftehim bonarjyu jew ftehim ta’ medjazzjoni bejn il-partijiet fl-azzjoni ċivili. F’dan il-każ, il-parti leża tista’ tressaq azzjoni fil-qorti ċivili għal kumpens għal dannu kkawżat minn reat kriminali.
Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon?
Jekk qorti tħalli l-azzjoni ċivili mhux riżolta, il-parti leża tista’ tressaq azzjoni fil-qorti ċivili għal kumpens tad-dannu kkawżat minn reat kriminali.
Jekk qorti kriminali tkun tat deċiżjoni fuq l-azzjoni ċivili, parti leża li ma tkunx sodisfatta b’dik id-deċiżjoni tista’ tappella kontra s-sentenza fi żmien 10 ijiem minn meta tingħata dik is-sentenza, jew, fejn applikabbli, fi żmien 10 ijiem minn meta tiġi nnotifikat dik is-sentenza.
Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra l-awtur tar-reat u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?
Digrieti dwar danni ċivili u spejjeż li jridu jitħallsu lill-partijiet li jifformaw parti minn sentenza fi proċedimenti kriminali huma eżegwiti f’konformità mal-liġi ċivili.
Il-konformità ma’ obbligu stabbilit b’deċiżjoni ta’ qorti jew titolu eżekuttiv ieħor inizjalment iseħħ fuq bażi volontarja.
Jekk id-debitur jonqos milli jissodisfa l-obbligu b’mod volontarju, il-konformità mbagħad tiġi żgurata permess ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni, li jinbdew b’talba lil korp ta’ eżekuzzjoni.
L-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe titolu eżekuttiv, sakemm mhux stipulat mod ieħor mil-liġi, titwettaq minn uffiċjal ġudizzjarju (executor judecătoresc).
Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni hija t-tieni stadju tal-proċedimenti ċivili u hija maħsuba prinċipalment biex jiġi żgurat l-eżerċizzju attwali ta’ dritt rikonoxxut permezz ta’ sentenza tal-qorti jew titolu eżekuttiv ieħor. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tiżgura li kreditur li huwa d-detentur ta’ dritt rikonoxxut minn sentenza tal-qorti/titolu eżekuttiv jista’ jobbliga lil debitur biex jissodisfa l-obbligi li jkun irrifjuta li jissodisfa volontarjament.
Id-dispożizzjonijiet dwar l-eżekuzzjoni huma stipulati fl-Artikoli 622 sa 914 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.