- Kif nista’ nagħmel talba għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn trasgressur fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?
- F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?
- X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħaxijiet)?
- Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?
- Liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?
- Hemm xi tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?
- Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u / jew waqt il-proċeduri? Nista’ nirċiviha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?
- Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trasgressur?
- Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju / sodisfazzjon?
- Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra t-trasgressur u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Kif nista’ nagħmel talba għall-ħlas tad-danni jew mezzi oħra ta’ rimedju/sodisfazzjon minn trasgressur fi proċess (proċedimenti kriminali), u lil min għandi nindirizza din it-talba?
Parti li ġġarrab ħsara tista’ tfittex għad-danni lit-trasgressur fi proċedimenti kriminali billi tippreżenta talba ċivili (premoženjskopravni zahtevek).
Applikazzjoni għal talba ċivili (parti ċivili għal proċedimenti kriminali) tiġi ppreżentata quddiem l-awtorità li quddiemha jkun ġie ppreżentat ilment kriminali (Uffiċċju Reġjonali tal-Prosekutur Pubbliku), jew quddiem il-qorti li quddiemha tkun pendenti l-kawża.
Talba ċivili tista’ tinvolvi kumpens, ir-ritorn ta’ oġġett jew tħassir ta’ tranżazzjoni legali partikolari.
F’liema punt fil-proċedimenti kriminali għandi nippreżenta talba?
Meta tiġi ppreżentata minn rikorrent intitolat, talba ċivili li tirriżulta minn reat kriminali tiġi indirizzata fi proċedura kriminali jekk din ma tkunx tittardja bla bżonn dan il-proċess.
Il-proposta għal azzjoni ċivili fi proċedimenti kriminali tista’ tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn tmiem is-seduta orali quddiem il-qorti tal-prim’istanza.
Jekk rikorrent ma jippreżentax l-applikazzjoni għal talba ċivili fi proċedimenti kriminali qabel ma jitressqu l-akkużi, ir-rikorrent jiġi informat li jista’ jagħmel dan sa tmiem is-seduta prinċipali.
X’nista’ nitlob fit-talba u kif għandi nippreżentaha (nindika ammont totali u/jew nispeċifika t-telf individwali, il-profitti mitlufa u l-imgħaxijiet)?
Rikorrent intitolat irid jindika bi preċiżjoni t-talba u jippreżenta dokumenti ta’ prova (eż. rapporti, fatturi, dokumenti mediċi). Indikazzjoni preċiża tat-talba tfisser li r-rikorrent irid jindika, sa fejn possibbli, it-tip u l-ammont tal-ħsara u l-mezz ta’ rimedju.
Hemm formola speċifika għal talbiet bħal dawn?
Le.
Liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?
Il-kontenut tat-talba tal-parti li ġġarrab il-ħsara jrid jintwera bil-mod tas-soltu (eż. b’rapporti, b’fatturi, b’dokumentazzjoni medika).
Hemm xi tariffi tal-qorti jew spejjeż oħra marbuta mat-talba tiegħi?
Iva, titħallas tariffa tal-qorti għal kull stadju tal-proċedura, bl-ammont li jiddependi mill-valur tat-talba.
It-tariffa għall-approvazzjoni ta’ applikazzjoni għal talba ċivili fi proċedimenti kriminali (fis-sħuħija jew parti minnha) hi pagabbli mill-konvenut.
Nista’ nikseb għajnuna legali qabel u / jew waqt il-proċeduri? Nista’ nirċiviha anke jekk ma nkunx qed ngħix fil-pajjiż fejn iseħħu l-proċedimenti?
Fi proċeduri ġudizzjarji, barranin (li ma jkunux residenti tar-Repubblika tas-Slovenja) huma intitolati għal għajnuna legali b’xejn (pariri legali, rappreżentanza legali u servizzi legali oħra, jew eżenzjoni mill-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedimenti) bil-kundizzjoni ta’ reċiproċità jew bil-kundizzjonijiet u fil-każijiet determinati mit-trattati internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika tas-Slovenja.
Meta tista’ l-qorti kriminali tiċħad jew tirrifjuta li tiddeċiedi dwar it-talba tiegħi kontra t-trasgressur?
Il-qorti tilqa’ t-talba ċivili (fis-sħuħija tagħha jew parti minnha) biss jekk it-trasgressur jiġi kkundannat (f’sentenza li ssib lill-konvenut ħati). F’każijiet oħra (meta l-informazzjoni mill-proċedura kriminali ma tipprovdix bażi affidabbli għal sentenza sħiħa jew parzjali), il-parti li ġarrbet il-ħsara, b’mod sħiħ jew parzjali, tingħata parir tiftaħ azzjoni ċivili, peress li l-qorti kriminali ma tkunx tista’ tiċħad it-talba.
Anki jekk il-qorti taqta’ sentenza li skont din il-konvenut jinħeles jew l-akkużi jiġu miċħuda, jew il-qorti toħroġ deċiżjoni li tirriżulta f’sospensjoni tal-proċedimenti jew fi twaqqigħ tal-akkużi, din tirreferi lill-parti li ġġarrab id-dannu biex tiftaħ it-talba ċivili tagħha quddiem qorti ċivili.
Jekk il-qorti tiddikjara li m’għandhiex ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali, din għandha tinforma lill-parti li ġġarrab id-dannu li hi tista’ tinnotifika l-azzjoni ċivili tagħha lill-qorti kompetenti, li mbagħad tniedi jew tissokta l-proċedimenti.
Nista’ nappella kontra din id-deċiżjoni jew infittex mezzi oħra ta’ rimedju / sodisfazzjon?
Le, għaliex il-parti li ġġarrab id-dannu tista’ tikkontesta s-sentenza biss fir-rigward tad-deċiżjoni tal-qorti fuq l-ispejjeż tal-proċedimenti kriminali.
L-uniċi eċċezzjonijiet huma każijiet li fihom il-prosekutur pubbliku jkun ħa f’idejh il-prosekuzzjoni mingħand il-parti li ġġarrab id-dannu bħala prosekutur. Hawnhekk, il-parti li ġġarrab id-dannu tista’ tikkontesta s-sentenza f’kull aspett, inkluża d-deċiżjoni dwar azzjonijiet ċivili.
Jekk ningħata kumpens għad-danni mill-qorti, kif nista’ nkun żgur li s-sentenza tiġi eżegwita kontra t-trasgressur u x’għajnuna nista’ nikseb biex niżgura dan?
Ladarba deċiżjoni dwar it-talba ċivili tkun finali, il-parti li ġġarrab id-dannu tista’ titlob li l-qorti tal-prim’istanza toħroġ kopja awtentikata tad-deċiżjoni, li tindika li d-deċiżjoni hi eżegwibbli.
Is-sentenza tkun eżegwibbli ladarba ssir finali u tiskadi l-iskadenza għall-pagament volontarju. Il-qorti kompetenti tinfurza s-sentenza finali, li tikkostitwixxi strument eżegwibbli, f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Fuq il-bażi tal-istrument eżegwibbli (sentenza), tiġi ppreżentata proposta għall-eżekuzzjoni lill-qorti distrettwali kompetenti, li tindika l-mezzi ta’ eżekuzzjoni (eż. sekwestru tal-qligħ, tal-fondi miżmuma f’kont tal-bank, tal-proprjetà mobbli jew immobbli).
Fi proċedura ġudizzjarja, barranin (li ma jkunux residenti tar-Repubblika tas-Slovenja) huma intitolati għal għajnuna legali b’xejn bil-kundizzjoni ta’ reċiproċità jew skont il-kundizzjonijiet u fil-każijiet determinati mit-trattati internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika tas-Slovenja.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.